Tagħrif ġdid dwar Gazzetti mitlufa tas-Seklu Dsatax

Il-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni tal-Ġurnalisti ppubblikat il-ktieb Lost Maltese Newspapers tal-Professur Arnold Cassola.

Cassola permezz ta’ riċerka f’numru ta’ perjodiċi u gazzetti tas-seklu dsatax jirnexxielu jtella’ fil-wiċċ numru ta’ gazzetti li llum ħadd ma jaf bid-destin tagħhom.

Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għal dan it-telf. Permezz ta’ dan il-ktieb, issa għandna informazzjoni dwar partijiet tal-kontenut ta’ dawn il-gazzetti mitlufa.

Ma’ dawn tiżdied ukoll il-gazzetta Nafras u Colombu mill-kollezzjoni privata tal-Avukat Albert Ganado. Din il-kollezzjoni msemmija hija nieqsa għal kollox mill-kollezzjoni tan-nazzjon.

Nemmen li wasalna f’punt li l-pajjiż jevalwa x’għandu f’termini ta’ Melitensia u jistudja l-possibilità li l-mitluf jinstab jew tal-inqas ikun identifikat fejn hu jekk mhux possibli li jinġieb hawn.

Fejn jidħol l-istudji tal-ġurnaliżmu u l-istampar f’Malta tajjeb wieħed isemmi studjużi bħal Bianca Fiorentino, Joseph F. Grima, William Zammit u Henry Frendo li esploraw dan is-suġġett. Ftit ġimgħat ilu ktibna f’din il-paġna dwar xogħol importanti ta’ Sergio Portelli. Ta’ min nirrimarkaw li Fiorentini kif ukoll Ġuże Gatt u Patri Anthony Sapienza (kompilatur tal-famuż A Checklist of Maltese Periodicals) kienu diġà ġibdu l-attenzjoni għal xi materjal li ntilef.

Kien ġest għaqli min-naħa tal-Kullana Kulturali li ddedikat volum għall-istorja tal-ġurnaliżmu Malti u ieħor għall-istampar f’Malta. Malta għandha storja stramba fen jidħol l-istampar. Hemm is-sulluzzu ta’ żmien l-Ordni ħafna snin wara l-invenzjoni ta’ Gutenberg u l-libertà tal-istampa tal-1839 li radikalment biddlet ix-xenarju u fejn beda jispunta l-ġurnaliżmu bil-Malti.

Ħafna drabi, fil-każ tal-ġurnaliżmu Malti, kien proġett mhux sostenut minħabba abbonamenti baxxi riżultati ta’ pagi baxxi u rati għolja ta’ illiteriżmu. Kien hemm bosta episodji minn dawn ta’ mwiet frekwenti.

Hu interessanti kif il-mewġa favur il-Malti tibda minn kmieni u jibdew esperimenti bħal Il Kaulata Maltia, u Bertoldu. Din l-idea ta’ ħajja qasira tal-gazzetti bil-Malti tixref ukoll f’rimarki li għamlu kontributuri bħal Anton Muscat Fenech (1878). Ġuże Muscat Azzopardi ma qagħadx jomogħda u sostna li l-parrokjaliżmu u n-nuqqas ta’ materjal letterarju kien il-kaġun għall-ħajja xejn feliċi tal-istampa bil-Malti.

Barra l-ġurnaliżmu Malti, kellek ukoll Maltin li qed jiktbu bit-Taljan u anki Taljani stess li spiċċaw Malta wara li ġew eżiljati minħabba l-pressjonijiet tagħhom għall-għaqda tal-peninsula Taljana.

Fost gazzetti mitlufa u li Cassola sab materjal dwarhom ta’ min isemmi La Tromba, L’Arlecchin, La Trombetta, Barbagianni, L-Imkass u Forċa.

Xi ħaġa li tispikka f’dawn il-gazzetti hija l-lingwa ħarxa li kontinwament kienu jużaw u jiskambjaw bejniethom l-edituri u l-artikolisti. Is-satira kienet tilgħab logħba qalila wkoll u tiftiehem aħjar jekk tidħol fil-kuntest partikulari taż-żmien. Xi ħadd bħal Kanonku Giuseppe Zammit imlaqqam Brighella (li Cassola ma jonqosx li jsemmih) kien espert f’din il-linja u ma kien jaħfirha lil ħadd. Diskors bħal “ħmar, injorant” u “kiesaħ” kien jintuża dik il-ħabta qisu qed jingħadd fit-triq.

Cassola jqajjem il-punt ta’ liema kienet l-ewwel pubblikazzjoni ta’ din ix-xorta bl-ilsien nazzjonali. Hu jfakkar kif l-asserzjoni ta’ Ninu Cremoma tal-1931 li qabel Il Kaulata Maltia, li ħafna jqisuha bħala l-ewwel gazzetta bil-Malti, kien hemm ħarġa waħda ta’ L’Arlecchin li kienet iddedikata għall-mawra f’Malta tar-Reġina Adelaide.

