L-Alkemista bil-Malti

L-Alkemista huwa wieħed mill-iktar kotba importanti fl-istorja tal-letteratura ta’ żmienna. Ħareġ għall-ewwel darba fl-1988 u llum bis-saħħa tal-Klabb Kotba Maltin u Steve Borg għandu traduzzjoni Maltija ta’ dan it-test li ħalla impatt fuq miljuni ta’ nies madwar id-dinja. L-Alkemista hu l-ktieb numru mitejn u tlieta u tletin mis-sensiela twila ta’ kotba li din il-kumpanija ewlenija tatna.

Il-verżjoni Maltija taħbat il-71 lingwa li dan il-ktieb oriġinarjament miktub bil-Portuġiż inqaleb fih. Il-ktieb daħal ukoll fil-Guinness World Record bħala l-iktar ktieb maqlub f’lingwi meta l-awtur għadu ħaj.
Hu stmat li l-ktieb biegħ mal-mija u ħmistax -il miljun kopja. Dan l-aħħar Coleho reġa’ kien fl-aħbarijiet meta allega li l-kotba tiegħu qed ikunu ċċensurati fl-Iran. Ta’ min iżid li fl-2010, dehret ukoll verżjoni tan-novella grafika tal-ktieb L-Alkemista.

L-Alkemista hija l-istorja ta’ Santiago, ragħaj Spanjol mill-Andalusija. Dan ir-ragħaj, mimli rieda, ħeġġa u s-sens ta’ avventura, iħalli jitlaq kollox warajh u jaqsam id-deżert biex ifittex teżor taħt il-piramidi tal-Eġittu. Fi triqtu jiltaqa’ mal-alkemista li jibdel ħajtu. Ħafna qarrejja madwar id-dinja sostnew li dan il-ktieb ħalla impatt fuqhom. Il-qarrej jista’ malajr jintebaħ li hu wkoll jista’ jsegwi t-triq li qabad ir-ragħaj, li minkejja x-xkiel u s-saram li jseffaq wiċċu miegħu, xorta waħda bi ħsiebu jibqa’ għaddej biex iwettaq il-ħolma tiegħu.

It-traduttur Steve Borg dam jaħdem tliet snin fuq dan il-proġett u għamel użu mill-verżjoni Spanjola għat-traduzzjoni tiegħu. F’kumment lil sezzjoni oħra tal-istampa, Borg fisser li din l-istorja ta’ Coleho taf tidher sempliċi imma fl-aħħar mill-aħħar hi storja dwar kif il-bniedem se jiltaqa’ ma’ destinu.

It-traduzzjoni Maltija hija itwal minn dik Ingliża. Borg jistqarr li kemm jista’ jkun hu għamel użu minn Malti Semetiku u anki kellu esperjenza diretta fid-deżert biex jifhem aħjar l-ambjent ta’ Coleho.

Bla dubju, Borg ta servizz importanti lill-qarrej Malti u lil-letteratura Maltija. Tana biċċa xogħol metikoluża ferm li ħaqqha tinqara minn ċirku wiesa’.

Novelli minn Għawdex

Żwiemel tar-Riħ hija ġabra ta’ ħmistax-il novella tal-awtur Għawdxi Joe Camilleri li ħafna jafuh bħala kritiku residenti tal-arti u l-kotba fil-programm Għawdex Illum li jittella’ minn Alvin Scicluna fuq l-istazzjon nazzjonali.

Din hija t-tielet ġabra ta’ novelli ta’ Camilleri li jista’ jiġi deskritt bħala awtur soċjali u psikoloġiku li sikwit jidħol fil-psike umana biex jifli aġir il-bniedem. Camilleri jankra n-novella tiegħu fil-kontemporanju. Fid-dinja tal-lum. Qabel dan il-volum Camilleri ħareġ Fir-Rokna tas-Silenzju u Solitudni fil-Folla.

Is-suġġetti ta’ Camilleri huma kollox barra l-aljenazzjoni u tista’ tgħid li jmissu mal-esperjenza umana. Il-bniedem fit-totalità tiegħu hu kumpless u n-novella toffri l-ifjen opportunità biex awtur jixxala janalizza l-kundizzjoni umana. In-novella tibqa’ ġeneru mill-iktar popolari u meta jinħadem minn kittieb tas-sengħa bħal Camilleri jkollok eżerċizzju b’saħħtu li jsammrek taqra. Camilleri sikwit juża Malti li nsejnieh għal kollox waqt li x’aktarx f’Għawdex dan għadu jintuża u jitħaddem ukoll.

Fil-fehma tiegħi, l-aħjar waqtiet tiegħu huma meta janalizza l-kuxjenza u l-emozzjoni tal-karattri tiegħu. Il-karattri tiegħu mhumiex ‘il bogħod minna u mir-realtà li qed ngħixu fiha. Bosta karattri huma vulkan ħaj ta’ sentimenti u emozzjonijiet.

