L-Avvent ta’ Poeta Ġdid

Is-sena li għaddiet id-dar tal-kotba Skarta (li tispeċjalizza fuq ammonti żgħar ta’ kopji) ppubblikat il-ġabra tal-poeżiji ta’ John Aquilina Leħnek il-Libsa Tiegħi.

Aquilina (1977) hu relattivament isem ġdid fil-kamp tal-poeżija Maltija għalkemm f’dawn l-aħħar snin il-poeżiji tiegħu dehru f’diversi antoloġiji u websajts. Il-poeta beda jikteb il-poeżija fl-1994.

L-avvent tiegħu imma bla dubju hu wieħed impresjonanti meta tqis l-ewwelnett il-kwalità ta’ vrusu (li jibqgħu jintrigawk anki wara li taqrahom) kif ukoll il-produzzjoni eċċellenti tal-ktieb li tebagħ. Ftit huma dawk il-poeti li jibdew l-avventura tagħhom fil-pubblikazzjoni b’dan il-mod.

Ta’ min jirrimarka għall-istorja, li s-sena li għaddiet, kienet waħda xotta u ftit rajna pubblikazzjonijiet fejn tidħol il-poeżija u żgur li l-kontribut ta’ Aquilina kien wieħed frisk u interessanti u li jinteressa u jintriga. Filfatt għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena, hemm jikkonkorru biss tliet kotba fosthom dan ta’ Aquilina.

Aquilina ġej mid-dinja tax-Xjenzi u l-għalqa tiegħu hi l-Matematika li studjaha fl-Universitajiet ta’ Malta, Cambridge, u Bath. Hu inrteressanti kif donnha l-Matematika u x-Xjenza per se huma assenti mill-kwadretti poetiċi tiegħu. Għax Aquilina essenzjalment jikteb dwar il-bniedem.

Il-poeżija tiegħu bosta drabi hi konċiża imma tibqa’ tidwi fik. Hemm saffi differenti ta’ interpretazzjonijiet. Hemm kif kiteb Oliver Friggieri eżerċizzju maħdum bir-reqqa fit-tħaddim tal-metrika (anki dan il-fattur hu importanti għax bosta drabi l-metrika l-lum tiġi injorata mill-kittieba l-ġodda. B’metrika mhux nifhmu vrus tradizzjonali).

Il-poeta donnu hu maqbud bejn l-imħabba u l-mewt. Il-ħin kollu jipprovdi immaġnijiet marbuta man-natura speċjalment il-baħar.

Il-poeżija spiss hi indirizzata lil xi persuna moħbija li aktarx hi mara. Il-preżenza tagħha tfisser għall-poeta rebħa importanti: meta tkun miegħu jaqgħu żewġ kunċetti ewlenin iż-żmien u l-ispazju (La hawn Int).

Immanuel Mifsud jiddeskrivi din il-ġabra bħala poeżiji tal-qalb. Meta m’hemmx l-imħabba, ix-xenarju jaqleb għall-mewt jew għas-solitudni jew għall-uġigħ jew għan-niket. Imma anki fin-niket il-poeta jsib ċertu serħan. In-niket tiegħu b’dan il-mod jissaffa u jippurifika ruħu u jqarrbu lejn il-poeżija.

Drabi oħra jiddomina u jibqa’ jidwi l-baħħ etern. Aquilina jiddikjara li “mhux ħela d-dmugħ, jekk tkun qed tfur bin-niket.” (Meta Tolfoq).

Il-mewt donnu qed jippreżenta bħala passaġġ faċli u bżonnjuż. Il-poeżija Il-Mewt turi dan. Għalih l-immortalità mhi xejn ħlief pass monotonu (L-Immortali)

Għada nidra nimxi Waħdi hi fil-fehma tiegħi waħda mill-aħjar poeżiji fil-ġabra u fiha ritmu li jintrigak speċjalment meta l-poeta jiddikjara fil-vjaġġ “għad nidra nimxi waħdi,/u ma nfittixx lanqas il-kuntentizza. Xħin ma jarani ħadd narmi ħtijieti fi sqaq li baqa’ vojt, ngħattihom b’bikja.”

Il-produzzjoni tal-ktieb saret mill-artist Pierre Portelli li bosta jafuh għad-daqqa kreattiva tiegħu fil-qasam.

Fost l-oħrajn, id-dar tal-kotba Skarta ħarġet il-poeżiji ta’Adrian Grima, Immanuel Mifsud u Antoine Cassar u Joe Brincat.

