Ħarsa lura lejn il-Ktieb Malti fis-Sena 2010

Is-sena 2010 kienet sena interessanti ferm għall-ktieb Malti fejn dawk kollha li jsegwu l-qasam raw impenn qawwi mill-pubblikaturi u l-awturi Maltin. Wieħed ma jistax jagħmel il-paraguni ma’ barra għax tagħna hu suq limitat fejn il-potenzjal ta’ bejgħ hu ħafna ħafna inqas. Fuq kollox, aħna pajjiż żgħir u allura l-pubblikaturi stess iridu joqogħdu b’seba’ għajnejn li ma jifqgħux is-suq tagħhom stess u s-suq inġenerali. Dan kollu jagħmel is-suq tagħna fraġli imma fl-istess ħin vibranti.

Barra minn xtutna, rajna żvilupp qawwi tal-e-book; element li jidher li għalissa żgur li mhux se nduquh fejn jidħol il-ktieb Malti. Il-kunċett ta’ e-reading jidher li f’Malta daħal ukoll għax hawn min qed jagħmel użu minn dawn l-opportunitajiet alternattivi għal qari. Is-suq Amerikan u anki dak Ingliż qed jara rivoluzzjonijiet kbar fix-xiri tal-e-book u l-kumpaniji ewlenin li jippubblikaw il-kotba qed jagħmlu l-almu tagħhom biex flimkien mal-ktieb tradizzjonali jinvestu bil-qawwi fil-ktieb teknoloġiku. Min isegwi għejun bħal The Bookseller jew The Guardian dan is-suġġett tal-e-book jissemma l-ħin kollu.

Pero’ minkejja kollox tieħu gost tosserva li suq żgħir bħal tagħna hu kkaretterizzat b’ħafna enerġija u dedikazzjoni. L-aħħar Fiera Nazzjonali tal-Ktieb rat ċifra tabilħaqq għolja ta’ pubblikazzjonijiet; dan ta’ min jirrimarka fi sfond ta’ kriżi ekonomika internazzjonali li taqtagħlek nifsek.

B’investiment b’saħħtu, fis-suq tagħna jista’ jkollna kotba bħal Francesco Zahra ta’ Keith Sciberras jew Ħrejjef Maltin ta’ Ruben Żahra u diversi titli oħrajn li jbellhuk bil-produzzjoni eżatta u preċiża tagħhom li titfixkilhom ma’ titli barranin. B’investiment kapaċi, illum it-tfal tagħna jista’ jkollhom proġett bħal Kullana Kulturali għat-Tfal; mimlija għerf u kulur u bi produzzjoni tajba ħafna. Min hu fis-suq jaf li jiżbalja jekk ma jinvestix fl-artiġjanat ta’ kif jinħadem ktieb.

Għal dik li hi letteratura, l-2010 rat ir-ritorn ta’ diversi kittieba ewlenin li qed jikkontrbwixxu f’diversi ġeneri. Nibdew mill-proża letterarja fejn rajna bosta kitbiet anki jekk ta’ livelli differenti imma dawn żgur li laħqu udjenzi differenti. Minn Immanuel Mifsud sa Victor Fenech. Minn Ġino Lombardi sa Charles Casha. Minn Charles Flores sa Trevor Żahra. Minn Alex Vella Gera sa Salv Sammut. Minn Lina Brockdorff sa Edmond Żarb. Osservajna wkoll rumanzi ġodda ta’ Lawrence Muscat u Sergio Grech. Dan kollu flimkien ma’ ġabra tan-novelli ta’ Juan Mamo li nġabru minn Mark Vella (ex-pubblikatur li llum qed jaħdem fi Brusell).

Jidher imma li l-kamp tal-poeżija kuntrarju għall-proża reġa’ kien wieħed zopp. Fl-2010, ħarġu ftit wisq kotba ta’ poeżiji. Sadanittant, twaqqfet il-Fondazzjoni Poeżija, li fl-2011 mistennija tibda l-ħidma tagħha.

Il-qasam tal-poeżija f’Malta baqa’ wisq fraġli u bosta drabi l-kittieba jridu jagħmlu sagrifiċċju u jdaħħlu jdejhom fil-but biex jippubblikaw il-ġabriet tagħhom. Fost l-awturi li din is-sena pproponew xi kotba tal-poeżija kien hemm Ivan de Battista, Albert Marshall u Charles Scerri li ħarġu bejniethom l-antoloġija Battuti għall-Inżul ix-Xemx, Albert Marshall li ħareġ Jumping Puddles, ġabra ta’ poeżija tiegħu bi traduzzjoni għall-Ingliż, u John Aquilina li ħareġ il-ġabra Leħnek il-Libsa Tiegħi.

