INTERMEZZ – 4 TA’ JANNAR 2011

Minn Mario Azzopardi

Din l-intervista dehret fil-gazzetta In-Nazzjon

IL-LEJL TAL-IRGULIJA

Awtur gdid jidhol bil-qawwa fl-isfera tal-letteratura kritika b’rumanz li jehodha kontra l-mentalita’ statika u ta’ spiss bigotta ta’ Malta.

Fost il-hafna kotba godda ppubblikati ghall-Fiera tal-Ktieb f’Novembru li ghadda kien hemm uhud li offrew kronaka ta’ grajjiet li sehhew realment, interzjati mal-fantasija. Fil-Fiera ghamel id-dahla tieghu Sergio Grech , maghruf l-aktar ghall-konnessjonijiet tieghu mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bhala ufficcjal ezekuttiv. Izda lil hinn mill-obbligi burokratici u amministrattivi hemm Sergio Grech iehor li kien qed jahbi l-profil kreattiv tieghu. Sergio Grech issa dahal fix-xirka tan-narraturi permezz tar-rumanz Il-Lejl tal-Irgulija. Hawn qed ikun intervistat l-awtur.

Originarjament kont se ssemmi dan l-ewwel rumanz tieghek mod iehor. Imbaghad ghazilt titlu metaforiku. Ghaliex il-bidla?

Għall-bidu, kont qed nesperimenta li nuża l-laqam tal-karattru ewlieni bħala t-titlu tal-ktieb imma fid-diskussjonijiet li kelli, ma’ diversi ħbieb u kollegi, meta l-ktieb kien għadu manuskritt, ħassejna li t-titlu, kieku sar kif ippjanajt jien, ma jkunx qed jaqbad biżżejjed l-istat ta’ ruħ il-karattru ewlieni u fuq kollox inkun qed nitlef ħafna mid-dinamika li xtaqt noħloq.
Allura bqajna niskavaw u ħassejna li Il-Lejl tal-Irġulija jkun jixraq iktar. Fuq kollox, naħseb li l-isem b’dan il-mod iqajjem iktar mistoqsijiet.
Sa tmiem ir-rumanz, it-titlu jiftiehem għaliex hu wieħed metaforiku. Qarrejja differenti se jagħtu interpretazzjoni differenti. Dak hu, bla dubju, is-sabiħ tal-letteratura.
Użajt il-metafora anki biex nissuġġerixxi l-bidla, il-qabża li l-karattru se jagħmel fl-aħħar parti tar-rumanz. Fuq kollox, il-bidla jew il-qawmien jew il-katarsi fl-aħħar mill-aħħar, hi t-tema ewlenija ta’ dan ir-rumanz.

Kemm kellek f’mohhok li dan ir-rumanz jinqara anki bhala dokument storiku?

Ir-rumanz idur madwar karattru li għex it-tfulija tiegħu f’kuntest politiku partikulari ħafna; it-tensjoni tas-snin tmenin. Użajt anki raħal fejn it-tensjoni kienet parti mill-kultura tas-snin tmenin. Jagħfsu fuq il-protagonist hemm zitu u missieru li wara daharhom kellhom l-bagalja tas-sittinijiet u huma kienu ġejjin minn kampijiet opposti.
L-Istorja tal-pajjiż hawn hija biss parti mix-xenarju u mhux ix-xenarju. Dan mhux rumanz storiku u lanqas qed jipprova jgħaddi ġudizzju fuq il-passat. Li xtaqt, veru wkoll, hu li nimla fejn il-letteratura tagħna nsiet.
Il-ġrajjiet Tal-Barrani għalkemm xi poeti bħal Mario Azzopardi, Oliver Friggieri u Henry Holland kitbu dwarhom fil-kamp tal-poeżija, fil-ġeneru tal-proża dan baqa’ suġġett aljenat u sieket. Il-konfoffa tas-silenzju u l-kompromess, tal-kittieba, hi l-agħar xenarju li jista’ jkollok.
Nemmen b’konvinzjoni li l-awtur għandu jkun parti mill-kuxjenza ta’ ġensu u dan il-ktieb qed jipprova jqanqal u jsaqsi mistoqsijiet li ntesew taħt it-twapet tal-Istorja.
Fuq kollox, din hi wkoll protesta kontra l-fatt li bosta drabi l-partiti politiċi jinterpretaw il-ġrajjiet ta’ poplu, skont il-kriterji, aktarx stabiliti tagħhom. F’dan is-sens ir-rumanz la hu Nazzjonalist u lanqas hu Laburist; kif kien hemm min ipprova jikklassifikah.
Hu biss eżami ta’ pajjiż li għadda minn bosta traġedji. Allura f’dan is-sens, naqbel miegħek.
Fil-ktieb hemm ukoll l-istorja tal-karattru ewlieni li tinbena minn passaġġ għall-ieħor.

X’funzjoni xtaqt li jkollhom il-laqtiet parodici?

Ir-rumanz jipprova jidħol fil-ġewwieni ta’ poplu minbarra l-ġewwieni tal-karattru ewlieni li madwaru jduru l-ġrajjiet. Hemm diversi battuti u kummenti u xi drabi anki tkabbir tar-realtà. Imma l-parodija ridtha tkisser il-mistifikazzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-prodotti tagħhom. Bil-parodija, xtaqt nattakka dak li jien inħoss qed jgħawwar il-fibra tan-nazzjon u l-parodija ma taħfirha lanqas lill-medja li tiddomina ħajjitna.