Biex nissaħħu fl-Ilsien-Omm

2.MT ikompli l-vjaġġ sabiħ fit-tagħlim tal-Malti. Clare Azzopardi ħadmet dan il-proġett u tista’ tgħid li qed tipprovdi opportunità ta’ tagħlim alternattiv li ma jibqax ibbażat biss fuq dak li ndera.

2.MT huwa maħsub għat-tieni sena tal-fażi sekondarja. Il-ktieb jinbena minn tmien taqsimiet u kull taqsima tibda bit-test letterarju li tista’ tgħid kollha nkitbu għal dan il-ktieb minn awturi li normalment ħafna norbtu mal-vapur ta’ Merlin Publishers.

It-testi jvarjaw fl-istil u anki joħorġu mill-kuntest li test hu biss element letterarju. L-awturi jinkludu lil Simon Bartolo, Trevor Żahra, Mark Camilleri u Rita Saliba fost l-oħrajn.

Ma’ kull storja ma jonqsux ukoll il-mistoqsijiet jew attivitajiet għax illum il-kunċett ta’ taħriġ il-fehem qed jinbidel ukoll. Żmien ir-riproduzzjoni fidila ta’ test illum spiċċat. It-test fl-aħħar mill-aħħar irid jipprovaka u mhux jgħażżen.

It-taqsimiet tal-ktieb jindirizzaw erba’ ħiliet bażiċi fejn tidħol il-lingwa: il-qari, il-kitba, it-taħdit u s-smigħ. Xi ħaġa li tolqtok mill-ewwel hu t-tip ta’ kontenut li Azzopardi nkludiet: il-kultura f’sens wiesgħa.

Element interessanti huma l-podcasts fejn numru ta’ persunaġġi lokali qed jiġu ntervistati dwar il-ħidma tagħhom jew inkella stejjer. Il-persunaġġi intervistati minn Sergio Grech huma Charles Azzopardi, Charles Sammut, Ruben Zahra, Mark Scicluna u Rita Saliba.

Azzopardi jitkellem dwar il-kunflitt waqt li Saliba ġiet intervistata dwar il-proċess tal-kitba. Ruben Zahra jitkellem dwar l-għana waqt li Mark Scicluna ġie ntervistat dwar l-illustrazzjoni fil-kotba għat-tfal. Charles Sammut tkellem dwar l-attur.

Il-ktieb fih element ieħor interessanti: il-faċilità li l-istudent jibni portfoljo. Dan hu importanti għax il-portfoljo jagħti l-opportunità lill-istudent biex jiċċelebra l-ħiliet u l-kisbiet tiegħu. Għax it-tagħlim mhux l-istudju bl-amment kif ħafna għadhom jaħsbu u li ġġib ħafna marki kemm jista’ jkun qrib il-mija. L-awtriċi tissuġerixxi biex il-portfoljo jinbena ħabib tal-ambjent ukoll.

Il-ktieb jgħin ukoll lill-istudenti biex jiżviluppaw il-proċess tal-kitba u hawnhekk għandna elementi prattiċi kif dan jista’ jsir. Għax il-kitba wara kollox mhix sempliċi tbattil ta’ ideat fuq il-karta u kollox jieqaf hemm.

Il-ktieb ġie illustrat minn Nicole Diacono u jġib it-timbru ta’ Merlin Publishers.

Liġi Importanti għal-Libreriji Maltin

Il-Parlament Malti, ftit tal-ġimgħat ilu, għalaq liġi importanti ħafna: il-Liġi dwar it-twaqqif ta’ Libreriji Maltin. Il-Liġi hija mistennija li ġġib riformi importanti fil-qasam tal-libreriji f’Malta u fuq kollox terġa’ taħtar il-kariga importanti ta’ Librrar Nazzjonali li maż-żmien intilfet u fuq spalltu se jkollu bosta responsabiltajiet fosthom li jara li l-kollezzjoni nazzjonali fil-qasam tkun miġbura u mħarsa u li jara li l-livell tal-qari qalb il-poplu jitla’ permezz ta’ libreriji dinamiċi u ħajjin.

Irid jingħad sa mill-bidu, wara kollox kif anki qalet il-Ministru Cristina, fil-preżentazzjoni tal-Liġi fil-Parlament, li ma jfissirx li dan is-settur ma kellux ħaddiema validi li taw ħafna lill-pajjiż. Li qed jiġri llum hija li bis-saħħa ta’ Libreriji Maltin il-funzjonijiet se jitwessgħu u se jissaħħu. Wara kollox, kien hemm qbil tul dawn l-aħħar snin li l-Liġi li tħares il-libreriji għandha tkun aġġornata. Kien ġest pożittiv u importanti li gvern u oppożizzjoni qablu dwarha.

