Iktar Tiftix fl-Istorja Kontemporanja

Charles Daniel Saliba (1979) hu l-awtur ta’ għadd ta’ kotba, wħud minnhom ko-awturati ma’ Adrian Muscat, bl-għan li min jużahom jaħkem u jitgħallem aħjar l-ilsien nazzjonali.

Il-lista tiegħu tinkludi fost l-oħrajn Aċċess, Malti aħjar bi sforzi żgħar!, Idjomi Maltin għal studenti għaqlin, 75 Lehma 75 Fehma u Malti għall-Eżamijiet b’Pariri u Tweġibiet!

Ippubblika wkoll żewġ kotba ta’ kitba kreattiva li b’wieħed minnu rebaħ it-tieni premju fil-kategorija proża għall-adolexxenti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

Dan l-aħħar BDL Publishing ippubblikaw ktieb differenti minn dawk li rajna sa issa: Ħtif ta’ Ajruplani fil-Mediterran. Tal-istess ktieb qed tkun ippubblikata wkoll verżjoni Ingliża; wisq probabbli biex jintlaħaq pubbliku usa’ meta tqis li dan suġġett b’appell miftuħ.

L-awtur jispjega kif bejn wieħed u ieħor mis-sena 1970 sas-sena 2000, kull xahar, x’imkien fid-dinja, b’mod partikolari fil-Mediterran, kien hemm tal-inqas żewġ każijiet ta’ piraterija tal-ajru. Ħafna minn dawn “kienu jsiru biex jinġabru somom kbar ta’ flus, għal għanijiet personali jew politiċi.”

Ħtif ta’ Ajruplani fil-Mediterran jiflu ħames każijiet ta’ ajruplani maħtufa li niżlu jew telqu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta: it-Titjira KL 861 Amsterdam-Tokjo mill-KLM Royal Dutch Airlines (25 ta’ Novembru 1973); it-titjira LN 642 Houn-Tripli Libyan mill-Arab Airlines (16 ta’ Ottubru 1979); it-titjira LN 484 Sebħa-Tripli Libyan mill-Arab Airlines (20 ta’ Frar 1983); it-titjira MS 648 Ateni-Kajr mill-EgyptAir (23 ta’ Novembru 1985); u t-titjira KM 830 Malta-Istanbul mill-Air Malta (10 ta’ Ġunju 1997).

Għal kull każ, l-awturi joffri r-rakkont ta’ x’ ġara u wara janalizza l-kuntest f’dimensjoni usa’. Kull każ jiġi analizzat fid-dawl tal-problemi reġjonali kontemporanji li mmotivaw lill-pirati. B’hekk l-awtur jibbilanċja fuq miżien il-kuriżità ta’ min jixtieq jara biss il-każ fuq livell ta’ rakkont u x-xewqa ta’ min jixtieq jara l-ġrajja u l-konsegwenza tagħha fil-perspettiva Mediterranja u x-xenarju internazzjonali.

Saliba jemmen li minkejja l-linka kollha li ntużat dwar dawn il-każijiet ħafna mir-rakkonti huma inkompleti jew saħansitra foloz u għalhekk l-ewwel għan tiegħu kien li joħroġ il-verità b’użu ta’ sorsi ppubblikati, gazzetti kontemporanji lokali u barranin, rapporti, intervisti ma’ persuni differenti, u diskussjonijiet ma’ esperti tas-sigurtà. Għamel użu wkoll minn rapporti tal-pulizija, procès-verbaux, rapport tal-esperti tal-qorti, stqarrijiet fl-istampa u korrispondenza uffiċjali.

L-użu u t-tħaddim ta’ tant sorsi differenti jikkonfermaw il-kapaċità tal-awtur li kapaċi jiżen, jagħrbel u jikkomkludi. Filfatt, Saliba qed jagħmel servizz importanti lill-istorja kontemporanja u joffri tagħlima għal min irid imiss ma’ din id-dixxiplina. Qed ikollna wisq materjal ippubblikat li jista jissejjaħ dilettantesk fil-qasam tar-riċerka Maltija.

Saliba jikkonkludi li s-sigurtà u l-istabbilità fil-Mediterran u tal-Ewropa, tiddependi mir-rieda li l-problemi fis-sigurtà reġjonali jiġu indirizzati.

Dan hu ktieb li għandu jinżel għasel. Fuq kollox, l-awtur qed imiss terran li rarament l-awtur Malti, għal ħaġa jew oħra, daħal fihom.