Ir-rumanz irid jidfen il-passat jew jevokah biex ma jintesiex?

Iktar milli jidfen, ir-rumanz jixtieq jisfida lill-qarrej biex iħares lejn il-ġrajjiet li għaddiet minnhom din l-art. Dan mhux il-passat glorjuż ta’ Ġuże Muscat Azzopard jew Ġan Anton Vassalloi. Il-passat hawnhekk fl-aħħar mill-aħħar jerġa’ jingħex bit-tama li t-tajjeb jinbena fuqu waqt li l-ħażin jitwarrab.
Fuq kollox, ir-rumanz, kif għedt qabel, qed iwaqqa’ l-idea li l-passat hu ostaġġ ta’ xi fazzjoni, grupp jew pajjiż kif dejjem kienet l-interpretazzjon storika f’dan il-pajjiż; aktarx riżultat taċ-ċokon miġnun li tħossu jaħfnek u jiġri warajk.
Il-ġlidiet li qasmu lil Malta fis-snin sittin u l-ġrajjiet li seħħew tal-Barrani huma ġrajja ta’ poplu wieħed u mhux ġrajja mlewna fl-istorja ta’ partit jew istituzzjoni. Dawn il-ġrajjiet huma parti minna anki jekk nappartjenu lil xi ideoloġija jew oħra.
It-tama hi li minn dawn il-ġrajjiet tgħallimna mqar farka.

X’sehem ghandhom il-“knisja konservattiva” u “l-politika partigjana” f’dan ir-rumanz? U
generalment, kif tahseb li huma riflessi dawn l-elementi fil-letteratura lokali post-indipendenza?

Personalment, fil-qasam tal-istudji universitarji tiegħi, minn dejjem kont interessat fuq ir-relazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet li f’pajjiż żgħir bħal tagħna ħallew impatt enormi.
Dan hu pajjiż fejn ir-reliġjon, tajjeb jew ħażin, daħlet f’kollox u offriet il-gwida tagħha. Dan hu pajjiż fejn il-politika hi l-ħobż tagħna u fejn ngħixu kampanja elettorali s-sena kollha ħlief forsi fil-ġimgħat tal-festi tal-Milied. Għalhekk huwa impossibbli li dawn it-temi ma jidħlux fil-kitba tiegħek.
Robert isib ruħu jiżfen bejn zitu u missieru; zitu li l-Knisja għandha dejjem raġun waqt li l-missier jemmen biss fil-partit tiegħu u bla ma jrid isibha bi tqila biex jirribella kontra naħa jew oħra. Għalih il-kurdun hu wisq marbut magħhom.
Jidher ċar li anke llum meta l-ftuħ huwa ħafna ikbar u hawn min lest jisfida apertament il-kanoni tar-reliġjon u l-politika, xorta dawn iż-żewġ sferi għadhom jiddominaw ħajjitna. Biżżejjed tara d-diskussjonijiet, bosta drabi monotoni, li jsiru fuq it-televixin.
Il-letteratura Maltija ta’ wara l-Indipdenza ma naqsitx li tesplora dan is-suġġett. Testi bħal Il-Gaġġa jew Fil-Parlament ma jikbrux Fjuri, biex nikkwota żewġ eżempji, ma qagħdux lura milli jqanqlu dibattiti dwar iż-żewġ istittuzzjonijiet li f’Malta rarament isibu toroq differenti. Id-dubju li jqaum hu jekk minbarra l-indipendenza politika, il-poplu qatt kisibx indipendenza fil-ħsieb u jaġixxi skont li jħoss u mhux kif jiddettawlu.
Wara kollox, anki fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż issib min hu favur li l-Istat u l-Knisja jkunu ħaġa waħda iktar milli żewġ sferi separati. Toqgħod tqis f’Malta l-kisba tal-ħobż kienet materja li interessat liż-żewġ sferi.
Xtaqtek tikkummenta dwar it-teknika li wzajt: kemm ridt tesperimenta jew toqghod ghal strutturi aktar ortodossi?
Ir-rumanz jinbena fuq sensiela ta’ flashbacks fejn il-qarrej jittieħed iżur kapitli differenti mill-ħajja tal-karattru. Is-sekwenzi bosta drabi jwasslu għall-oħra u bosta drabi jagħqdu fit-tarf tal-ġrajja. Il-flashback mhux xi invenzjoni tiregħi imma hu stil effettiv anki biex tqanqal il-kurżità u tixpruna l-analiżi tal-qarrej. Ippruvajt nikteb bi stil maħlul kemm jista’ jkun biex il-qarrej litteralment jogħdos fih.

Fejn tinsab il-letteratura Maltija fil-bidu tal-2011?

Fuq livell ta’ kitba, jidher li hawn ħafna enerġija; il-ħasra li mhux dejjem din tirrifletti ruħha f’pubblikazzjoni u xi kultant biex tara xogħlok ippubblikati trid tkun lest li tagħmel ċerti kompromessi.. Malta hi suq b’limiti tabilħaqq żgħar. Is-settur tal-poeżija tista’ tgħid li hu statiku u weħel.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s