Kapitlu Importanti fid-Dokumentazzjoni tal-Istorja tal-Ġurnaliżmu Malti bit-Taljan

Il-Malta University Press, f’tarf is-sena li għaddiet, ippubblikat La Stampa Periodica in Italiano a Malta ta’ Sergio Portelli. Dan il-ktieb jaf il-bidu tiegħu bħala teżi għad-dottorat tal-awtur.

Portelli jgħallem it-Taljan u t-Traduzzjoni fl-Università ta’ Malta. Għal dik li hi għalqa ta’ studju hu interessat fir-relazzjonijiet kulturali bejn Malta u l-Italja b’mod speċjali fil-letteratura u l-istampa.

Portelli hu l-awtur tal-ktieb A Bibliography of Nineteenth Century Periodicals in the National Library of Malta Collection kif ukoll ippubblika għadd ta’ artikli akkademiċi; kemm f’Malta kif ukoll barra.

Irid jingħadd, kif jirrimarka l-Professur Henry Frendo fid-daħla tal-ktieb, li dan is-suġġett interessa lil diversi storiċi bħal Bianca Fiorentino, Lorenzo Schiavone, Giuseppe Patti u l-mibki Giovanni Mangion li ħadem biex il-kultura Taljana f’Malta tkun magħrufa u apprezzata minn firxa wiesgħa.

Il-mertu ta’ Portelli hu li għall-ewwel darba, fejn jidhol dan is-suġġett, qed jiġi ppreżentat xogħol ta’ ċertu kobor u struttura fejn kollox hu msoffi mill-għajn kritika u studjata f’kuntest kif tixtieq u tesiġi d-dixxiplina storika. Ix-xogħol jista’ jiġi meqjus bħala ċelebrazzjoni ta’ akkademiku li jaf xogħlu sew. Ix-xogħol hu gwida għal min irid jieħu l-kitba akkademika bis-serjetà.

Ħarsa lejn il-bibliografija tal-ktieb turi kemm fittex u qalleb l-awtur u daħal fil-fond tas-suġġett. Ir-riċerka ma kinitx biss limitata għall-gazzetti imma ra diversi kotba oħrajn kif ukoll dokumenti primarji li għall-istoriku serju għandhom ċerta importanza.

Minbarra riċerka fil-Biblijoteka Nazzjonali u l-Arkivju Nazzjonali, l-awtur fittex ukoll fl-Arkivju Ċentrali tal-Istat Taljan (li jinsab f’Ruma), l-Arkivju Storiku tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin (li qiegħed Ruma wkoll), u l-Arkivju Nazzjonali Ingliż (li jinsab fi Kew u li hu magħruf għal servizz eċċellenti).

Il-ktieb tista’ tgħid li jippreżenta vjaġġ tal-iżvilupp tal-ġurnaliżmu Malti bit-Taljan mill-ewwel snin tal-Ingliżi f’Malta sat-tletinijiet tas-seklu għoxrin meta tmut il-gazzetta Malta ta’ Nerik Mizzi. Sadanittant, kien qed jiżviluppa wkoll ġurnaliżmu bil-Malti.

Wieħed ma jridx jinsa li bosta drabi hawnhekk qed nitkellmu fuq esperimenti li xi drabi kienu jmutu mhux wara ftit edizzjonijiet imma wara ħarġa waħda wkoll. Dan id-diskors jgħodd ukoll għall-ġurnaliżmu Malti bit-Taljan.

Matul is-snin, kif juri Portelli, żviluppaw relazzjonijiet interessanti ħafna bejn Malta u l-Italja u l-ġurnaliżmu Malti, li jibda b’saħħa wara l-1839, meta tasal il-libertà tal-istampa (qabel kien hemm tentattiv ukoll anki jekk żgħir biex il-ġurnali jitwieldu u jibdew fuq nota b’saħħitha), tista’ tgħid li kellu sehem dirett fl-iżvilupp tal-Italja fis-seklu dsatax meta minn pajjiż framentat, diversi forzi kienu qed jaħdmu biex il-peninsula tingħaqad. Qalb dik il-komunità ma naqsux ukoll intelletwali barranin bħal Zauli Sajani.

Irid jiżdied il-punt li naħseb li hu importanti li l-wasla tal-Ingliżi ma ġabitx xi qalba kbira f’dik li hi kultura. Malta kien mgħaddsa f’kultura Taljana fl-1800 u tista’ tgħid li riedu jgħaddu għadd ġmielu ta’ snin meta jittieħdu passi konkreti favur l-angliċizazzjoni.

Il-Knisja nnifisha kienet mgħaddsa fil-kultura Taljana u t-Taljan kien ilsien tagħha. Imma għall-bidu l-Knisja uriet antipatija lejn l-istampa ħielsa minħabba li beżgħet li l-istatus quo tagħha jiġi mhedded bil-libertà tal-istampa.

Dan kollu hu dokumentat, bl-iktar mod ċar, fil-ktieb La Stampa Periodica in Italiano a Malta ta’ Sergio Portelli li fl-istess ħin qed joffri storja ta’ żvilupp tal-istampa u l-istamperiji f’Malta. Filfatt jirreferi per eżempju għal żmien l-Ordni ta’ San Ġwann meta ċ-ċensura kienet stretta u meta l-Gran Mastru, l-Isqof u l-Inkwiżitur kienu jagħtu bejniethom min se jikkontrolla ċ-ċensura.