Inħoss li din il-Liġi għandha tkun interpretata fid-dawl ukoll tar-riformi importanti li għaddejjin fil-kamp edukattiv fejn il-mira hi li jkollna ċittadini aħjar, b’viżjoni ħolistika, ippreparati għad-dinja ta’ barra.

Il-Liġi qed tgħid li Libreriji Maltin se jkollha l-missjoni li tiżgura l-kompilazzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt dokumentarju ta’ Malta għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri u li żżomm u tiżviluppa l-libreriji u tinkoraġixxi l-ġbir tal-għerf tul il-ħajja.

Libreriji Maltin se tieħu post dak li dawn l-aħħar snin kien id-Dipartiment tal-Libreriji. Libreriji Maltin imma mhux se tkun kuntenta bil-wirt li għandha imma se jkollha r-responsabilità li tiġbor u tikseb iktar materjal għall-kollezzjoni nazzjonali u dan il-materjal qed dejjem jikber u maż-żmien intilef ħafna minnu. Eżempju żgħir hu l-materjal pubbliċitarju li nirċievu fi djarna. Dak teknikament ukoll hu wirt li għandu jinġabar għax jgħin riċerkatur ta’ għada jifhem l-istorja tal-istampar, l-istorja tan-negozju u ħwejjeġ oħra tal-lum. Hemm ukoll il-kwistjoni importanti tal-wirt diġitali li Libreriji Maltin ma tistax ma tidħolx għalih.

Libreriji Maltin trid tkun ċentru ta’ eċċellenza fil-materja u anki taħdem għat-taħriġ professjonali tal-librara li hu importanti. Dmirha se tkun li tiggwida fis-suġġett. Il-Liġi f’dan l-aspett ma tlaqlaqx.

Libreriji Maltin ingħatat ukoll dawn id-dmirijiet: li tgħin lill-Kunsilli Lokali biex il-libreriji tagħhom ikunu ta’ livell, ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-individwu billi tipprovdi servizzi ta’ referenza u self, u taċċetta u tikseb rekords privati ta’ ċertu importanza.

Il-Liġi se toħloq tliet vakanzi ġodda: il-kariga ta’ Librar Nazzjonali u żewġ deputati librara: wieħed għall-Biblijoteka Nazzjonali u wieħed għal-Libreriji Pubbliċi.

Minn barra l-aspett amministrattiv, il-Librar Nazzjonali irid jara fost l-oħrajn li l-liġijiet marbuta mad-drittijiet tal-awtur u t-tixrid tal-informazzjoni jiġu rispettati, jiddisponi minn rekords fil-kustodja tiegħu li ma jiġġustifikawx il-preservazzjoni minn Libreriji Maltin, u jagħmel arranġamenti ma’ istituzzjonijiet oħra għall-immaniġġar jew il-konservazzjoni jew ir-restawr konġut ta’ libreriji jew materjal ta’ libreriji.

Id-dmirijiet tal-Viċi Librar tal-Biblijoteka Nazzjonali jinkludu l-immaniġġjar u l-konservazzjoni tal-kollezzjoni nazzjonali, it-tkabbir tal-kollezzjoni, organizazzjonijiet tal-kollezzjonijiet li jsiru iktar aċċessibli għar-riċerkaturi, u żvilupp tal-Biblijografija Nazzjonali.

Il-Viċi Librar tal-Libreriji se jkollu l-mandat li jsaħħaħ il-qari billi jara li l-libreriji huma attrezzati, jippromovi opportunitajiet għall-iżvilupp kreattiv personali u għall-għarfien tal-wirt kulturali, il-letteraturta, kisbiet xjentifiċi u innovazzjonijiet, jipprovdi pariri, gwida u assitenza professjonali dwar it-twaqqif u l-immaniġġjar ta’ libreriji u taħriġ tal-professjonisti tal-libreriji, jipprovdi servizzi ta’ informazzjoni għal individwi, intrapriżi lokali u assoċjazzjonijiet u jagħmel l-ishma u s-servizzi tal-libreriji magħrufa permezz ta’ wirjiet u attivitajiet u avvenimenti promozzjonali oħra.

Libreriji Maltin se jkollha wkoll Kunsill maħtur mill-Ministru li se jkun magħmul minn President, l-Arkivista Nazzjonali, il-Kap tad-Diviżjoni tal-Istudji dwar il-Libreriji, l-Informazzjoni u l-Arkivji fl-Università ta’ Malta, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u mhux aktar minn tliet persuni magħżula minn fost dawk il-persuni attivi fil-qasam. Wieħed minnhom se jinħatar wara konsultazzjoni mal-Ministru għal Għawdex u ieħor wara konsultazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-Librara.

