Ċelebrazzjoni tal-Ħrejjef Maltin

Il-ħrejjef jinżlu għasel ma’ kulħadd għax fihom ħafna fantasija u jixgħelu l-immaġinazzjoni tagħna lkoll. L-antropologi jagħtu valur għoli lill-ħrejjef fit-tiswir tal-istorja ta’ nazzjon. (Waqt li qed nikteb, qed naħseb fl-entużjasmu tipiku li Ġorġ Mifsud Chircop kellu għal dan il-ġeneru). Kull pajjiż għandu l-ħrejjef tiegħu u Malta mhix eċċezzjoni f’dan il-qasam.

Oliver Friggieri jispjega fid-Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji li l-ħrafa hi rakkont morali qasir miktub fi proża jew f’versi. “Il-ħrafa jista’ jkun fiha l-element tas-seħer u ta’ kulma hu maqtugħ mir-realtà, u huwa immaġinattiv, fantastiku u meraviljuż.” Fil-ħrafa l-persunaġġi jistgħu jkunu bnedmin jew annimali jew anki elementi fin-natura.

Bħala poplu, aħna ffortunati li kellna nies iddedikati bħal Manwel Magri, Luigi Bonelli, Bertha Ilg, Ġużè Cassar Pullicino, Guido Lanfranco, Ġorġ Mifsud Chircop u oħrajn li ħadmu u rsistew biex il-ħrejjef tagħna ma jintilfux.

Merlin Library Ltd u Soundscapes għadhom kemm tebgħu l-proġett ta’ Ruben Żahra Ħrejjef Maltin. Dan hu ktieb bilingwi fejn kull ħrafa hi ppreżentata kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.

Għal Ruben Żahra din mhix l-ewwel pubblikazzjoni ta’ kwalità. Fl-2006, flimkien mal-PBS kien ippubblika l-ktieb A Guide to Maltese Folk Music li miegħu ukoll kellu CD. Il-ktieb kien rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

Il-ktieb fih għaxar ħrejjef popolari Maltin u CD. Fis-CD ġew inklużi, il-ħrejjef li nsibu fil-ktieb, moqrija b’sengħa minn Joe Galea b’mużika mill-isbaħ tal-kompożitur Malti Ruben Zahra. Il-verżjoni Ingliża tal-ħrejjef inqraw minn Isabelle Gatt. L-addattament modern tal-ħrejjef sar minn Trevor Zahra waqt li Ruben Żahra u Marilyn Mangion ittraduċew il-ħrejjef għall-Ingliż. Tricia Dawn Williams ħadet ħsieb id-daqq tal-pjanu.

Il-ħrejjef magħżula għal dan il-proġett kienu Ġaħan u l-Istatwa, L-Għasfur Jgħanni, Is-Sultan kibritlu Għadmu, Ix-Xiħ midfun ħol-Għar, It-Tliet Xebbiet, Id-Dragun Draganti, Fqir Twelidt u fqir Immut, Tin iswed Tin Abjad, Il-Ġgant u l-Iskarpan, u Is-Seba’ Tronġiet Mewwija. Ħames minnhom ġew immużikati għal dan il-proġett.

Il-qarrej tajjeb japprezza li mużika hawnhekk mhux sempliċiment sfond imma mużika miktuba apposta għal kull ħrafa u kull melodija tiżviluppa pass pass mar-ritmu tar-rakkont. Il-kelma u l-mużika jimxu flimkien daqslikieku qed jinħoloq rakkont ġdid. Bis-saħħa tal-kelma u l-mużika, il-karattri jieħdu l-ħajja u bla ma trid tħossok parti mill-ħrafa.

L-illustrazzjonijiet għandhom sehem importanti wkoll f’dan il-proġett. Għal kull ħrafa ntużat l-arti ta’ artist differenti. Kull artist hawnhekk qed jaħdem bi stil differenti. Min juża l-akkwarella u min il-collage. Min ħadem bit-tqattigħ tal-karti u min ħakem l-arti diġitali. L-illustraturi li ħadmu f’dan il-proġett kienu Greta Borg Carbott, Nicole Diacono, Marisa Attard, mark Scicluna, Trevor Zahra, Fabrizio Cali, Pierre Portelli, Pardo Gatto, Derek Fenech u Lisa Falzon.

