Dizzjunarju Kulturali

Bħala parti mill-Kullana Kulturali, l-edituri tas-sensiela qed jipproponu d-Dizzjunarju Kulturali miġbur mill-Professur Charles Briffa; l-editur ġenerali tal-Kullana.

Dan il-volum iġib in-numru 73 u tista’ tgħid li hu għal kollox differenti mill-oħrajn kollha. Għalkemm fil-każ tal-Filosofija nistgħu ngħidu li rajna wkoll dizzjunarju imma dak kien ristrett fl-għan tiegħu u limitat għal suġġett wieħed.

Sa ċertu punt, il-qarrejja tal-Kullana Kulturali draw ukoll li f’kull volum ikollhom glossarju li joffri spjegazzjonijiet ta’ termini tekniċi li jmissu ma’ aspett jew ieħor. Dawn il-glossarji urew fuq kollox setgħet l-ilsien nazzjonali li kuntrarju għal ċerta perċezzjoni żbaljata l-Malti joqgħod sew basta u meta jitħaddem tajjeb.

Dizzunarju Kulturali hu, bla dubju, sfida għal min jidħol għalih. Għax fil-każ tagħna dan mhux sempliċiment kompilazzjoni tal-glossarji preċedenti li dehru f’volumi differenti, kif wieħed jista’ jimmaġina u kif setgħet tkun it-tentazzjoni. Għalkemm hu minnu wkoll li Briffa ma jonqosx li jinkludi wħud minnhom f’dan il-każ imma żgur li ħalla d-daqqa tiegħu.

Fost xogħlijiet oħra li l-awtur irrikonoxxa li għenuh kien hemm id-dizzjunarju ta’ Ġuże Aquilina, id-Dizzjunarju Enċiklopediku ta’ Vincenzo Busuttil u Tancredi Borg tas-snin għoxrin u snin tletin tas-seklu l-ieħor (magħruf minn ftit), il-vokabularju ta’ Nicola Zingarelli u diversi pubblikazzjonijiet barranin.

Briffa, fid-daħla tiegħu, jispjega li d-Dizzjunarju jiġbor għadd ta’ termini marbuta ma’ xi aspett tal-Kultura Maltija minn żmien żemżem sas-seklu wieħed u għoxrin u dan bir-raġun għax il-kultura mhix statika imma kontinwament tinbidel.

Id-Dizzjunarju ta’ Briffa minbarra d-definizzjoni iżid ukoll tagħrif edukattiv, tekniku, storiku jew artistiku u b’hekk ifettaħ l-għerf miġbur. Jiżbalja imma kif jikkummenta Briffa min jissostitwixxi din l-għodda ma’ enċiklopedija.

Fid-Dizzjunarju niltaqgħu ma’ xmara ta’ termini; uħud midħla tagħhom u oħrajn mhux daqstant. Biex nagħtu xi kampjun niltaqgħu ma’ spjegazzjoni ta’ kliem bħal dingi jew rokoko. Briffa jesplora minn gallett sa xwejni. Minn kanonku sa biskott. Minn okroplewra sa tron.

Briffa joffri wkoll analiżi ta’ xi ismijiet u t-tifsira tagħhom. Għal ċerti kliem, Briffa joffri wkoll ċerti plurali. Jispjega wkoll li fejn kien possibbli l-ortografija nżammet Maltija imma meta t-terminu m’hemmx ekwivalenti għalih fil-Malti nżamm fl-għamla oriġinali.

Fid-Dizzjunarju, Briffa jipprovdi wkoll tagħrif dwar termini li jintużaw fost l-oħrajn meta jsiru r-riferenzi għall-qlugħ, arbli, kwantifikazzjoni taż-żmien, il-perjodi Ġeoloġiċi, il-flus tad-dinja, il-vitamini u l-kuluri.

Taqsima oħra interessanti hi t-taqsima Il-Ġrajja wara l-Kelma li twieldet minn sensiela li Briffa ppreżenta fuq Campus FM fejn l-awtur jgħarrex fil-ġrajjiet tal-kelma u l-għajdut marbuta magħha biex b’hekk jasal għall-iżvilupp semantiku tagħha.

Id-Dizzunarju Kulturali qiegħed għal min qed jiġbor il-Kullana Kulturali imma wkoll għal min jixtieq għodda tajba ta’ riferenza. Qiegħed hemm ukoll għal min irid jiskopri dinjiet sbieħ. Hemm użu wkoll għall-isfera akkademika.

Bla dubju, id-Dizzunarju Kulturali hu żvilupp interessanti fil-qasam tal-ġeneru u għall-istorja tal-pubblikazzjoni Maltija. Sa issa kellna iktar dizzjunarji li jittraduċu l-kelma f’ilsna oħra (li varjaw fi gradi differenti fil-linja li ħadu) u mxejna għal dizzjunarji iktar speċifiċi fejn il-kliem miġbur jaqa’ taħt kappa jew oħra bħal dak tal-kontabilità miġbur minn George Cassola li ġie mitbugħ mill-istamperija tal-Università ta’ Malta fl-ewwel snin tal-millenju l-ġdid.

Dizzjunarju għat-Tfal tal-Primarja

Merlin Library Ltd għadha kemm ippubblikat Dizzjunarju għall-Primarja. Bla dubju, din il-pubblikazzjoni, qed timla ħafna vojt għax dan hu settur li ftit issib kotba ta’ dan it-tip li jirriflettu r-realtà ta’ min se jużahom. Bosta drabi jkollhom jinqdew b’dizzjunarji goffa li lanqas jifilħu jqallbuhom!

