IL-PREMJU LETTERARJU TAL-UNJONI EWROPEA 2011

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA U X-XANDIR
26 ta’ Marzu 2011

Il-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea hu premju importanti ħafna li jingħata lil awturi emerġenti Ewropej u jgawdi prestiġju għoli ferm fl-Ewropa, b’mod partikulari hu prestiġjuż għal pajjiż żgħir bħal Malta fejn il-pubblikazzjonijiet letterarji bħala regola jiċċirkulaw biss fil-gżejjer tagħna u rari jixirfu lil hinn minn xtutna.

Il-premju jixħet l-attenzjoni tiegħu fuq kittieba emerġenti u għandu l-għanijiet li jenfasizza r-rikkezza enormi u l-kreattività tal-letteratura Ewropea kontemporanja fil-qasam tal-proża fittizja, li jippromwovi d-diversità sħiħa tal-letteratura Ewropea u li jistimula ċ-ċirkulazzjoni tal-letteratura fl-Ewropa. Billi jesponi x-xogħlijiet ta’ awturi barra minn pajjiżhom, jimmira wkoll li jikkontribwixxi biex titrawwem attitudni favur letteratura li tiġi minn barra l-pajjiż. Ix-xogħlijiet tal-awturi rebbieħa jitwasslu għand udjenza usa’ u internazzjonali u jolqtu qarrejja lil hinn mill-konfini nazzjonali u lingwistiċi.

Il-premju hu organizzat mill-Kummissjoni Ewropea u minn konsorzju magħmul mill-European Writers’ Council (EWC), il-Federation of European Publishers (FEP) u l-European Booksellers Federation (EBF) u hu wkoll ikkofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-konsorzju msemmi. Il-European Writers’ Council, b’koperazzjoni mill-qrib maż-żewġ entitajiet imsieħba fil-konsorzju, hu responsabbli mill-organizzazzjoni tal-ġurija u l-proċedura tal-għażla f’kull wieħed mill-pajjiżi parteċipanti. Għal din ir-raġuni, l-Akkademja tal-Malti, li hi membru formali tal-EWC, ingħatat l-inkarigu li tikkoordina l-ħidma fuq livell nazzjonali u s-Sur Carmel Azzopardi, il-President tal-Akkademja, inħatar il-koordinatur
nazzjonali tal-proġett.

Fil-premju jipparteċipaw il-35 pajjiż Ewropew li huma msieħba fil-Programm Kulturali tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-pajjiżi jinqasmu fi tliet gruppi.

Fl-2009 rebħu l-premju awturi mill-Awstrija, il-Kroazja, Franza, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u l-Iżvezja.

Fl-2010 rebħu l-premju awturi mill-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja u l-ex Repubblika tal-Jugożlavja.
Malta se tipparteċipa mal-grupp tal-2011 u magħha hemm il-Bożnija u Ħerżegovina, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Iżlanda, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Montenegro, is-Serbja, il-Pajjiżi l-Baxxi, it-Turkija, u r-Renju Unit. Kull pajjiż jirbaħ il-premju darba kull tliet snin.
Il-ġurija fil-każ ta’ Malta hi ffurmata minn 5 membri: erbgħa minnhom ġew innominati mill-Akkademja u wieħed mill-Federation of European Publishers, li f’Malta hi rrappreżentata minn Dr Christopher Gruppetta.

Kull awtur rebbieħ jingħata €5,000 u x-xogħol tiegħu jingħata prijorità fl-iskema tal-Unjoni Ewropea li tiffinanzja t-traduzzjoni ta’ xogħlijiet letterarji. L-awturi rebbieħa jgawdu wkoll minn diversi attivitajiet promozzjonali; jingħataw pubbliċità qawwija fil-fiera internazzjonali tal-kotba ta’ Frankfurt u jkollhom coverage importanti waqt iċ-ċerimonja formali tal-għoti tal-premjijiet li ssir fi Brussell. Fl-2010 din iċ-ċerimonja saret fir-Royal Flemish Theatre u l-premjijiet tqassmu mis-Sinjura Androulla Vassiliou, il-Kummissarju responsabbli mill-Kultura, l-Edukazzjoni, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ fil-preżenza ta’ numru kbir ta’ persuni prominenti mill-qasam tal-kultura, il-letteratura u l-politika.

Biex awtur jew awtriċi jikkwalifikaw għall-premju jridu jissodisfaw dawn iż-żewġ kundizzjonijiet:
1. ikunu ċittadini Maltin
2. ikunu ppubblikaw bejn 2 u 4 kotba (proża fittizja) biex jikkwalifikaw bħala awturi emerġenti

L-awturi Maltin m’hemmx għalfejn japplikaw. Il-ġurija se tieħu ħsieb tidentifika l-awturi li jikkwalifikaw u se tgħarbel ix-xogħlijiet tagħhom.

Il-ġurija trid tressaq ir-rapport finali tagħha sal-aħħar ta’ Ġunju 2011. Iċ-ċerimonja formali tal-għoti tal-premjijiet se ssir fi Brussell f’Novembru 2011.

Dan il-premju, li għandu l-appoġġ sħiħ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, se jagħti lil pajjiżna l-istess opportunità li tingħata lil pajjiżi ferm akbar minna u se joffri l-possibiltà li l-awtur Malti u x-xogħol rebbieħ tiegħu jkunu esposti fil-vetrina wiesgħa tal-Ewropa. Bla dubju se jagħti spinta enormi lill-awtur rebbieħ kif ukoll lir-rumanz Malti u lil-letteratura Maltija inġenerali.

Carmel Azzopardi
Koordinatur tal-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea 2011

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s