Ippubblikat it-Tieni Rumanz Rebbieħ tal-Konkors Rumanzi għaż-Żgħażagħ

F’dawn l-aħħar jiem, il-Konkors Rumanzi għaż-Żgħażagħ organizzat mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, kien fl-aħbarijiet b’żewġ bxariet u żviluppi importanti.

Iktar kmieni dan ix-xahar, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Aġenzija Żgħażagħ ħabbru r-rebbieħa tat-tieni edizzjoni tal-konkors. Ir-rebbieħa huma Emanuel Psalia bil-manuskritt Storja Maqsuma u Ivan Bugeja bil-kitba Tmiem il-Ġimgħa. Il-ġurija kienet magħmula mill-Professur Charles Briffa, il-lettur fil-Fakultà tal-Edukazzjoni Dr Terence Portelli u x-xandar u kittieb George Peresso. Dawn il-manuskritti issa jsiru kotba fil-ġimgħat u li x-xhur li ġejjin. Fl-istess attività, kien ikkonfermat ukoll li l-konkors se jidħol għat-tielet edizzjoni.

Illum wara nofsinhar se jkun ippreżentat lis-Segretarju Parlamentari Clyde Puli kopja tar-rumanz Inżul ix-Xemx ta’ Rita Saliba; wieħed mir-rumanzi rebbieħa tas-sena li għaddiet. Saliba kienet rebħet il-konkors flimkien ma’ Simon Bartolo. Ir-rebbieħa tal-konkors ħadu elf ewro, ċertifikat u trofew li nħadem mill-Mdina Glass. Kliem ir-Riħ, il-ktieb ta’ Bartolo, ġie ppubblikat mill-Klabb Kotba Maltin waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb 2010.

Il-konkors jaħseb biex jippremja wkoll lil dak iż-żagħżugħ li spikka qalb il-parteċipanti. L-unur is-sena li għaddiet mar għand Rene A. Cilia waqt li din is-sena r-rebbieħa kienu tnejn: Kenneth Curmi u Cherise Ann Abela. L-awturi żgħażagħ se jingħataw il-possibilità li jkabbru t-talenti tagħhom.

Rita Saliba mhix isem ġdid ma’ dawk li jsegwu l-letteratura. Saliba qrat xogħlijiet tagħha waqt diversi attivitajiet letterarji, li jsiru f’Malta minn żmien għal żmien. Xi xogħlijiet ta’ Saliba dehru wkoll f’kotba għat-taħriġ ippubblikati mill-Merlin.

Wieħed japprezza li l-konkors qed ifittex rumanzi għall-adolexxenti jiġifieri kitba speċifika għall-età speċifika ħafna. Din hi sezzjoni li ma jgħoddx kollox għaliha. Għall-kuntrarju, hi fażi fejn iż-żagħżugħ ikun qed ifittex li jasserixxi ruħu. Żgur hi epoka li l-istejjer ta’ avventuri li kienu jaqraw fil-primarja ma jibqax spazju għalihom. Lilhinn minn xtutna f’pajjiżi bħall-Italja, il-Ġermanja u l-Ingilterra hemm roqgħa awturi kbira mhux ħażin li jispeċjalizzaw f’din it-tip ta’ letteratura. Hawnhekk qed nitkellmu fuq il-fażi ta’ bejn it-12 u s-17-il sena.

Il-protagonist ewlieni tar-rumanz Inżul ix-Xemx tista’ tgħid li hu Thomas li hu marid bil-proġerija; marda li xxejjaħ lill-pazjent mil-lum għal għada. Ir-rumanz jippreżenta karattri ħajjin oħra bħal Josef u Sammantha; it-tnejn bit-talent u imħabba għall-arti tat-tpinġija. Ċirkustanza partikulari twassal biex Josef u Thomas jiltaqgħu u flimkien jippjanaw kif se jaraw ix-xemx nieżla. Is-sitwazzjoni xejn ma kienet faċli minħabba li Thomas kien taħt protezzjoni stretta.

L-istil ta’ Saliba hu wieħed mexxej u jżomm ċertu ritmu; element importanti ħafna u li ma jistax ikun injorat fil-każ tal-letteratura għall-adolexxenti.

Ta’ min iżid li s-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport qed jissussidja gidma sew mill-pubblikazzjoni biex b’hekk ikun assigurat prezz tajjeb tal-ktieb u allura firxa ikbar.

Persważ li kif jiġri fil-każ tal-kotba għat-tfal, ktieb bħal dan se jkollu wkoll pubbliku adult li jaqrah. Hu ktieb li jiċċelebra l-valur tal-ħbiberija: mill-ġdid tema importanti għall-udjenza li l-ktieb hu indirizzat għalih.

Sensiela bi Sfida: Ir-Rispett lejn id-Diversità

Is-sensiela ta’ kotba għat-tfal Milly, Molly oriġinat fi New Zealand u bħalissa qed tkun tradotta għal Malti u ppubblikata minn Frans A. Attard li matul is-snin tana diversi pubblikazzjonijiet interessanti fosthom il-famuż Maze li jintuża minn bosta biex isibu t-triqat fil-gżejjer tagħna kif ukoll il-Book of Records and Firsts li jmissu ma’ Malta u l-istorja tagħha.