Biex issir ġustizzja storika mas-settur Malti tal-pubblikazzjoni, ta’ min isemmi li fis-snin riċenti kienu ġew ippubblikati esperimenti bħal L-Ewwel Dizzjunarju Tiegħi ta’ Plato Publications.

Dizzjunarju għat-tfal mhux faċli li tiktbu u tibnieh. Il-klijent mhux min ħabat laqat u għalhekk hemm ċerti aspetti li jridu jkunu indirizzati kif jiġri meta jsir proġett ta’ kitba għat-tfal. Anki jekk minnu nnifsu dizzjunarju mhux ktieb li normalment nassoċjaw ma’ ħafna kreattivita f’dik li hi produzzjoni. Paradossalment il-ġeneru tad-dizzjunarju hu probbabli wieħed mill-iktar kotba kreattivi li jeżistu meta tqis il-firxa wiesgħa ta’ kliem li jħaddan.

Dan id-dizzjunarju nħadem minn Albert Gatt li huwa lettur fl-Istitut tal-Lingwistika fl-Università ta’ Malta. Gatt jistqarr li solva l-problema ta’ xi kliem se jinkludi u jbarri billi ntużat kollezzjoni ta’ testi bil-Malti – kemm għall-adulti kif ukoll għat-tfal – li ġiet ipproċessata fuq kompjuter “biex tinstab il-kelma fil-kuntesti differenti li tintuża fihom.”

Il-preġju tal-ktieb jinsab filfatt li dan hu dizzjunarju veru u propju u mhux sempliċiment vokabularju minkejja li hu indirizzat għall-udjenza tat-tfal li jattendu l-primarja. Sikwit jiġri li ċertu vokabularji jgħaddu bħala dizzjunarji u mhux kulħadd jintebaħ bid-differenzi li teżisti bejniethom. Hawnhekk għandek it-tifsira tal-kelma, hux nom jew aġġettiv jew verb jew element grammatikali ieħor u jagħti wkoll il-plurali. Uħud mid-definizzjonijiet huma itwal mill-oħrajn u tieħu gost tinnota li jirrispettaw l-intelliġenza tat-tfal.

L-illustrazzjonijiet ħa ħsiebhom Pierre Portelli li jagħmlu dan ix-xogħol tabilħaqq iktar fantastiku u hekk id-dizzjunarju jsir ukoll logħba.

Ħadt gost ninotta li l-prodott joqgħod attent ukoll għal dik it-tipa; element importanti ħafna fil-kotba għat-tfal. Anki jekk hawn illum min jiġi jaqa’ u jqum minn din ix-xjenza.

Personalment, kont ftit sorpriż li baqgħu barra kliem bħal nagħġa u mogħża li bosta tfal tant jitfixxklu għalkemm biex l-istorja tingħad kollha ġie nkluż imbagħad kliem bħal nagħsa. Imma nifhem ukoll mil-lat l-ieħor li l-eżerċizzju tal-ġbir tal-kliem mhux faċli apparti li d-daqs tal-ġabra joħloq ukoll ċerti restrizzjonijiet u limiti.

Dan ma jwaqqax il-valur tal-pubblikazzjoni. Id-dizzjunarju jirrispetta wkoll id-deċiżjonijiet riċenti tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u għalhekk min se jużah jista’ jserraħ rasu li t-tfal tiegħu qed jużaw il-Malti aġġornat.

Persważ li ħafna tfal u magħhom il-ġenituri se jsibu din l-għodda utli għax hu faċli ħafna biex jintuża. Il-ktieb hu mqassam bl-iktar mod komdu. Id-Dizzjunarju għall-Primarja joffri kliem adattat għat-tfal tal-primarja minn seba’ snin ’ il fuq.

Faxxikli fuq Education 22

L-istazzjon Education 22 se jkompli għaddej bil-programm Faxxikli. Dan id-dokumentarju qed jesplora l-istorja tal-Ktieb Malti. Forsi jkun hawn min jiddubita jekk nistgħux nitkellmu fuq storja tal-ktieb Malti imma l-volum ta’ Victor Fenech fil-Kullana Kulturali (tal-PIN) diġà wera li dan hu possibli. Għax biex wasalna sal-lum, hemm storja interessanti ta’ taqtigħ il-qalb, fallimenti, kuraġġ, esperimenti u suċċessi b’risq il-qawmien ta’ poplu. Faxxikli qed jipprova joħroġ dan il-mewġ sabiħ.

Faxxikli qed jesplora ġeneri differenti ta’ kotba Maltin u jidħol fl-istorja tagħhom. Qed jittieħdu wkoll kummenti u esperjenzi ta’ awturi, edituri, stampaturi u publikaturi li raw il-ġeneri differenti jiżviluppaw mill-qrib.

Fit-tieni sensiela, Faxxikli se jitfa’ l-lenti tiegħu fuq id-dizzjunarji, il-bijografiji, l-awtobijografiji, il-kotba tal-arti, il-Melitensia, ir-riċerka, il-kotba tal-ikel u l-kotba ta’ poeżiji.

Education 22 ixandar Faxxikli kull nhar ta’ Tnejn fl-10.00 p.m., il-Ġimgħa fis-1.00 p.m. u s-Sibt fid-9.00 p.m. Il-Ħadd fit-8.00 p.m. se terġa’ tixxandar l-ewwel sensiela ta’ Faxxikli.

Faxxikli għandu qari u riċerka ta’ Sergio Grech u produzzjoni eżekuttiva ta’ Horizons.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s