Malta taħt il-Mikroskopju

Ftit tax-xhur ilu, reġa’ deher fuq l-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba u l-Libreriji, il-ktieb ta’ Trevor Żahra It-Tmien Kontiment li ħareġ l-ewwel darba fis-snin tmenin. Miegħu ġie nkluż ukoll il-ktejjeb Trid Kukkarda Ħamra f’Ġieħ il-Biża’.

Kienu żewġ kotba li dik il-ħabta, min għal ħaġa u min għal oħra ma ħax wisq gost bihom. Kienu kotba li ta’ min jirrimarka kienu dehru wkoll mingħajr pubblikatur. Kienu żewġ kotba fl-aħħar mill-aħħar li ħallew impatt mhux ħażin.

Iltqajt mal-awtur biex niddiskutu dawn iż-żewġ kotba u għaliex inħass il-bżonn li jerġgħu jkunu proposti għall-qarrejja wara tant snin nieqsa mill-istampa.

Id-diskors waqa’ immedjatment fuq il-fatt li l-kotba ħarġu fi żmien partikulari ħafna li kien għaddej minnu l-pajjiż. L-awtur fakkarni li dawn il-kotba ħarġu fil-bidunett tat-tmenijiet meta, hu jisħaq, il-klima tal-pajjiż kienet bil-wisq differenti minn dik tal-lum. “Mhemmx għalfejn noqgħod nidħol f’dettalji żejda … kull min għex dawk iż-żminijiet jaf sewwa x’jiena ngħid.”

Qam il-punt dwar il-funzjoni tal-letteratura u jekk din l-arti fl-aħħar mill-aħħar għandhiex tiddokkumenta r-realtajiet kollettivi li jgħix il-poplu. Skont Żahra, “il-letteratura ma tiddokumentax il-fatti bħalma jagħmel l-istoriku jew il-ġurnalista. Il-letteratura tipprova tirrifletti u tanalizza bl-għodod tagħha. Fi kliem ieħor, wieħed m’għadux jaqra dawn in-novelli bit-tama li jsib fihom il-fatti storiċi tal-epoka. Dawn wieħed jista’ jfittixhom f’postijiet oħra. Iżda fin-novelli tiegħi wieħed x’aktarx iħoss it-tensjoni, il-biżgħat u t-taqlib ġewwieni tal-karattri li sabu ruħhom f’dawk iċ-ċirkostanzi. Lili aktar jinteressani kif iċ-ċirkostanzi jolqtu lill-bniedem, milli ċ-ċirkostanzi nfushom.” Min jaqra l-kotba ta’ Żahra jaf li l-awtur ma waqaf qatt jeżamina u jifli l-bniedem.

Ġaladarba dawn il-kotba ħarġu f’kuntest politiku ma stajniex ma nevalwawx kemm dawn it-testi huma u baqgħu validi għad-dinja tal-lum. Trevor Żahra wieġeb hekk: “Minn fuq dawn in-novelli llum għaddew tletin sena. Is-sitwazzjoni tal-pajjiż inbidlet għal kollox; mhux biss il-klima politika imma l-ħajja tagħna kollha kemm hi. B’danakollu, kull taqlib li minnu jgħaddi l-pajjiż jaffettwana ħafna … anki inkonxjament, u għalhekk ċerti konflitti ġewwiena, biżgħat u tensjonijiet li semmejt fin-novelli tiegħi, jibqgħu jinbtu fina sakemm l-umanità tibqa’ dik li hi. Kull meta naqraw xogħol letterarju, m’għandniex nieqfu fuq il-qoxra tal-barra (fuq il-plott, il-ġrajja u l-intriċċi li jmexxu r-rakkont ’il quddiem) imma għandha nħaffru aktar ’l isfel u nfittxu dak li jkun hemm moħbi fil-qalba tal-karattri. Hawn x’aktarx insibu kummenti universali li jittraxxendu l-ispazju u ż-żmien.”

Fattur li jinħass sew meta taqra l-ktieb hu d-dominanza tal-burdata satirika (linja li l-awtur iħobb jesperimenta biha) f’dan il-volum. Iddiskutejna r-rwol li għandu jkollha s-satira fil-kamp letterarju u kemm hi effettiva s-satira biex tixli pajjiż.

