Il-Mixja ta’ Ħajjet Arturo Mercieca

Pubblikazzjonijiet Indipendenza (PIN) waqt l-aħħar edizzjoni tal-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb, fost l-oħrajn, ippubblikat traduzzjoni ta’ Godwin Ellul tax-xogħol awtobijografiku Le Mie Vicende ta’ Sir Arturo Mercieca; figura li għadu ma ġiex studjat biżżejjed f’ċerta profondità daqs kemm ħaqqu. L-2010 ħabtet l-erbgħin sena minn mewtu.

L-awtobijografija kienet dehret l-ewwel darba fl-1947. Mal-milja ta’ snin ħarġet ukoll verżjoni bl-Ingliż The Making and Unmaking of a Maltese Chief Justice. Jispikka l-punt li fil-verżjoni Ingliża kien hemm is-sehem ta’ Josephine Burns Debono u Dwardu Ellul; li politikament żgur ma kinux fuq ix-xaqliba ta’ Mercieca.

Ellul għażel it-titlu Il-Mixja ta’ Ħajti għat-traduzzjoni tiegħu. kif jgħid it-traduttur, Mercieca ma tistax tqabblu ma’ Herbert Ganado f’dak li hu stil ta’ kitba imma bla dibju, il-kontribut awtobijgrafiku tiegħu jippreżenta l-veduti u r-riflessjoni tiegħu ta’ epoka mimlija mwieġ li fost l-oħrajn rat il-mixja tal-Faxxiżmu fl-Italja u n-Nazziżmu fil-Ġermanja u l-internament lejn l-Uganda ta’ Maltin li kellhom simpatija lejn il-peninsula msemmija fosthom Mercieca stess. Kif jirrimarka l-Avukat Giovanni Bonello fil-kelmtejn tiegħu, “hija ironija li wieħed mill-akbar, jekk mhux l-akbar, Prim Imħallef li qatt kellha Malta, kellu jkun ukoll l-uniku wieħed li, b’disprezz ta’ kull garanzija kostituzzjonali, tneħħa mill-kariga b’diktat kolonjali.”

Mercieca ħass ċerti dilemmi jekk għandux jikteb il-ġrajja tiegħu imma fl-aħħar mill-aħħar ikkonkluda li “ċerti persunaġġi, istituzzjonijiet u ġrajjiet jintilfu għal dejjem jekk ma jiġux merfugħa taħt is-sura jew skuża ta’ kitba awtobijofraika.” Mercieca jżewwaq il-ħajja tiegħu flimkien mal-ġrajjiet tal-pajjiż; epoka fejn il-kolonjaliżmu kien biss interessat fil-valur ġeografiku tal-gżira. Il-kultura Taljana hija l-palk fejn tinħadem ħajtu li sa ċertu punt kienet traġika. L-iktar kapitli li probabilment jispikkaw huma dawk tal-internament li jikkumplimentaw il-memorji ta’ Ganado u ; awtur ta’ Mistednin tar-Re!

Ismu sa ċertu punt għadu jnissel kontroversja. Bonello jiddeskrivieh bħala “patrijott ta’ nintegrità kbira …. ħallas il-prezz tal-patrijottiżmu tiegħu lill-mixtrija tal-Imperu.” Din il-veduta ma tidhirx daqstant f’Malta u l-Faxxiżmu ta’ Reno Borg ippubblikat mill-SKS; id-dar editriċi tal-PL. Jalla dan il-ktieb jiftaħ beraħ id-diskussjoni dwaru, ibbażata fuq id-dokumentazzjoni u mhux il-passjoni kif sikwit jiġri frott il-parrokjaliżmu.

Ċelebrazzjoni ta’ Fotografu

Is-sena 2010 intemmet, fost l-oħrajn, bil-pubblikazzjoni ta’ BDL Publishing tat-tielet ġabra fotografika ta’ Richard Ellis. Din id-darba, il-lenti ddur fuq Tas-Sliema u San Ġiljan; li bosta jorbtu mat-turiżmu u l-mekka tad-divertiment.

L-ewwel volum, f’din is-sensiela The Photography Collection, kien iċċelebra l-belt kapitali Valletta u s-subborg tagħha l-Furjana waqt li l-Port il-Kbir u Tlett Ibliet, magħrufa fostna bħala l-Kottonera, kienu l-protagonisti tat-tieni volum. Richard Ellis (1842-1924) kien fotografu notorju, li ġie Malta fl-1862, u li warajh ħalla wirt kbir u imprezzabbli. Biżżejjed jingħad li l-arkivju tal-familja Ellis fih iktar minn 35,000 ritratt.