Kull kunsill itul tliet snin u għandu dawn id-dmirijiet xi jwettaq: promozzjoni tal-ħidma ta’ Libreriji Maltin, jiżgura u jiffaċilita l-kollaborazzjoni bejn il-partijiet interessati differenti, jagħti parir lill-Ministru u lil-Librar Nazzjonali dwar immaniġjar tal-Libreriji f’Malta, jiġbed l-attenzjoni għal xi azzjoni urġenti meħtieġa għall-immaniġġjar tal-libreriji u jiltaqa’ u jikkonsulta mill-inqas darba fis-sena mal-persuni li jżommu libreriji mhux governattivi u mal-organizazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-libreriji.

Il-Liġi bla dubju se tkun katalista biex fil-qasam tinfetaħ era ġdida.

Jiftaħ it-Tielet Edizzjoni tal-Konkors Rumanzi għaż-Żgħażagħ

L-Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed iniedu t-tielet edizzjoni tal-Konkors “Letteratura għaż-Żgħażagħ” biex jixprunaw il-letteratura Maltija maħsuba għall-età tal-adolexxenza. Għall-iskop ta’ dan il-konkors, b’‘żgħażagħ’, l-organizzaturi qed jifhmu adolexxenti li għandhom bejn 12 u 17-il sena. Għal din l-età hu mistenni li jkun hemm letteratura differenti: li la hi għat-tfal u lanqas għall-adulti.

Dan il-konkors huwa miftuħ biss għal manuskritti li jitrattaw l-età tal-adolexxenza, li jfisser żgħażagħ ta’ bejn 12 u 17-il sena. Fil-konkors jista’ jieħu sehem kulħadd.

Ix-xogħol irid ikun bil-lingwa Maltija, jrid ikun oriġinali u qatt ma deher ippubblikat, la sħiħ u lanqas xi partijiet minnu. Il-manuskritt m’għandux inkun inqas minn 20,000 kelma u m’għandux jaqbeż il-25,000 kelma.

Kull kompetitur jista’ jissottometti sa tliet manuskritti, iżda ma jistax jirbaħ aktar minn premju wieħed. Ta’ kull manuskritt għandu jkunu ppreżentati tliet kopji li ma jingħatawx lura. Id-drittijiet kollha jibqgħu tal-propjetarju tal-manuskritt.

L-awtur tal-manuskritt għandu juża nome de plume. F’envelope separat u ssiġillat, l-awtur jagħti dawn id-dettalji: isem, età, indirizz, numru tal-mowbajl, numru tat-telefown u indirizz elettroniku (e-mail).

Għandu jkun hemm ukoll dikjarazzjoni li dan hu xogħol oriġinali, li qatt ma ġie ppubblikat qabel jew xi partijiet minnu u li qatt ma tah lil xi pubblikatur.

Il-President, is-Segretarju u d-Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, uffiċjali fl-Aġenzija Żgħażagħ u l-familjari (sal-ewwel grad) ta’ dawn imsemmija ma jistgħux jieħdu sehem f’dan il-konkors.

Il-manuskritti għandhom jaslu għand id-Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb sal-31 ta’ Ottubru 2011, fl-uffiċċju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, fil-Librerija Pubblika Ċentrali, il-Furjana.

Id-deċiżjoni tal-ġurija hija finali u ma tistax tkun kontestata. Kull deċiżjoni meħuda mill-Aġenzija Żgħażagħ u mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb dwar it-tmexxija tal-Konkors, fid-dettalji kollha tiegħu, hija finali.

It-testi rebbieħa se jkunu tnejn. Iż-żewġ rebbieħa jitqiesu fi grad indaqs u ma jkunx hemm l-ewwel u t-tieni premju, imma premju wieħed għal kull rebbieħ.Il-kittieba rebbieħa jieħdu €1000 u trofew kommemorattiv kull wieħed.

Jingħata premju speċjali ta’ €500 lil dak l-awtur żagħżugħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena li jkun ipproduċa manuskritt li jipprometti fil-konkors imma ma jkunx ħa wieħed miż-żewġ premjijiet ewlenin. Dan l-awtur jingħata wkoll il-possibiltà li jiltaqa’ ma’ pubblikaturi li jgħinuh kif itejjeb il-pubblikazzjoni tiegħu għall-futur.

Jekk il-livell mixtieq ma jintlaħaqx, l-organizzaturi jirriservaw id-dritt li l-premju ma jingħatax.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s