Pubblikazzjoni tal-Indiċi tal-Kullana Kulturali

Bla dubju, l-indiċi tal-Kullana Kulturali tal-PIN, ilu mistenni minn bosta. Dan l-Indiċi Ġenerali tal-Kullana Kulturali, nistgħu nħarsu lejh, bħala t-tmiem tal-ewwl fażi u l-bidu tat-tieni tal-Kullana Kulturali.

Il-proġett, il-Kullana Kulturali, li minnu rajna 72 volum, fih innifsu kien wieħed ewlieni fl-istorja tal-pubblikazzjonijiet Maltin. Dan l-aħħar, il-pubblikatur tana aħbar sabiħa meta ħabbar li se jerġa’ jistampa l-volumi kollha u nklużi dawk li ilhom nieqsa u mixtieqa u fuq kollox il-volumi se jitilgħu għal mija.

Bla dubju, il-Kullana Kulturali, kien proġett li daħal fid-djar ta’ bosta għax ħafna sabu dak li tant jixtiequ u xtaqu: l-għerf f’ilsienhom. Dan għalija hu s-suċċess ewlieni tal-Kullana Kulturali.

Michael J. Schiavone u Charles Briffa rnexxielhom jiċċelebraw varjetà sħiħa ta’ suġġetti li jmissu magħna: il-poplu. Għax finalment, il-Kullana Kulturali hi l-istorja ta’ poplu; ta’ poplu li kiber u għamel diversi kisbiet matul il-mixja tiegħu.

Il-Kullana Kulturali sfidat il-mewġa li bosta drabi tħares lejn il-Malti bħala inferjuri biex tesprimi bih ċertu suġġetti. Il-Kullana Kulturali rnexxielha titkellem fuq l-arkeoloġija, ix-xjenza, il-fiżika, il-lingwistika u suġġetti oħrajn b’ilsienna.

Huwa impressjonanti kif fuq numru ta’ snin, Pubblikazzjonijiet Indipendenza sostnew proġett bħal dan u fuq kollox rajna kif Schiavone biddel din id-dar tal-kotba minn waħda umli għall-profil tabilħaqq għoli u ewlieni.

B’mod ġenerali, b’xi eċċezzjonijiet rari, il-volumi tal-Kullana Kulturali nkitbu minn idejn esperti li jafu s-suġġett tagħhom bl-iktar mod wiesa’ u dan hu wkoll ir-raġuni għas-suċċess. Il-glossarji fuq wara żgur li kienu ta’ għajnuna biex il-qarrej ikompli jikber fil-akkwist tal-għerf. Mill-Kullana ħarġet ukoll il-Kullana għat-Tfal; xpakkata b’disinn mill-aqwa. PIN jistgħu jiftaħru li din hi l-unika enċiklopedija bil-Malti li tiftaħ beraħ id-dinja enormi tal-għerf.

L-indiċi tal-Kullana nġabar minn Michael J. Schiavone u hu ta’ għajnuna kbira għal min irid ifittex u forsi ma jridx jaqra ktieb minn folja sa folja biex isib il-materjal li jixtieq. Għandek il-vantaġġ ukoll li usa’ ma jkun is-suġġett, usa’ wieħed jista’ jarah minn perspettivi differenti. L-indiċi tal-Kullana jiċċelebra dan l-ispirtu ta’ kisba.

Ħafna żgur se jkunu qed jistennew il-volumi li jmiss tal-Kullana Kulturali. Jalla ħafna iktar nies jersqu biex iduqu għerf il-poplu.

F’artiklu ieħor, fil-futur qarib, nitkellmu dwar id-Dizzjunarju Kulturali, ikkompilat mill-Professur Charles Briffa, li qed ikun ippubblikat ma’ dan l-indiċi.

Ċelebrazzjoni ta’ Belt Antika u Storika

L-istatwi, in-niċeċ, il-knejjes żgħar, il-funtani, l-arloġġi pubbliċi, il-monumenti u l-plakek tal-irħam huma l-mużajk li jsawru l-ktieb il-ġdid ta’ Michael Galea dwar il-Belt Valletta. Il-ktieb hu ppubblikat minn Allied Publications li ftit tal-ġimgħat tatna ktieb dwar Strada Stretta li kien suċċess fil-kamp tal-pubblikazzjoni lokali.

Galea huwa l-awtur ta’ diversi pubblikazzjonijiet fosthom Malta Ġrajjiet Storiċi, Malta Diary of a War, u ħadem fuq diversi bijografiji ta’ diversi Gran Mastri tal-Ordni ta’ San Ġwann li ħakmu fuq Malta fil-perjodu 1530 u 1798.

Il-ktieb Valletta huwa ċelebrazzjoni tal-belt fortifikata mibnija mill-Gran Mastru La Vallette wara l-Assedju l-Kbir tal-1565. Il-Kavallieri biddlu l-għera tal-għolja Xiberras f’belt Barrokka mimlija bl-istorja.

