Nostalġija għas-Sittinijiet? Mhux Biss …

F’Novembru li għadda waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb Horizons ippubblikat l-ewwel rumanz ta’ Victor Fenech: Ix-Xitwa ta’ wara s-Sjuf. Kif jaf min hu midħla tal-ktieb Malti, dan mhux l-ewwel biċċa xogħol letterarju ta’ Fenech li bosta jafuh għad-diversi pubblikazzjonijiet ta’ poeżija fosthom F’Altamira, Sangraal u Għeluq kif ukoll diversi kotba għat-tfal u l-adolexxenti li ġew ippubblikati mill-Merlin Library Ltd, Klabb Kotba Maltin, Kotba Merill u Kotba Sagħtar fost l-oħrajn.

Fenech kien ukoll wieħed mill-ewlenin tal-Moviment Qawmien Letterarju li fis-sittinijiet ħadmu biex jibdlu l-kors tal-poeżija u l-letteratura li kienet qed tilgħabha mal-mewt. Fenech waħdu jibqa’ magħruf għall-ħolqien tal-ġeneru tal-poeproża. Matul is-snin, huwa dejjem kien konsistenti b’kitbiet ħajja u li mhux lesti li jagħmlu xi forma ta’ kompromessi.

Ix-Xitwa ta’ wara s-Sjuf ilaqqana’ mal-karattru Q li jirrakkonta l-ġrajjiet ta’ sħabu kif għexu fis-sittinijiet f’Malta. Dan kien żmien mill-iktar movimentat għall-Malta (għalkemm ħdejn ir-riefnu ta’ barra lokalment kellek żiffa).

Interessanti li t-tema tas-sittinijiet dawn l-aħħar xhur qamet f’diversi kitbiet. F’moħħi jiġuni Staqsi lir-Riħ ta’ Salv Sammut, Arloġġ ta’ Darba ta’ Charles Flores, L-Antipodi ta’ Alex Vella Gera u Il-Lejl tal-Irġulija ta’ Sergio Grech.

Fenech jeħodna fuq vjaġġ lura fil-memorja kollettiva ta’ dan il-ġens. Is-snin sittin f’Malta fissru l-ġlieda għall-Indipendenza b’Borg Olivier jikseb dak il-pass importanti fl-iżvilupp tan-nazzjon. Is-sittinijiet f’Malta raw kunflitt qawwi bejn Mintoff u Gonzi li fired familji kbar. Is-sittinijiet żvelaw l-għeluq u l-moffa fejn tidħol il-moda l-ġdida (il-miniskirt u l-bikini).

Fuq livell ieħor, akkademiku, riċerkaturi bħal Henry Frendo, Joe M. Pirotta u Sergio Grech daħlu fid-dettall dwar dan is-suġġett.

Fenech jirreferi wkoll għall-arti popolari tas-sittinijiet u fosthom isemmi lil Freddie Portelli u l-kanzunetta li ma mietet qatt Viva Malta. Sabiħ ukoll l-isfond reliġjuż li joħloq l-awtur, flimkien mal-bidliet fil-kamp soċjali bil-ftuħ tal-fabbriki u l-mewġa ta’ bini.

Dan kollu u iktar hu “dokumentat” fir-rumanz ta’ Fenech u donnha tinħass ħajta nostalġija għal dak iż-żmien. Imma dan mhux xi ktieb tal-Istorja ta’ epoka u jiżbalja jekk niefqu nħarsu lejh b’dan il-mod.

Żgur li l-awtur, b’riħet il-karattri li ħoloq, qed jagħmel skrutinju tal-perjodu u jipprova jifhem fejn falla u fejn rnexxa. Fuq kollox, is-sittinijiet kienu snin ta’ avventura u donnu Fenech qed jimplika li l-ħolm taż-żgħażagħ tal-lbieraħ li se jqallbu ż-żminijiet nsewh għal kollox u min flok illum li kibru għażlu il-kompromess u s-silenzju u jkunu parti minn konfoffa ta’ skiet.

Fenech analizza l-passat biex jifhem il-preżent u l-awtur donnu qed jisfiduċja ż-żminijiet tal-lum fejn donnha l-apatija taħkem sultana fuq kollox u fuq kulħadd. Donnu qed jara nuqqas ta’ kontinwità jekk mhux rigress u entropija. Agħar minn hekk, l-awtur qed jara dekadenza fiċ-ċiviltà preżenti fejn kollox idur mal-kunċett tal-flus.

