Ċelebrazzjoni ta’ Francesco Zahra

Wieħed mill-aqwa kotba, f’dik li produzzjoni u kontenut, tas-sena 2010 kien il-ktieb Francesco Zahra ta’ Keith Sciberras ippubblikat minn Midsea Books f’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Arti fil-Fakulta tal-Arti fl-Università ta’ Malta.

Il-ktieb, li fih ukoll kontribut ta’Jessica Borg, assistenta riċerkatriċi fil-kon-katidral ta’ San Ġwann, u fotografija mill-isbaħ ta’ Joseph P. Borg janalizza l-impatt u l-kontribut artistiku ta’ Francesco Zahra li għex bejn l-1710 u l-1773. Kif jirrimarka l-awtur ta’ dan ix-xogħol, dan hu artist maħbub u rispett ħafna minn dawk li jħobbu u japprezzaw il-moviment artistiku f’Malta. Sa qabel dan il-ktieb, il-letteratura dwar Żahra kienet waħda limitata.

Biex inkun ġusti mal-istorja teżisti pubblikazzjoni tal-Kanonku Ġwann Azzopardi, il-Professur Mario Buhagiar u Eugene Montanaro li kienet rat id-dawl tal-istampa fl-okażżjoni ta’ wirja organizzata dwar Zahra fl-1986 fil-Mużew tal-Kattidral tal-Imdina.

L-awtur jistqarr li dan il-volum qed iġib flimkien ir-riċerka li huwa għamel f’diversi istituzzjonijiet bħal l-Arkivju tal-Kurja tal-Arċisqof, il-Librerija Nazzjonali, l-Arkivji Notarili u f’diversi parroċċi fejn l-artist kien ikkummissjonat.

Il-ktieb ħareġ fis-sena 2010 li ħabtet ukoll it-tlett mitt sena mit-twelid tal-pittur. Sciberras jiddeskrivi lil Zahra bħala l-iktar pittur importanti Malti ta’ nofs is-seklu tmintax.

Joħroġ ċar minn dan il-volum li Zahra kien artist prolifiku u li s-sengħa tiegħu kien jafha mill-qrib u b’ċerta preċiżjoni li thenni l-qalb.

Forsi ftit jafu li minbarra l-pittura, Zahra iddisinja diversi ħwejjeġ għall-knejjes bħall-artali tal-irħam, għamajjar għall-knejjes, oġġetti għall-użu waqt il-funzjonijiet reliġjużi u l-kumplament.

L-awtur qassam il-ktieb ferm riċerkat tiegħu f’erba’ taqsimiet: analiżi tal-istil tal-artist, katalgu bix-xogħlijiet ta’ Zahra (li ta’ min i\id hi impresjonanti l-lista twila ta’ xogħlijiet tiegħu fil-knejjes Maltin), lista ta’ xogħlijiet attribwuti lilu u traskrizzjoni ta’ numru ta’ dokumenti li ntużaw fil-kompilazzjoni tal-ktieb li b’kollox ilaħħqu għal tnejn u sebgħin.

Sciberras f’dan il-ktieb juri l-evoluzzjoni ta’ dan l-artist li rrappreżenta bl-ifjen mod il-Barokk Tardiv. L-awtur ta’ dan il-ktieb eleganti jispjega kif l-ewwel xogħlijiet tiegħu huma dgħajfa u kif l-artist sal-1740 jilħaq il-maturità notorja tiegħu.

Tieħu gost tinnota l-kwalità għolja ħafna tal-produzzjoni tal-ktieb. Sa ftit snin ilu proġetti bħal dawn lokalement kienu impossibbli. Il-ktieb ġie mniedi waqt il-ftuħ tal-wirja Francesco Zahra – An intimate Look at his small Works li ttellgħet għand il-Karmelitani tal-Imdina.

Wieħed ma jridx jinsa li l-istess awtur, fotografu u dar tal-pubblikazzjoni kienu responsabbli għall-volum ieħor sinjur Baroque Paintings in Malta; esperjenza oħra meraviljuża fl-istorja tal-ktieb Malti. Ta’ min ifakkar li fl-2006, Sciberras kien ippubblika wkoll mal-kumpanija msemmija l-volum importanti Melchiore Gafa-Maltese Genius of the Roman Baroque. Il-volum tiegħu L-Arti Barokka f’Malta jagħmel parti mill-Kullana Kulturali ppubblikata minn Pubblikazzjonijiet Indipendenza li dan l-aħħar tħabbar li se terġa’ tkun ippubblikata kollha wara li numru kbir ta’ volumi minnha spiċċaw għal kollox.

Dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-Melitensia ma jistgħux jgħaddu mingħajr dawn il-pubblikazzjonijiet ta’ Sciberras.

Bir bla Qiegħ ta’ Kreattività

Bir bla qiegħ ta’ kreattività hija deskrizzjoni li toqgħod b’mod perfett għall-kittieb Trevor Żahra; awtur maħbub kemm miż-żgħarnett u mill-kbar.