Dan il-ktieb ta’ Galea huwa mill-ġdid opportunità u stedina biex bil-kurżità ta’ turist niskopru l-ġmiel ta’ din il-belt li nbniet fuq disinn tal-perit famuż Francesco Laparelli.

Il-ktieb jiftaħ b’lista tat-toroq li sawru ġrajjiet il-Belt u kif dawn kienu magħrufa fi żmien il-Kavallieri, l-Ingliżi u l-Franċiżi.

Galea joffri tagħrif dwar statwi u niċeċ li jsebbħu dawn it-toroq li bosta drabi ftit jinnutawhom minħabba l-ħajja mgħaġġla tal-lum. Huwa jispjega li l-ewwel ħames statwi fit-triqat tal-Belt kienu saru minn flus il-Gran Prijur tal-Lingwa Ġermaniża.

Galea jħares lejn numru ta’ knejjes żgħar li nsibu fil-Belt. Uħud minnhom aktarx huma magħrufa biss min-nies tal-inħawi u minn dawk li jsegwu xi servizz reliġjuż fihom. Il-kanejjes li jikkonċentra fuqhom l-awtur huma tal-Vitorja, il-knisja ta’ Santa Luċija (li tinsab fi Triq il-Lvant), ta’ Santa Barbara, il-knisja ta’ Liesse, ta’ Santa Katerina, tal-Madonna tal-Pilar, ta’ San Ġakbu u ta’ Santu Rokku.

Aspett ieħor interessanti li Galea jiddiskuti fil-ktieb tiegħu huma l-funtani tal-Belt li warajhom bosta drabi hemm storja interessanti u mill-ġdid mhux dejjem magħrufa. L-ilma kien suġġett li l-Kavallieri kienu jagħtuh ċerta importanza. Biżżejjed tinnota li kull dar fil-belt Valletta kellu jkollha bir. Barra minn hekk sar proġett ambizzjuż minn Alof de Wignacourt biex il-Belt ma jonqoshiex dak il-likwidu prezzjuż.

Barra l-arloġġi tal-Belt, Galea jdur dawra mal-monumenti li jsebbħu l-belt u jinkludi wkoll il-plakek kommemorattivi li bosta drabi jfakkru persunaġġi jew waqtiet importanti fl-iżvilupp ta’ poplu.

Fost l-monumenti li Galea jikteb dwarhom hemm dawk li jfakkru lil Ġorġ Borg Olivier, il-Markiż ta’ Hastings, il-Patrijotti Maltin li nqatlu fl-17980, il-Monument tal-Assedju u Gerald Stricklnd.

It-test huwa illustrat bil-fotografija ta’ Jason Borg. Ta’ min niftakru wkoll li l-Belt fl-1988, ġiet dikjarata mill-UNESCO bħala belt ta’ kultura u ngħatat l-istatus ta’ World Heritage Site.

Il-kontenut ta’ dan il-ktieb jikkonferma li anki fiċ-ċokon jeżisti l-ġmiel. Dan il-ktieb hu ambaxxatur denju ta’ pajjiżna.

Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Kotba ppubblikati fl-2010

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jgħarraf lill-awturi u l-pubblikaturi li qed jilqa’ sottomissjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Kotba ppubblikati fl-2010.

Hu importanti li d-data tal-pubblikazzjoni tkun tidher fil-pubblikazzjoni mressqa. Kotba mingħajr data fuqhom jiġu awtomatikament skwalifikati.

L-ewwel premju f’kull kategorija hu ta’ €700, trofew u ċertifikat waqt li t-tieni premju jikkonsisti f’€400 u ċertifikat. Għall-premju speċjali tat-traduzzjoni se jingħata trofew, ċertifikat u €500.

Il-kategoriji baqgħu l-istess bħas-sena li għaddiet.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ifakkar li l-awturi Maltin biss huma eleġibbli li jieħdu sehem fil-premju.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirriserva d-dritt li jibdel il-kategorija indikata mill-awturi u/jew pubblikaturi, jekk fl-opinjoni tal-ġurija mqabbda għal dan il-għan, ix-xogħol ikun iddaħħal f’kategorija żbaljata mill-parteċipant.

Il-parteċipanti għandhom jibagħtu erba’ kopji ta’ kull pubblikazzjoni mressqa lis-Segretarju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Librerija Pubblika Ċentrali, il-Furjana sa mhux iktar min-nofsinhar tal-Ġimgħa 29 ta’ April 2011. Ma jiġux aċċettati kotba wara d-data msemmija.

Min hu interessat li jieħu sehem jista’ jniżżel l-applikazzjonijiet mill-websajt http://www.ktieb.org.mt mit-taqsima Aġġornamenti.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s