Inħoss li hemm xebh bejn Q u l-awtur anki jekk Fenech jgħid mod ieħor fil-paġni preliminari. Imma, per eżempju, Q u Fenech, mhux kumbinazzjoni li għandhom l-istess ideat dwar it-tħassir ambjentali; suġġett li tant Fenech kiteb u xela dwaru. L-isfiduċja fil-politika hi tema oħra għal qalb Fenech u tinħass ukoll fi Q. Q bena karriera fil-kamp edukattiv. L-istess Fenech. Q u Fenech huma kittieba. Għal Q, il-kitba hi impenn. L-istess għall-Fenech.

Nemmen li t-tmiem tar-rumanz b’xi mod jew ieħor hu t-testment tal-awtur: “id-dinja moderna m’għadx għandha moħħ għall-poeżija … leħen il-kittieb jeħtieġ li jibqa’ ħaj …” It-tmiem hu wieħed melankoniku imma fl-istess ħin tibqa’ tibrilla t-tama. Il-konklużjoni fakkritni f’dikjrazzjoni li għamel reċenti l-kittieb Peruvjan rebbieħ tal-Premju Nobel Mario Vargas Llosa fejn iddikjara li l-mewt se ssibu jikteb.

Ix-Xitwa ta’ wara s-Sjuf hu rumanz li għandu jinżel għasel ma’ min japprezza l-ġeneru prożajku. Fil-qoxra tar-rumanz jidher kwadru ta’ Raymond Pitrè li jmur lura għas-sena li fiha Malta ħadet l-Indipendenza.

Nistennew b’ħerqa iktar esperimenti ta’ Fenech fil-kitba tar-rumanz li wisq probabbli hu l-iktar ġeneru popolari ma’ min iħobb il-letteratura. Filfatt hekk weriet ir-riċerka riċenti li għamel il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Fil-preżent, Horizons u Fenech qed iħejju ġabra ta’ poeżiji.

Tislima lill-Professur Ġużè Aquilina
Dax-xahar Malta fakkret il-mitt anniversarju minn twelid il-Professur Ġużè Aquilina. Aquilina kien figura importanti ħafna fl-istorja tal-ilsien u l-kultura nazzjonali.

Aquilina ħadem biex il-Malti jintrefa’ ’il fuq fuq livell akkademiku. Mill-Università rsista biex l-istudenti tiegħu jitħabbew mal-lingwa nazzjonali.

L-enerġija tiegħu kienet bla tarf u filfatt interessa ruħu f’diversi friegħi tal-lingwa, l-arti u l-kultura. Bla dubju, kien erudit. F’xi oqsma kellu jibda mill-bidu hu. Aquilina studja l-lingwistika u l-letteratura. Filfatt, tiegħu nistgħu ngħidu li kienu l-ewwel studji letterarji ta’ ċerta serjetà għalkemm maż-żmien dik l-interpretazzjoni ġiet aġġornata mill-istudenti tiegħu.

Ħadem biex per eżempju ġabar il-qwiel u l-idjomi tal-poplu u fuq kollox il-famuż dizzjunarju li jiċċelebra l-ilsien nazzjonali.

Kiteb ukoll numru ta’ drammi f’epoka fejn id-dramm Malti kien staġnat u f’agunija b’eċċezzjonijiet rari. Uħud minn dawn id-drammi ġew ireċtati grazzi għall-istudenti tal-Malti membri fl-Għaqda tal-Malti Università li kienet twaqqfet mit-tobba Rużar Briffa u Ġużè Bonnici.

Kiteb ukoll il-proża u l-poeżija. Hawn min isostni li l-poeżija tiegħu bl-Ingliż kienet aħjar minn dik Maltija. Ir-rumanz tiegħu Taħt Tliet Saltniet huwa test rappreżentativ tal-kitba romantika ta’ żmienu li ma miet qatt.

Aquilina min dejjem emmen fil-qawwa tal-mezzi tal-kommunikazzjoni. Kiteb diversi artikli fil-gazzetti Striklandjani u xandar għadd kbir ta’ xandiriet radjofoniċi. Bla dubju, kien forza intelletwali qawwija ta’ min issegwiha. Uħud minn dawn ix-xandiriet inġabru wkoll f’numru ta’ kotba.

Niżbaljaw jekk dan il-pajjiż jinsa lill- Professur Ġużè Aquilina. Miegħu għandna dejn kbir bħala nazzjon. Jalla jkollna iktar akkademiċi bħalu li għalihom il-pajjiż jiġi l-ewwel u qabel kollox tabilħaqq.

Inċidentalment, Campus FM se jsellem lil dan il-persunaġġ importanti permezz ta’ sensiela ta’ erba’ programmi li jibdew nhar it-Tlieta fid-9.30 a.m., b’repetizzjoni l-Ġimgħa fis-1.00 p.m.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s