Għodda għal min iħaddem l-Ilsien Nazzjonali

Albert W.Agius, li jgħix l-Awstralja, qed jipproponi t-tieni edizzjoni ta’ It-Teżawru; edizzjoni riveduta, imkabbra u miktuba skont ir-regoli ġodda tal-Malti. It-Teżawru hu ppubblikat minn BDL Publishing li fuq numru ta’ snin irnexxielha tibni lista ta’ pubblikazzjonijiet interessanti li jvarjaw fil-ġeneri.

Dan il-volum ġie editjat minn Joe Felice Pace (li rabat ismu mad-dizzjunarju ta’ Aquilina) u Reno Fenech (ħaddiem ħabrieki fil-qasam tal-Malti). It-Teżawru ta’ Agius joffri 8,000 kelma meta fl-ewwel edizzjoni kellu 6,500 kelma.

Teżawru xogħlu hu li joffri kelma ewlenija u għadd ta’ sinonimi alternattivi għaliha. Hu differenti minn dizzjunarju. Għadni niftakar dik ix-xena, ta’ xi ħadd li ried klijent jixtri teżawru meta hu xtaq dizzjunarju!

It-Teżawru mhux għodda biss għat-tfal tal-iskola, kif jistgħu jimmaġinaw xi wħud, imma wkoll għal dawk kollha li b’xi mod ħidmiethom tmiss mal-kitba. U hawnhekk kitba mhux nifhmu biss kitba letterarja. Teżawru jiswa għall-għalliema, ġurnalisti, segretarji, tradutturi u l-kumplament.

It-Teżawru hu vjaġġ biex torqom xogħlok u kif jikkummenta Olvin Vella, fid-daħla għal dan ix-xogħol, tiskopri għadd bla tarf ta’ kliem.

Il-ktieb kien ġie ppubblikat għall-ewwel darba għaxar snin ilu u kien mument ċelebrattiv fl-istorja tal-ilsien nazzjonali għax kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu. Kien proġett li ntlaqa’. L-ewwel darba li kien ġie ppubblikat il-Professur Oliver Friggieri kien irrimarka li b’dan il-ktieb “issuktat tistagħna t-taqsima lessikografika tal-librerija Maltija.”

Ta’ min jirrimarka li Mikiel Anton Vassalli kellu l-ħsieb li joħroġ ġabra ta’ antonimi imma l-manuskritt intilef. L-istess Aquilina wkoll kien wera x-xewqa li jidħol għal proġett bħal dan. Dan ma jwaqqax pulzier ħidmet Agius anzi jikkonferma l-importanza tax-xogħol tiegħu.

Agius ma jiddejjaq xejn li juża xi kliem intilef maż-żmien mil-lingwa. Hu jistqarr li d-dizzjunarji ta’ Aquilina u Erin Serracino Inglott qdewh ħafna f’xogħlu.

Agius jiddedika xogħlu – biċċa xogħol metikoluża – għall-memorja ta’ “dawk l-eroj li mal-medda taż-żmien affrontaw sidirhom kontra awtoritajiet setgħana u , … kontra sezzjonijiet tal-poplu Malti stess.”

Ma jonqosx ukoll disinn eleganti għal din l-edizzjoni li jħaffef l-użu. Il-ktieb Malti qed dejjem javvanza anki f’dik li hi produzzjoni.

Ktieb bħal dan jagħmel kburi b’ilsienek u bl-identità tiegħek.

L-Istorja tal-Ktieb Malti fuq l-Education 22

L-Education 22, l-istazzjon tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, tawni l-opportunità li nippreżenta sensiela ta’ dokumentarji dwar l-istorja tal-Ktieb Malti. Din l-iskeda tagħlaq f’Marzu imma l-programm reġa’ ġie estiż biex ikompli sa Ġunju. U dan għax fadal diversi temi x’niddiskutu u x’nipproponu lit-telespettaturi tagħna.

Tistagħġeb bosta drabi kif fuq suġġett bħal dan hemm għalqa fejn tant tista’ timraħ. Il-ktieb Malti għandu ħafna telgħat kontra tiegħu fosthom iċ-ċirkolazzjoni. Imma favur tiegħu hemm l-impenn ta’ ħafna nies li għadhom jemmnu fil-ktieb bħala għodda b’saħħitha biex ngħixu aħjar.

Waqt id-dokumentarju, qed nisimgħu l-interventi ta’ bosta awturi, pubblikaturi, disinjaturi, librara u nies oħra mid-dinja tal-ktieb. L-għan ta’ dan il-programm mhux biss biex min iħobb il-ktieb ikompli jikber iktar fl-ispirtu imma stedina biex min hu xettiku jżur din id-dinja tal-ktieb.

Horizons qed jieħdu sehem il-produzzjoni tas-sensiela.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s