Emozzjonijiet jaħarqu Nirien

L-awtur Immanuel Mifsud, ftit tax-xhur ilu, ippropona lil dawk kollha li jħobbu l-letteratura u l-ktieb Malti l-pubblikazzjoni Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben). Il-ktieb, maħruġ mill-Klabb Kotba Maltin, iżewweġ djarju ta’ missier l-awtur (li jmur lura għexirien ta’ snin fi żmien it-Tieni Kunflitt Dinji) u l-esperjenza tal-awtur li ftit xhur ilu sar missier.

Iż-żewġt itruf joffru l-opportunità lill-awtur biex jimbarka fuq riflessjonijiet interessanti dwar il-funzjoni tal-missier f’soċjetà żgħira Maltija u Mediterranja. Dawn it-tip ta’ kotba m’humiex daqstant komuni f’suq żgħir bħala Malta fejn kull żiffa tħalli effetti kbar.

Id-djarju li nkiteb verament minn missier l-awtur imur lura għall-21 ta’ Diċembru 1939, meta l-protagonista ssieħeb mat-Tieni Battaljun tal-Armata Ingliża. Dakinhar tawh azzarin bil-bajunetta u ħaduh lejn il-barrakki ta’ St. Andrews biex jitgħallem jispara.

L-awtur tad-djarju kellu biss dsatax-il sena meta daħal suldat. Fl-armata ddefenda lil pajjiżu billi spara l-kanuni kontra l-ajruplani tal-għadu. Kien dan iż-żmien li fih iltaqa’ ma’ martu u żżewweġ fix-xelter. Miż-żwieġ tagħhom twieldu sitt itfal fosthom Mifsud. Il-gwerra ħalliet il-marki tagħha billi weġġgħet siequ tant li l-awtur ta’ Fl-Isem tal-Missier jgħid li b’riżultat ta’ dan kien jimxi qisu dgħajsa f’maltemp.

Mifsud iltaqa’ ma’ dan id-djarju fis-sena 2007 meta miet missieru u jistqarr li dik kienet sejba emozzjonanti għalih. Fl-2006, ġarrab l-esperjenza li sar missier.

Fil-kitba tiegħu. Mifsud jipprova janalizza r-relazzjoni li hu kellu ma’ missieru; li ma tidhirx li kienet faċli u sempliċi. Missieru jippreżentah bħala simbolu tal-maskulinità fejn kliemu u azzjonitu kienu ta’ piż sew fuqu għalkemm fih ma kienx jonqos id-demm qabbieżi.

Imma minkejja kollox jidher li kien hemm drabi meta dan ir-raġel sod kien jaf jitlef u jinħall. Dakinhar li mietet ommu, in-nanna tal-awtur, nieżlet demgħa. Kuntrarju għal dak li kien jemmen l-awtur, anki s-suldati jibku anki jekk kienu tal-azzar u wiċċhom dejjem “imqit u b’saħħtu u qawwi.”

L-esperjenza li fiha sar missier tħalli effett ta’ balzmu fuqu – “Nafaxxina ruħi hekk kif tibda tgedwed il-poeżiji tiegħek. Nafaxxina ruħi hekk kif nisimgħek tidħaq waħdek. Nafaxxina ruħi hekk kif narak l-iskejjel tan-nuna.”

Hu ktieb ta’ inqas minn mitt faċċata dan imma tista’ tgħid li kull paġna tiegħu nkitbet b’emozzjonijiet kbar. L-awtur jistqarr li darba li kiteb dan it-test ħa nifs qawwi.

Gwida għat-Tradutturi Legali

Meta Malta kienet qed tikkontempla jekk tidħolx fl-Unjoni Ewropea jew le, dawk li kienu mal-grupp tal-le kienu argumentaw li jekk nsiru membri sħaħ, dan il-pass kien se jkun ta’ theddida għal-lingwa-omm, b’riskju li din tintemm għal kollox.

F’nofs id-dibattitu, li kien sa ċertu punt qalil, minn Brussel waslet l-aħbar, li l-Malti kien se jkun wieħed mil-lingwi tal-Unjoni Ewropea. B’moħħ ta’ beċċun, wieħed jista’ jargumenta li ġaladarba aħna nafu l-Ingliż allura ma kienx hemm bżonn, din il-kisba ewlenija. Fuq kollox, din il-kisba fissret ukoll stress mhux ħażin finanzjarju fuq il-fondi tal-istituzzjoni Ewropea. Imma l-UE, bosta drabi ninsew li, hi festa ta’ diversità qabel ma hi unjoni ta’ sebgħa u għoxrin pajjiż flimkien.

