Il-Libreriji u ċ-Ċensura

Ġaladarba l-każ Vampir ingħalaq, għalkemm mhux eskluż li jqumu oġġezzjonijiet oħrajn fil-futur qarib jew iktar ’ il bogħod, illum xtaqt nirrifletti ftit dwar dan il-każ li ġibed l-interess ta’ bosta kwartieri.

Bla dubju, dawn huma każijiet li barra minn Malta jqumu l-ħin kollu u jiżbalja min jaħseb li dawn ħwejjeġ tagħna biss u li jseħħu hawn biss għax Malta tħaddan mentalita statika. Fiha verità wkoll din l-istqarrija għax hu minnu wkoll li l-pajjiż mhux dejjem kien lest għall-bidla u bosta drabi kellhom jgħaddi ġnerazzjoni sħaħ biex ċerti linji ta’ ħsieb daħlu. (Miniex se nidħol fil-mekkaniżmi u l-implikazzjonijiet tal-bidliet.)

Imma l-internet joffri mijiet ta’ każijiet interessanti fejn kotba tneħħew mil-libreriji minħabba argument jew ieħor.u dan mhux bilfors kien immotivat minn sitwazzjoni fejn kien implikat is-sess. Għax bosta drabi bħala poplu nassoċjaw iċ-ċensura ma’ sess jew nudità meta l-argument hu iktar wiesa’ minn hekk. Sa ċertu punt, id-dibattitu dwar iċ-ċensura sar trivjali f’Malta għax jitħalltu bosta elementi.

Jekk telabora dwar l-argumenti, fil-każijiet ta’ barra, tinduna wkoll li l-oġġezzjonijiet ma jsirux biss mill-istituzzjonijiet tradizzjonali bħall-Knisja jew korpi għoljin, imma wkoll minn ġenituri u għaqdiet differenti. U fost il-listi, mhux darba jew tnejn, issib titli li ma titwemmimx li sabu ruħhom fuq indiċi jew ieħor.

Il-kotba għandhom rwol importanti fil-ħajja ta’ pajjiż u jkunu ħasra jekk nħarsu lejhom bħala għadu tagħna nfusna. Iktar qari jfisser iktar nies b’saħħithom intellwalment. Il-qari mhux se jeċita l-barometru tal-kummerċ imma se jsaħħaħ ir-riżors ewlieni li għandu l-bniedem: il-moħħ. Dan id-diskors jirdoppja fl-importanza tiegħu meta tħares madwarek u tinduna li aħna pajjiż bla riżorsi ħlief dak uman.

Li mhux kulħadd għadu fehem hu l-punt kruċjali li l-qari fl-aħħar mill-aħħar hu għodda biex ikollok poplu aħjar għax finalment poplu b’moħħ aħjar se jieħu deċiżjonijiet aħjar u fl-aħħar mill-aħħar ir-rotta tal-ħajja fl-isferi kollha tista’ timxi iktar.

U din hija parti mill-missjoni tal-libreriji. Il-libreriji mhumiex xi post ta’ konservatrorju jew maħżen kif forsi jistgħu jidhru. Imma l-ewwel u qabel kollox, postijiet vibranti li fuq l-ixkafef tagħhom joffru proġett wara ieħor ta’ dinamiżmu. Il-libreriji huwa qasam fejn l-investiment m’għandu qatt jieqaf għax jekk jistaġna qed tistaġna poplu. Hu minnu wkoll li lilhinn mill-imaġinazzjoni hemm il-miżien tal-flus li jiddetermina l-infiq kollu.

Il-libreriji jaqdu lin-nies differenti u dan ifisser bilfors li jkollok ċerta organizazzjoni. Ikun hemm materjal li tifel ta’ sitt snin jaf iħawdu u jfixklu. Issa hawn wieħed irid joqgħod attent li ma jaqax fl-iżball li jsostni li din hi ċensura. Għax bosta drabi, Malta ma tagħmilx wisq distinzjoni bejn iż-żewġ suġġetti. Jiġifieri f’librerija hu mistenni li jkollok ċerta gwida. Ilkoll naqblu, anki dawk li huma aggressuri kontra ċ-ċensura, li ż-żgħar tagħna għandhom ikunu mħarsa u protetti.

Dan id-diskors jgħodd ferm għal-librereiji tal-iskejjel. U dan hu uġigħ ta’ ras kbir għal-librar li se jagħżel il-kotba għall-istudenti tiegħu. Għax librerija fi skola mhux biss maħżen ta’ textbooks kif xi wħud jemmnu imma trid toffri testi letterarji mhux biss biex jissaħħaħ it-tagħlim tal-ilsna imma wkoll biex jkunu żviluppati l-individwi ta’ għada.

Il-letteratura għandha sservi ta’ stimulu u mhux iġġib il-funeral tal-potenzjal ta’ individwu li jkun qarrej klubi. Librar fi skola għalhekk jeħtieġ għarfien wiesa’ u attenzjoni rigoruża biex waqt li jimxi skont il-“burokrazija tas-sistema” imma jara li l-klijent mhux biss qed jinqeda imma l-prodott qed jagħtih sodisfazzjon. Etajiet differenti jeħtieġu dożi differenti ta’ stimulu (Hawn ma nixtieqx niftiehem ħażin u nerġgħu naqgħu fl-argument sesswali). Wara kollox, jien persważ u hawn naf x’qed ngħid, li l-ebda awtur mhu interessat li joħloq skandli fuq tfal.

Żgur li librar se jħabbat wiċċu ma’ saram f’dan l-aspett u għalhekk jagħmel sens l-argumernt li l-pajjiż ikollu forma ta’ klassifikazzjoni tal-materjal. Naf li dan hu argument li mhux kulħadd jaqbel miegħu imma l-klassifikazzjoni hi gwida. Hi gwida responsabbli jekk issir min-nies responsabbli.

Jien ma naqbilx ma’ klassifikazzjoni magħmula addoċċ. Ma naqbilx li klassifikazzjoni li ssir sempliċiment għax individwu jew iżjed jaqraw il-blurb ta’ wara. Ma nistgħux niġġudikaw ktieb mill-qoxra. Jew mill-kuluri tal-qoxra. Jew mit-tipa. Jew mill-illustrazzjonijiet.

Nemmen fi klassifikazzjoni li ssir min-nies li jħobbu l-ktieb u li fuq kollox jaqraw. Għax din problema oħra. Jien irrid nemmen li kull librar iħobb il-kotba. (Għalkemm nammetti miegħi nnifsi li din purament utopija).

Ma tistax tagħmel dan ix-xogħol sempliċiment biex taqla’ ewro iktar. Hemm responsabiltajiet kbar fil-ħidma ta’ librar. Librar mhux biss dak li jagħmel inventarji ta’ x’għandu kotba u x’materjal tneħħa minn fuq l-ixkafef. Librar għandu jkun forza stimulanti u provokattiva biex ixerred l-imħabba lejn il-qari.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s