Il-qasam tat-tfal ra mill-ġdid ħafna kontribuzzjonijiet; uħud minnhom kreattivi iktar minn oħrajn. Din is-sena kellna r-ritorn ta’ Trevor Żahra b’esperiment li jifqgħek bid-daħk. Clare Azzopardi kompliet bis-sensiela ta’ Jake Cassar waqt li rajna t-twelid ta’ awtriċi ġdida: Tricia Fenech Fabri. Mis-Sagħtar twieldet ġabra ta’ avventuri għat-tfal miktuba minn Patrick Sammut li jaħdem ħafna fil-qasam tal-poeżija Maltija. Natalie Portelli kompliet tippreżenta iktar stejjer bl-annimali bħala protagonisti waqt li Frans Attard, bl-entużjażmu żagħżugħ tiegħu, kompla għaddej bis-sensiela Milly Molly li fuq kollox tħaddan il-prinċipji sagri tar-rispett lejn id-diversità.

Element interessanti li osservajna din is-sena kien il-pubblikazzjoni ta’ materjal għall-adolexxenti li Malta hu skars sew. Tal-inqas, f’dawn l-aħħar xhur, kellna erba’ kotba għal dan is-settur miktuba minn Mario Azzopardi, Simon Bartolo, Rene Cilia u Edgar Formosa.

Kamp li bla dubju baqa’ jissaħħaħ kien is-settur tal-Melitensia fejn jidher ċar li l-pubblikaturi qed jitfgħu l-investiment il-kbir. Anki l-prezzijiet infushom huma indikattivi ta’ dan. Xi drabi forsi jkun hawn min iqishom xi ftit esaġerati. Imma mil-lat l-ieħor, wieħed ma jistax ma japprezzax il-ħin. Il-flus u l-materjal investit fihom. Semmejna iktar ‘il fuq il-volum dwar Francesco Zahra. Imma din is-sena kellna wkoll, per eżempju, il-volum dwar l-għasafar ta’ Natalino Fenech, il-ktieb ta’ Thomas Freller dwar l-Ordni ta’ San Ġwann, il-kontribuzzjoni dwar l-ikel Malti ta’ Matty Cremona, u l-ktieb dwar il-kappelli Maltin ta’ J.F. Grima. Sakemm dan l-artiklu jidher mistenni ktieb bir-ritratti ta’ Ellis u volum dwar il-familja Bellanti.

Is-settur tar-riċerka qiegħed dejjem jikber u joktor. Fost il-kotba din is-sena, rajna traduzzjoni Maltija ta’ Le Mie Vicende ta’ Arturo Mercieca, ktieb dwar Strickland House, volum dwar il-ħajja attiva ta’ Strada Stretta, bijografija tal-industrijalist Anthony Miceli Farrugia, u ktieb fuq l-istampar perjodiku f’Malta bit-Taljan fis-seklu dsatax. Kisba importanti kienu ż-żewġ volumi editjati minn Henry Frendo The European Mind; Narrative and Identity.

Ma’ dawn ukoll kompliet mewġa żgħira ta’ titli reliġjużi li f’Malta qatt ma mietu. Wara kollox l-istorja tal-istampar tas-seklu dsatax u għoxrin hu mimli b’diversi folji, fuljetti, gazzetti, ġurnali, ktejbiet u kotba li jmissu direttament u indirettament mar-reliġjon. Illum il-ġeneru naqas xi ftit imma titli reliġjużi għadhom ikunu ppubblikati b’ritmu kostanti minn ĊAK, Reliġjon u Ħajja, il-Librerija Preca, Lumen Christi, u l-Għaqda Bibblika Maltija.

Wieħed japprezza li l-lum tant żdied il-professjonaliżmu fis-settur li anki ktieb bir-riċetti qed isir ħafna xogħol fuqu u mhux jiġi meqjus bħala xi ħaġa sempliċi u ta’ malajr. Eżempju ta’ dan hu l-ktieb li ħarġet ftit jiem ilu Karen Mugliett.

Osservajna wkoll bidla fis-servizzi għall-konsumaturi li jixtiequ jakkwistaw il-kotba. Illum mhux biex tista’ tordna ktieb minn websajt Maltija imma wkoll ikun għandek fi ftit sigħat u jekk trid tista’ tħallas dak il-ħin li l-ktieb jitwassal għandek. Iċ-ċokon f’dan il-każ gawda minnu l-konsumatur.

L-2010 rat ukoll innovazzjoni u żvilupp interessanti. Malta kellha padiljun imdaqqas fil-Fiera tal-Kotba ta’ Frankfurt u ttellgħu għadd ta’ kotba Maltin li jista’ jkollhom appell universali. Din hi Fiera fejn jinbiegħu d-drittijiet tal-kotba. Din l-inizjattiva kienet f’idejn il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti u kellha appoġġ u sostenn qawwi ħafna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Kienet sena interessanti mimlija sfidi għal dawk kollha li qegħdin fl-industrija; l-isfida l-kbira hi li ħafna iktar nies jduqu l-gost tal-qari.

(Il-qarrejja japprezzaw li t-titli msemmija hawn huma ftit u limitati imma fl-istess ħin indikattivi).

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s