Dan il-volum ġie editjat minn Ian Ellis; in-neputi tal-artist, u għandu kummentarju vivaċi dwar Tas-Sliema mill-artist Kenneth Zammit Tabona u studju tal-perit Edward Said dwar l-iżvilupp arkitettoniku ta’ Tas-Sliema u l-madwar. Il-ktieb għandu introduzzjoni minn Michael Refalo; politiku li għall-bosta snin ġie elett fuq Tas-Sliema f’isem il-Partit Nazzjonalista. Refalo, dan l-aħħar, kien involut fit-traduzzjoni għall-Malti ta’ Rajt Malta Tinbidel ta’ Herbert Ganado. Il-volum gawda wkoll mill-esperjenza tal-editjar ta’ Louis J. Scerri.

L-importanza ta’ dan ix-xogħol jinsab filfatt li hawnhekk għandna dokumentazzjoni ta’ firxa art li maż-żmien bdiet tiżviluppa speċjalment bid-djar tas-servizzi Ingliżi. Kienet l-epoka tal-preżenza ħajja tal-flotta fil-portijiet Maltin. Fuq kollox kien żmien il-ftuħ tal-Kanal ta’ Suez li biddel ir-rotot internazzjonali tal-ivvjaġġar.

Ellis, konxju minn din l-atmosfera ħajja ta’ din in-naħa, għażel Tas-Sliema fejn jiftaħ in-negozju tiegħu tal-fotografija. Ikun fl-1871, li hu mexxa għall-ħanut fil-Belt; fi Triq id-Dejqa. Il-fotografu għex f’Tas-Sliema bejn l-1900 u l-1930.

Fost ir-ritratti kurjużi, ta’ min jinnota dawk li juru l-forn ta’ Blackley (f’tal-Pietà), l-Għajn tal-Ħasselin, char-a-banc tal-1906, il-Ferries, Pjazza Sant’Anna, l-Isptar Tignè, id-Dragunara, l-Australia Hall, il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Balluta u bosta oħrajn.

Għal darba oħra, f’dawn il-volumi, minbarra li jispikkaw il-ħiliet tal-fotografu, ikomplu jimlew u jissodaw l-istorja interessanti ta’ din l-art. Meta tqis dan kollu tifhem l-entużjażmu ta’ bosta, biex ifaddlu kotba bħal dawn.

Ħamsin Sena għall-Istitut Kattoliku

Is-sena li għaddiet l-Istitut Kattoliku ċċelebra ħamsin sena ta’ attività. Biex ikun imfakkar dan l-anniversarju tad-deheb, id-direzzjoni tal-Istitut, kif inhu komunament magħruf mal-pubbliku li jsegwi l-ħidma li ssir fih, ippubblikat L-Istitut Kattoliku Ħamsin Sena ta’ Ħajja u Ħidma. Il-ktieb hu editjat minn Dun Ġwann Galea; id-direttur tal-Istitut Kattoliku. L-Istitut beda jopera fl-1960 u, minbarra t-teatru li matul is-sena jippreżenta diversi produzzjonijiet teatrali, jservi wkoll tal-kwartier ta’ diversi movimenti attivi fl-operat tal-Knisja Maltija.

Il-parti storika tal-ktieb inkitbet minn Pawlu Saliba li fost l-oħrajn kien editur tal-ġurnal tal-Azzjoni Kattolika Leħen is-Sewwa. Saliba kien attiv ukoll fi ħdan il-moviment imsemmi. Saliba, fost l-oħrajn, jispjega li l-kunċett ta’ bini bħal dan imur lura sa qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Saliba jispjega li l-Arċisqof Mikiel Gonzi ħadem kemm felaħ biex l-Istitut jinbena “u jarah jiffunzjona.” Kien Pawlu Boffa li fl-1950 ta l-art biex jinbena dan iċ-ċentru. Sentejn wara l-Prim ministru Ġorġ Borg Olivier għadda riżoluzzjoni fil-Parlament biex il-biċċa art mogħtija minn Boffa “tinbidel ma’ oħra li fuqha llum hu mibni l-Istitut Kattoliku. L-Istitut jiġi inawgurat fis-sena 1960 meta Malta Kolonja kienet qed tfakkar iċ-Ċentinarju Pawlin. Fi żmien ftit xhur kellu jfaqqa’ kunflitt politiku-reliġjuż qalil sew.

Fil-ktieb, insibu kontribuzzjonijiet mid-diversi għaqdiet residenti fil-lokal kif ukoll it-tifkiriet ta’ Joe Quattromani, George Maggi u Robbie Mamo b’rabta mal-post. L-editur tal-ktieb L-Istitut Kattoliku Ħamsin Sena ta’ Ħajja u Ħidma nkluda wkoll it-testi ta’ tliet taħdidiet li saru minn Dun Ġino Galea, il-Professur Oliver Friggieri u Joseph Vella Bondin fl-okkażjoni tal-ġublew tad-deheb tal-Istitut Kattoliku.

Dun Ġwann Galea jemmen li “… matul dawn l-aħħar ħamsin sena … l-Istitut Kattoliku ipprova jikkonkretizza l-ħolma tal-mexxejja tal-Knisja li sa minn qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, bdew jaħsbu biex il-Knisja f’Malta jkollha ċentru ta’ kultura b’ispirazzjoni nisranija.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s