Fi kliem Camilleri, Żwiemel tar-Riħ tlaqqana “man-nies tad-demm u l-laħam bil-ferħ u n-niket tagħhom. Bl-imħabba li ddawlilhom ħajjithom u l-mibegħda li tikolhom irqiq irqiq. Bil-fantasiji sesswali, il-passjonijiet, l-intriċċi u l-filosofiji tagħhom.”

Ta’ Camilleri huma karattri “li jaslu għal kollox u oħrajn vittmi tad-daqqiet ta’ ħarta tal-ħajja, tal-intriċċi ta’ ħaddieħor, tal-kundizzjonijiet psikiċi tagħhom.”

Il-karattri komunament għandhom xewqa waħda: “li jerfgħu rashom mill-ilma, li jħeffu s-slaleb li sawru b’idejhom, li jsolvu l-problemi tar-relazzjonijiet familjari u soċjali, biex forsi jindafu mit-tidlik tat-tagħsida li għassdu fil-ħajja.” U hawnhekk tiftiehem il-metafora li tat l-isem lil din it-tielet ġabra ta’ novelli. Il-karattri jixtiequ jittajru ħielsa, ikunu żwiemel tar-riħ.

Fost il-karattri li laqtuni hemm ix-xiħa li qed tistenna lil uliedha emigranti li jiġu jżuruha fin-novella Kemm Bogħod mis-Setaħ għall-Awstralja, u l-bin li missieru ċaħdu biex jibda relazzjoni ġdida ma’ mara li hu ma kienx jaf fil-kitba Iż-Żiemel tas-Seħer. Fuq kollox, din hija wkoll filosofija Ċiniża.

Strada Stretta taħt il-Lenti

Allied Publications ftit tal-ġimgħat ilu ppubblikaw il-ktieb Strada Sretta It-Triq li xegħlet il-Belt ta’ George Cini. Dan il-ktieb twieled minn sett servizzi li l-awtur kiteb dwar din it-triq popolari fil-belt kapitali Maltija f’The Times. Cini hu ggradwat fl-Istudji tal-Komunikazzjoni u l-ġurnaliżmu.

Strada Sretta fil-passat kien triq attiva kollha ħajja waqt li llum fadal biss relikwi tal-passat bħal ħwienet magħluqa għalkemm ma jonqsux l-uffiċini u xi stabilimenti oħrajn llum (imma mhux dawk li kellhom x’jaqsam mal-passat tat-triq).

Cini għażel is-sotto-titlu tal-ktieb bl-iktar mod preċiż u perfett: It-Triq li xegħlet il-Belt. Hekk kienet filfatt din it-triq. Ċentru ħaj u dinamiku. Minn tarf sa tarf it-triq kienet tfur bil-mużika, bl-irġiel tas-Servizzi, u l-bar maids li wara l-mużika kienu l-kulur importanti tal-atmosfera kollha. Kif jgħid l-awtur it-triq kienet iz-zekka li minnha kien joħroġ gelgul ta’ liri kuljum.

L-Ingliżi kienu jsejħu din it-triq The Gut. Għal min kien jiskrupla, din it-triq kienet fonti tad-dnubiet imma minnha, kif isostni Cini, wkoll ħarġu vokazzjonijiwet Dumnikani minn tfal ta’ nisa, wejters u mużiċisti.
Il-ktieb jippreżenta l-istorja ta’ din it-triq minn fomm il-protagonisti u minn oħrajn li messew magħha fosthom Nina, il-Lolly, Pawlu Curmi il-Pampalun u Joe Attard tad-Dirty Dick’s. Kieku ma kienx dan il-ktieb min jaf kemm intilef materjal dwar din il-parti tal-Belt u l-kultura popolari Maltija.

Minbarra ritratti tal-epoka, li fihom infushom għandhom storja, u ritratti li ttieħdu llum, l-awtur żied l-akwarelli ta’ Paul Caruana li kumbinazzjoni qatta’ tfulitu fi Triq tal-Franċiżi li, fi kliem Cini, tiġi qisha d-denb ta’ Strada Stretta.

Il-ktieb minbarra l-valur tad-dokumentazzjoni jiswa wkoll biex ineħħi l-preġudizzji li maż-żmien setgħu nġabru dwar din it-triq. Fi żmienna jeżistu diversi kwartieri li qed jipproponu riġenerazzjoni ta’ din l-inħawi tal-belt biex minn ċimiterju tinbidel għal ċentru kulturali ħaj mill-iktar vibranti. Żgur li hemm għadd ta’ postijiet vojta li mhu qed jintużaw għalxejn. Il-ktieb għandu preżentazzjoni sabiħa u friska ferm u differenti mill-istrateġiji li drajna bihom. Ħasra li qabżu għadd konsiderevoli ta’ żbalji ortografiċi.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s