Portelli juri kif darba li l-unità tal-Italja tinkiseb il-gazzetti bit-Taljan Maltin jduru fuq materji lokali u fost l-oħrajn jibdew jopponu lil Gerald Strickland li fehem ukoll li l-istampa kienet importanti jekk ried jimxi fil-politika.

Portelli jiddedika ukoll kapitlu interessanti għar-rivisti letterarji bit-Taljan li ħarġu mill-Maltin li wħud minnhom kellhom ċertu livell intelletwali fosthom La Brigata u La Crociata.

Dan il-ktieb jingħaqad ukoll ma’ sensiela oħra ta’ pubblikazzjonijiet Maltin bl-ilsien Taljan li ħarġu u għadhom joħorġu minn żmien għal ieħor. Awturi bħal Joseph M. Brincat, Henry Frendo u Arnold Cassola taw il-kontribut tagħhom fil-ktieb akkademiku. F’dik li hi poeżija ma naqasx il-kontribut ta’ bosta fosthom tal-mikbi Vincenzo Maria Pellegrini.

Dan il-ktieb aktarx mhux għall-massa imma hu kontribut enormi biex il-pajjiż jagħraf fażi interessanti mill-istorja tiegħu. Dawk kollha li huma interessati fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Italja ma jistgħux jgħaddu mingħajru.

Storja ta’ Evoluzzjoni

In-National Statistics Office huwa pulmun importanti fil-ħajja ta’ pajjiżna. Dan l-uffiċċju tista’ tgħid li jinterpreta biċ-ċifri l-iżvilupp fit-tendenzi tal-poplu tagħna. Hu ċentru mill-iktar attiv li joffri opportunità biex nagħrblu l-ħajja tagħna, bit-tlugħ u l-inżul, b’għodda xjentifika.

Fuq kollox, minbarra l-iżvilupp u ħarsa fil-preżent, biex nikbru fil-futur, hemm ukoll l-opportunità, bil-ħidma tal-NSO, li nħarsu lejn il-passat u nifhmu kif waslet l-evoluzzjoni tal-lum. Għax finalment dak hu wieħed mill-għanijiet tad-dixxiplina storika. Xi ftit jew wisq, nixtiequ jew ma nixtiqux, kollox irid jgħaddi mill-miżien tal-istorja.

Għax, kontra għal li jimmaġinaw xi wħud, l-istatistika tinġabar, ukoll, biex analisti, storiċi, soċjoloġiċi, ekonomisti u l-kumplament mhux biss jinterpretaw il-preżent imma anki biex iħarsu lejn il-passat.

Kienet deċiżjoni għaqlija mid-direzzjoni tal-NSO li tipprovdi l-istorja ta’ din l-istituzzjoni li kuntrarju għal li nista’ naħsbu mhix fenomenu modern li beda fl-aħħar snin.

Catherine Vella hija l-awtriċi tal-ktejjeb Malta’s Statistical Institute A Concise History li mingħajr dubju fliet diversi volumi biex setgħet tasal għal din il-ġabra qasira imma kompatta.

Hu interessanti ninuttaw li uffiċjalment l-idea tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tmur lura għall-1947 (fi żmien xejn pjaċevoli meta Malta kienet qed taħdem biex tqum mill-effetti tat-Tieni Gwerra Dinjija). Fl-istess waqt tajjeb ninuttaw li l-Ingliżi kien ħadu l-ewwel Ċensiment tal-Popolazzjoni fl-1842; tradizzjoni li titkisser biss bit-Tieni Gwerra.

Il-Kaptan Ġorġ Stivala kien l-ewwel wieħed li mexxa l-uffiċċju u miegħu kellu staff ta’ tlieta. Sena wara l-istess uffiċċju għamel ċensiment. Il-qarrej japprezza l-importanza ta’ dak id-dokument fil-kuntest storiku tiegħu.

Sadanittant Stivala kien ippubblika wkoll l-ewwel edizzjoni ta’ Statistical Abstract of the Maltese Islands (1947).

Mir-riċerka ta’ Vella joħroġ ukoll li kien hemm żminijiet meta l-Uffiċċju Elettorali u l-Istamperija tal-Gvern kienu jaqgħu taħt dan l-uffiċċju. Il-qarrej ta’ dan il-ktieb se jsib ħafna ħwejjeġ interessanti u se japprezza kif fil-passat bl-impenn saru kisbiet interessanti li bl-għajnejn tal-lum faċilment jista’ jitieqsu miraklu meta tqis kollox.

L-unika oġġeżżjoni li għandi hi l-ktieb m’għandux riferenzi (footnotes jew end notes) għalkemm jipprovdi biblijografija u notamenti oħra ta’ x’fonti ntużaw. Personalment, kont nippreferi s-sistema tal-footnotes f’kull paġna li tindikalek it-tagħrif minn fejn inġabar anki jekk il-pubblikazzjoni hija ta’ inqas minn erbgħin faċċata. Hu minnu wkoll li aktarx l-għan ewlieni tal-pubblikazzjoni hi biex kemm jista’ jkun iressaq il-poplu lejn l-uffiċċju u għalhekk ittieħdet din id-deċiżjoni.

Jekk forsi xi darba jkun hemm riedizzjoni ta’ dan il-ktieb, nemmen li ma jagħmlux ħażin jekk jiżdiedu xi ritratti.

Teżisti wkoll verżjoni online tal-ktieb. Jalla dix-xorta ta’ ktieb tkun l-ewwel minn sensiela. U jalla iktar entitajiet fi ħdan jew barra il-gvern joħorġu kitbiet li jirreġistraw il-passat tagħhom.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s