Li jolqtok f’Żahra hu l-fatt li bħala awtur hu dejjem af jiġġeded. Hu nnifsu f’diversi interventi pubbliċi tiegħu tkellem dwar il-biża’ li jaqa’ fir-repetizzjoni fil-kitba tiegħu. Għall-kuntrarju, l-ebda ktieb tiegħu ma jixbah lil ieħor. L-ebda storja tiegħu ma hi repetizzjoni tal-oħra li tkun qrajt jew fiha mqar eku ta’ oħra. Għax dmir l-awtur hu veru li jikteb imma r-riċiklaġġ u l-kitba huma għedewwa kbar.

Dan id-diskors ħassejt li jissaħħaħ iktar wara li qrajt il-ktieb tiegħu Ħadd ma jista’ jidħak jew jiekol Pastizzi tal-Piżelli. Dan il-ktieb, maħruġ minn Merlin Library Ltd, ġie mniedi mill-awtur waqt l-aħħar edizzjoni tal-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb (li saret f’Novembru li għadda). Fl-istess fiera, l-awtur ħareġ ukoll il-ġabra ta’ novelli Penumbra li ddiskutejnieha fil-ġimgħat li għaddew.

Dan il-ktieb joffri l-ewwel volum mill-ġrajja illustri ta’ pajjiż mistħajjel li l-awtur isejjaħlu Kartaksan. Hu ktieb li fil-pubbliċità tiegħu ġie deskritt bħala ktieb li tajjeb għal min hu żgħir u kbir. Filfatt, hu ktieb li jdaħkek minn tarf sa tarf, mimli xaradi, logħob bil-kliem u botti fini. U fuq kollox illustrazzjonijiet ħelwin li m’għandhomx biss l-għan li jżejnu ktieb imma biex il-qarrej jinvolvuh direttament.

Il-ktieb ilaqqgħana mar-Re Karlu VII li jaħkem f’ Kartaksan. L-awtur jinsisti li qablu imma ma kienx hemm sitt Karlijiet oħra! Sensiela ta’ diżappunti fl-imħabba jwassluh biex jaqa’ f’ċertu ebusija f’qalbu li fost l-oħrajn iwasslu biex jipprojbixxi d-daħk u l-ikel tal-pastizzi tal-piżelli. Biex ma ntellifx il-gost tal-istorja se nieqaf hawn għal dak li hu rakkont.

Ħadd ma jista’ jidħak jew jiekol Pastizzi tal-Piżelli ma jaħfirha lil ħadd. Għandek il-medja televiżiva, l-istampa, il-kumpaniji lokali tat-telefonija, ir-rumanzi u l-poeżija tradizzjonali, il-cruise liners fil-Valletta Waterfront u l-kumplament. Sa ċertu punt, il-ktieb hu donnu karikatura ta’ nazzjon li nafuh sew ilkoll. Id-daħk jinħass bħala l-antitodu biex dawn id-dnubiet tan-nazzjon jinħafru.

F’Ġieħ l-Istorja tan-Nazzjon

Biex tfakkar is-sittin sena mit-twaqqif tagħha, is-Soċjetà Storika ta’ Malta (magħrufa wkoll bħala l-Malta Historical Society) ħarġet il-ktieb A Commemoration. Din l-għaqda ħabrieka twaqqfet fl-1950 u l-ewwel president tagħha kien il-Professur Arturo Bonnici li ħadem ħafna fuq l-istorja ekkleżjastika Maltija. Monsinjur Bonnici għamel mat-tletin sena president tas- Soċjetà Storika ta’ Malta. Huwa appella għat-twaqqif tagħha mill-paġni tal-ġurnal Leħen is-Sewwa.

Wieħed mill-għanijiet tas-soċjetà minn dejjem kien il-pubblikazzjoni ta’ materjal storiku ta’ ċertu kalibru. Dan is-soċjetà tagħmlu permezz tal-Melita Historica; il-ġurnal tagħha li joħroġ darba kull sena. Is-Soċjetà Storika ta’ Malta kienet dejjem konsistenti fit-twemmin tagħha li l-istorja ppubblikata tkun waħda xjentifika u mhux tad-dilettanti.

Il-volum A Commemoration, li ġie mitbugħ f’edizzjoni limitata ta’ seba’ mitt kopja, jiġbor diversi studji ġodda minn diversi riċerkaturi lokali; kemm stabiliti u kemm emerġenti. L-editur Joseph F. Grima u l-bord editorjali qassmu dawn il-kontribuzzjonijiet fi tmiem taqsimiet: l-istorja tal-Għaqda, Storjografija u Riċerka, Mill-Preistorja sal-Era Rumana, Il-Perjodu Medjovali, Żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, L-Epoki Franċiża u Ingliża, Arkitettura u l-Arti.

Interessanti li fil-ktieb qed jingħata wkoll tribut lil Albert Mayr li miet fl-1924 li kellu ħafna interess fl-istorja ta’ Malta. Fil-volum filfatt qed ikun ippubblikat artiklu tiegħu dwar l-ewwel żminijiet tal-Kristjaneżmu f’Malta u l-perjodu Għarbi li oriġinarjament deher fil-Ġermaniż f’tarf is-seklu dsatax. L-artiklu hu akkumpanjat minn kummentarju (li l-editur hawnhekk jiddeskrivih bħala “kummenti personali”) tal-medjevalista Godfrey Wettinger li anki jirreferi għat-teżi ppreżentata minn Stanley Fiorni/H.C.R. Vella fil-ktieb Tristia ex Melitogaudo (2010).

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s