Skont Żahra, “fis-sens wiesa’ tal-kelma, is-satira tikkritika lis-soċjetà. Dan tagħmlu billi tesaġara, twaqqa’ għaċ-ċajt, tirredikola u ħafna drabi tuża l-għodod tas-sarkażmu u l-ironija. Dawn huma kollha strateġija li l-kittieb juża biex juri n-nuqqasjiet tas-soċjetà. Il-qarrej jidħak bir-redikolu, imma x’aktarx ma jdumx ma jintebaħ li jkun qed jidħak bih innifsu.”

Hawnhekk ta’ min wieħed jgħid li s-satira hija forma letterarja wżata sa mill-qedem (l-aktar fid-drammi klassiċi) meta l-atturi kienu jwaqqgħu għaċ-ċajt sitwazzjonijiet li l-poplu kien soltu jeħodhom bis-serjetà ħafna.

Isem il-ktieb hu kurjuż fih innifsu. Hu xilja ċara u mingħajr wisq liwjiet u kantunieri. Malta qed tkun msejħa t-tmien kontinent. B’dan il-mod l-awtur qed iwaqqa’ għaċ-ċajt dak li hu meqjus b’sagru u allaħares tmissu. U hawn il-qarrej jifhem għaliex sikwit is-satira mhux dejjem tinżel għasel u taf toħloq skumdità.

L-awtur isostni li “f’dawn in-novelli, lil Malta qed nipprova npoġġiha taħt il-mikroskopju, u kif jaf kulħadd, taħt dawn il-lentijiet qawwija, nemusa tidher dragun. Aħna għandna ħabta “naraw kbir”, nitilfu kull sens ta’ proporzjon u nqisu lilna nfusna bħala ċ-ċentru tad-dinja. Nistħajjilna tifel żgħir li jipprova jilbes qalziet ta’ missieru u jispiċċa jitfixkel fih.”

Kwistjoni li ddiskutejna kienet jekk hemmx it-tentazzjoni li kitba bħal din titqies minn min hu xettiku bħala utopija. Żahra wieġeb: “Jista jkun … għax l-arti għandha ħabta timmira lejn l-ideal u taspira dejjem għall-perfezzjoni. Iżda jiena kelli f’moħħi biss li nikkummenta dwar dak li jħoss il-bniedem meta jsib ruħu f’sistema li tkun qed tipprova toħonqu, b’nuqqas ta’ tolleranza u komprensjoni. Ippruvajt nesprima dak li kien qed iħoss il-poplu (u jiena miegħu) meta kien qed jara s-soċjetà tinqasam fi tnejn u tiġġieled battalji bla bżonn.”

Fil-kamp letterarju, il-ħin kollu tqum il-kwistjoni ta’ x’relazzjoni għandu jkollu kittieb mal-politiku. Kemm hu importanti li l-kittieb jieqaf lis-sistema? Hawn min jara dan bħala dmir iktar importanti mill-kitba nnifisha. Matul is-snin, dan l-argument qanqal bosta drabi u sa kien hemm bosta polemiċi anki fil-medja nnifisha.

Trevor Żahra jaħsibha hekk dwar din il-materja: “Kull kittieb jagħmel l-għażliet tiegħu. Kull kittieb juża għodod u strateġija differenti minn ta’ kittieba oħra. Il-kittieb “jieqaf lis-sistema” jekk iħoss li din tibda tippreokkupah. Ma nemminx li f’kitbietu, kull kittieb għandu jkollu l-istess impenn soċjo-politiku. Hemm diversi strateġiji kif kittieb jista’ jasal għal dan. Wara kollox, xogħol letterarju ma jistrieħx fuq is-suġġett magħżul, imma fuq KIF il-kittieb jittratta s-suġġett. Għandna ġganti tal-letteratura li qatt ma waqfu lis-sistema, li f’kitbiethom qatt ma messew problemi ta’ natura soċjo-politika. Il-pern tal-arti kollha huwa l-“bniedem” u l-artist dejjem ifittex modi u forom ġodda kif jipprova jikxef parti ġdida minn dan il-misteru.”

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s