Il-gazzetta imsemmija fost l-oħrajn kellha tliet poeżiji bil-Malti kif ukoll ittra mill-Għarb, Għawdex, ta’ garr fuq l-għoli tal-ħajja li skont l-awturi, il-libertà li tistampa l-gazzetti ma solvietx din il-problema. Ta’ min jinnota li ż-żewġ gazzetti ħarġu qabel l-istampa ħielsa daħlet fis-seħħ.

Cassola jsaqsi jekk din hix vera kitba li ġiet minn Għawdex jew hix miktuba minn xi intelletwali promninenti. Skont hu, l-awtur jista’ jkun George Percy Badger. L-Anglikan kien ippubblika l-famuż Decsription of Malta and Gozo fl-1838. Dil-ħabta f’Malta kellek komunità Protestanta attiva li bosta drabi daħlet f’argumenti man-naħa Kattolika. Kritika persistenti kienet li l-insara Maltin kellhom twemmin tal-frugħa mibni fuq il-folklor.

Aspett interesanti tal-kitba ta’ Cassola hija t-taqsima dwar Nafrus u Columbu li l-awtur seta’ jikkonsulta grazzi għall-Avukat Albert Ganado. Interessanti wkoll skont il-Professur Arnold Cassola li f’dawn l-aħħar ġimgħat, l-Università ta’ Malta, akkwistat għadd ta’ numri minn din il-gazzetta.

L-ewwel edizzjoni ta’ Nafrus u Columbu ħarġet fil-15 ta’ Novembru, 1860. Kienet gazzetta li kienet toħroġ tliet darbiet f’xahar u kienet tinbigħ tliet soldi. Il-gazzetta kellha sfond teatrali u għamlet ukoll għadd ta’ riferenzi għall-kawża tal-unifikazzjoni Taljana. Ma kinitx tonqosx ukoll il-poeżija bl-għan li tispira kondotta tajba. Cassola jiddentifika lil Carmelo Camilleri fost il-kontributuri ewlenin tagħha. Ma naqsux polemiċi dwar it-teatru f’Malta li wisq probbabli kienu jinteressaw lil ftit.

Jalla din ir-riċerka tixpruna iktar studju fil-qasam biex l-istorja tal-istampar u l-ġurnaliżmu f’Malta tkompli tissaħħaħ. Cassola ta perspettiva interessanti b’dan il-ktieb.

Stejjer Utopiċi

Mhux darba jew tnejn, li l-istejjer li jkunu dehru f’Sagħtar jinġabru fi ktieb. Fost dawn rajna stejjer miktuba minn Francis Ebejer, Carmel G. Cauchi u Kilin.

Hekk ġara wkoll fil-każ tal-istejjer ta’ Patrick J. Sammut. Id-direzzjoni ta’ Kotba Sagħtar iddeċidiet li tippubblika l-istejjer ta’ Sammut li dehru f’din ir-rivista popolari ppubblikata mill-Malta Union of Teachers.

Fil-ktieb Avventura Żgħira f’Ta’ Qali … u Stejjer Oħra, qed jidhru wkoll sensiela ta’ stejjer ġodda li s’issa ma kinux ippubblikati f’Sagħtar. Kull storja ġiet illustrata minn Cliff Xuereb.

L-isem ta’ Sammut mhux isem ġdid għal min hu midħla tal-ktieb u l-qasam letterarju Malti. Tana fost l-oħrajn żewġ kotba ta’ kritika, ġabra ta’ poeżiji flimkien ma’ Stephen Cachia u hu attiv ħafna fil-qasam tal-medja fejn jikteb biex jippopolarizza l-letteratura. Jirsisti fl-Għaqda Poeti Maltin u jeditja r-rivista tal-għaqda Versi.

Fid-daħla tal-ktieb, l-editur tas-sensiela Charles Magro jiddeskrivi l-istejjer ta’ Sammut bħala kitbiet “sempliċi ħafna u ispirati mill-ħajja tat-tfal.” Magro jemmen li dawn l-istejjer jistgħu jiggwidaw ukoll il-qarrejja żgħar fil-bini tas-sentenza.

Waqt li qed naqra dawn l-istejjer ma stajtx ma nosservax li huwa Sammut il-missier li qed jikteb dawn l-avventuri. L-awtur jinħass promotur tal-valuri. Kull storja tagħlaq b’tagħlima li tħeġġeġ valur jew ieħor.

Is-solidarjetà bejn it-tfal u l-ġenerożità huma temi li jinħassu l-ħin kollu. Tema oħra li l-awtur jesprimi hija r-rispett lejn id-diversità u t-tolleranza lejn l-ideat kuntrastanti u differenti; suġġetti li min jaf kemm l-għalliema jitkellmu dwarhom kull ġurnata li tgħaddi.

Diversi stejjer jesploraw il-ħbiberija li għat-tfal hija kardinali u l-kumplessità li din kultant toħloq u jiġġieled il-bullying li llum sar pesta fis-soċjetà Maltija. Sammut huwa konvint li “min jaqsam ma’ ġaru minn dak li għandu jgawdi anki huwa u jgħix hieni.” Huwa jħeġġeġ it-tfal biex jitgħallmu għax dak jiswielhom.

Avventura Żgħira f’Ta’ Qali … u Stejjer Oħra jista’ jiftiehem bħala riċetta għat-tfal biex imissu xfafar mill-utopija.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s