Dwar it-traduzzjonijiet tal-Liġijiet Ewropwej hu l-ktieb It-Traduzzjoni tal-Liġi Ewropea ta’ Pierre Agius. Agius qed joffri gwida għall-prattikant li hu interessat li jaħdem fil-qasam tat-traduzzjoni Ewropea.

L-Avukat Agius iggradwa fil-Liġi mill-Università ta’ Malta u speċjalizza fil-Liġi Ewropea fl-Universite Libre de Bruxelles. Sa mill-2002, huwa ilu jgħallem it-traduzzjoni fl-Università ta’ Malta fil-kors tal-Masters fit-Traduzzjoni u l-Interpretazzjoni u jagħti korsijiet speċjalizzati fid-Dritt Ewropew.

Agius isostni li t-traduzzjoni tal-Liġi hija iktar iebsa mit-traduzzjoni ta’ test letterarju minħabba li din tal-aħħar tħalli ċerta libertà lit-traduttur waqt li fil-każ tat-test legali min jidħol għal din il-biċċa xogħol, hu mistenni minnu/a li t-traduzzjoni tgħaddi messaġġ preċiż.

L-awtur jinsisti li t-traduzzjoni mhux “eżerċizzju sempliċi daqskemm wieħed jista’ jaħseb qabel jippruvah.” It-traduttur tat-test legali, jinsisti Agius, irid iesprimi bl-iktar mod ċar it- “trasmissjoni tar-rieda ċara tal-leġislatur.” L-awtur ta’ dan il-ktieb importanti jinnota li ġaladarba l-Unjoni qed tiffunzjona b’dawn l-ilsna kollha wieħed jista’ japplika l-prinċipju tal-multilingwiżmu fil-ħidma tagħha. Il-ktieb ileħħen ukoll lid-diversi istituzzjonijiet differenti tal-UE u permezz tar-rappreżentant rispettiv tagħhom, tingħata informazzjoni dwar x’qed isir fejn tidħol it-traduzzjoni ta’ dokumentazzjoni għall-Malti. Għal Agius, it-traduzzjoni tal-Liġi Ewropea tista’ titqabbel ma’ xogħol ta’ restawr fuq mużajk prezzjuż.

Il-fatt li l-Liġi Ewropea qed tkun maqluba f’tant lingwi, kif isostni Agius, hemm il-ħtieġa ta’ konsistenza, ugwaljanza (bejn il-prodotti fid-diversi ilsna) u l-kommunikazzjoni. Filfatt, hu jesiġi favur is-simplifikazzjoni tat-test legali u jiddiskuti kif dan l-istat, mhux wieħed utopiku, imma jista’ jintlaħaq.

Jisħaq ukoll li hemm bżonn konsistenza fuq il-frażijiet u termini fl-istess dokumenti u l-użu konsistenti ta’ frażijiet u termini f’dokument partikulari li jkun konsistenti wkoll ma’ dokumenti oħra ppubblikati diġà jew li ser jiġu ppubblikati. L-awtur jippreżenta kampjuni tal-kontradizzjonijiet li jinħolqu ħtija tal-inkosistenza.

Hi l-intenzjoni ta’ Agius li joffri pariri siewja kif it-traduttur tal-Liġi Ewropea jista’ jtejjeb ħidmietu u l-pubblikazzjoni hi mimlija b’eżempji ta’ kif ix-xogħol jista’ jilħaq livelli għoljin minkejja r-rigorożità u sa ċertu punt il-monotonija tal-eżerċizzju. L-awtur jeżamina wkoll il-karta tal-eżami li l-UE tniedi għal min jixtieq jingħaqad magħha biex jaħdem bħala traduttur u fost l-oħrajn joffri listi ta’ akronomi tradotti għall-Malti, ġabra ta’ terminoloġija li kull traduttur isib utli f’xogħlu u materjal ieħor ta’ riferenza.

B’dan il-ktieb, kif jikkummenta l-Professur Joseph Eynaud, Agius jilħaq żewġ gruppi; l-istudenti tat-traduttoloġia u lil dawk kollha li qed jaħdmu fil-kamp tat-traduzzjoni jew li jaspiraw li xi darba jkunu.

Il-ktieb għandu pubblikazzjoni tal-Malta University Publishing. Fil-fehma ta’ min qed jikteb, il-ktieb seta’ ngħata dehra xi ftit aħjar bħala preżentazzjoni. Wara kollox is-sengħa ta’ kif taħdem ktieb ukoll tesiġi dan.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s