Ta’ min jelenka sa mill-bidu li s-sensiela Milly, Molly rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Sas-sena li għaddiet, Attard ħareġ sittax-il volum min din is-sensiela. Milly Molly jippreżentaw sensiela ta’ sitwazzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar għandhom għan diddatiku.

Huma kotba b’erbgħa u għoxrin faċċata l-wieħed. Il-kotba nkitbu biex ixerrdu l-kunċett tad-diversità f’sens wiesa’ ħafna. L-awturi riedu jippromovu wkoll il-valuri sodi fil-formazzjoni tal-karattru tat-tfal.

Kull ktieb jieħu tema u tagħlima u l-protagonisti huma Milly u Molly; żewġt ibniet- waħda bjonda u l-oħra samra. Fost it-tagħlimiet li toħroġ din is-sensiela ta’ min isemmi r-responsabilità, l-ippremjar tad-differenza, il-graditudni, l-onestà, u l-eżerċizzju.

Per eżempju, il-ktieb Milly, Molly u l-Bandli jippromovi l-kunċett tal-importanza tal-ħidma flimkien waqt li Milly, Molly u l-Għarix fuq is-Siġra jenfasizza l-bżonn tal-eżerċizzju. Il-kunċett tal-kuraġġ u d-determinazzjoni joħorġu fil-ktieb Milly u Molly Jikkampjaw.

Is-sensiela oriġinarjament inkitbet minn Gill Pittar waqt li l-illustrazzjonijiet huma ta’ Cris Morrell. Attard jippreżenta kemm-il verżjoni oriġinali bl-Ingliż kif ukoll it-traduzzjoni Maltija tiegħu anki għax hu jemmen li tagħna hi soċjetà bilingwi; deċiżjoni li mhux kulħadd jaqbel magħha. Il-kittieb Charles Casha qed joffri l-konsulenza tiegħu fuq dan il-proġett. Il-kotba huma ideali għal tfal ta’ taħt id-disa’ snin.

Skont il-Professur Sigrid Markmann, id-Dekan tal-Fakultà tal-Letteratura, tal-Università ta’ Osnabruck fil-Ġermanja, “l-morali li hemm fl-istejjer huwa importanti għat-tfal li qed jgħixu fis-seklu 21 sabiex dawn il-valuri jagħmluhom parti minn ħajjithom … l-istil u l-kliem huma ta’ letteratura tajba …”

Milly Molly hija sensiela li taqdi bosta għanijiet. F’dawn il-kotba, għandek storja u allura awtomatikament il-letteratura. Għandek tagħlima fl-istejjer u allura jidħlu kexxun għal suġġetti bħal PSE fl-iskola. Il-kotba għandhom il-potenzjal li joħolqu diskussjoni fuq suġġetti li t-tfal se jmissu magħhom matul il-ħajjithom. Forsi ftit nimmaġinaw li l-letteratura tista’ tgħin u taqdi għanijiet bħal dawn. Milly Molly twaqqa’ dawn il-preġudizzjo kollha. Fuq kollox hi sensiela li tagħti każ l-ispirtu.

Tislima lill-Poeta Nazzjonali

Il-Hamis li ghadda, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fakkar il-memorja għażiża tal-poeta nazzjonali Dun Karm permezz ta’ kunċert li tella’ fil-kon-kattidral ta’ San Ġwann. Dan il-kunċert kommemorattiv, li ngħata l-isem Tina l-Ħlewwa, sar f’għeluq il-ħamsin sena mill-mewt tal-poeta Żebbuġi li fost l-oħrajn kiteb l-innu nazzjonali tal-pajjiż u l-famuża poeżija Il-Jien u Lilhinn Minnu.

Il-kunċert ingħata mill-kor Laudate Pueri tal-Bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat, Għawdex. Il-kor kien taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dun George L. Frendo. Il-kor matul il-kunċert ippreżenta diversi innijiet tal-poeta nazzjonali li jiffurmaw parti essenzjali mill-identità nazzjonali ta’ kull Malti u Għawdxi. Bosta innijiet dunkarmjani ġew immużikati mis-Surmast Ġużeppi Caruana.

L-innijiet li ġew inklużi fil-kunċert kienu Fil-Ħlewwa ta’ Mejju, Ismagħha l-Għanja, Nadurawk ja Ħobż tas-Sema, Għedtilna Kelma, l-Innu ta’ Ferħ, l-Innu ta’ Filgħaxija u l-Innu Nazzjonali.

Waqt il-kunċert, tkellem ukoll il-Professur Oliver Friggieri; li studja u ġabar il-poeżiji bil-Malti u bit-Taljan tal-poeta. Fil-programm tifkira, Friggieri jispjega li dawn iż-żewġ proġetti ħadulu ħamsa u tletin sena.

Din is-sena hemm ippjanati diversi attivitajiet biex ifakkru l-poeta. Jalla dan l-anniversarju jħajjar lil bosta biex jiskopru l-ġmiel tal-kelma kif imħaddma minn dan il-poeta ewlieni Maltin.

Fi tmiem il-kunċert, Pawlu Mizzi, figura importanti ħafna fil-qasam tal-ktieb Malti, ħeġġiġni biex fl-attivitajiet li nagħmel Dun Karm ikun dejjem preżenti. Bil-qalb nilqa’ dan il-parir.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s