Il-livell tal-produzzjoni, ta’ dan il-ktiebm hu wieħed għoli ferm u tħossok kburi li dar Maltija tal-kotba tista’ tilħaq dan il-livell. Pierre Portelli għandu bosta merti f’dan l-aspett.

Lejn Analiżi Kritika dwar il-Ġeneru tat-Teatrin

Iċ-Ċentru Malti tad-Drama qed jagħmel pass importanti ħafna fl-istorja tiegħu bil-pubblikazzjoni tal-ktieb Kitbiet dwar it-Teatrin editjat mill-Prinċipal tal-Iskola Mario Azzopardi. Dan il-ktieb qed jiċċelebra ġeneru teatrali li f’dan l-aħħar seklu u nofs u aktar, involva fih eluf kbar ta’ nies f’Malta u Għawdex.

Tradizzjonalment, is-settur artistiku dejjem ħares lejn din il-forma teatrali bħala arti miskina li ma ħaqqhiex tiġi kkwalifikata bħala arti. Anki l-idjoma Maltija ma tagħtix wisq kumplimenti meta tuża l-kelma teatrin.

Dan il-ktieb qed jiġġieled kontra din il-mentalità u għall-kuntrarju, wisq probabli għall-ewwel darba f’dan il-format, qed jivvalorizza l-moviment tat-teatrin li kellu sisien sodi f’diversi rħula tagħna. Bosta drabi, s-swali tal-irħula tal-Knisja (magħrufa bħala tal-kappillan; kultant użata anki b’malizzja) jew tal-każini tal-baned jew it-teatri formali kienu jkunu bbukkjati minn ġimgħa għall-oħra bi programmi tat-teatrin u b’udjenzi għoljin.

Azzopardi ġabar fuq naħa studjużi u prattikanti tat-teatru biex jesploraw din it-tema kif ukoll x-xhieda ta’ min kien involut mill-qrib fit-teatrin.

L-istudjuż Marco Galea jiddefenixxi t-terminu teatrin bħala “tip ta’ teatru magħmul mid-dilettanti, ħafna drabi fi strutturi żgħar jew improvizzati u marbutin mal-komunità li toħloqhom.” Galea jfisser “li l-Maltin mingħajr skola, sa minn żmien il-qedem kellhom id-divertiment tagħhom li f’ċertu aspetti li kien jersaq lejn it-teatralità.” L-awtur imsemmi jinsisti li t-testi tat-teatrin ftit joffru empatija ma’ min qed ibati. Bħala eċċezzjoni jsemmi test ta’ P.P. Castagna li jmur lura għat-tieni nofs tas-seklu dasatax.

Immanuel Mifsud jikteb dwar it-teatrin f’Raħal Ġdid tas-snin sebgħin tas-seklu għoxrin. Jidher li f’din il-belt kien hemm tradizzjoni antika ta’ teatrin tant li x-xjuħ jitkellmu fuq it-teatrin ta’ Żeppi li kien isir fil-bitħa tal-binja li l-lum tintuża bħala każin Nazzjonalista.

Mifsud jikteb dwar l-impenn tal-Knisja biex tipprovdi divertiment lill-parruċċani. L-Azzjoni Kattolika, il-grupp tal-abbatini (il-Piccolo Clero) u l-grupp tal-pageant tal-Milied u l-grupp li kien itella’ l-Passjoni kienu sas-snin disgħin l-uniċi produtturi tat-teatru f’Raħal Ġdid.

Mario Azzopardi, fost l-oħrajn jikteb dwar it-teatrin fil-Ħamrun u f’Għawdex. Jidher ċar li mix-xhieda miġbura li fil-Ħamrun kien hemm tradizzjoni twila ta’ teatrin b’diversi teatri attivi. Fil-Ħamrun twaqqfu għadd ta’ formazzjonijiet teatrali. Meta t-teatrin beda jmajna u bosta swali saru ċinemas, reġa’ kien hemm impetu qawwi permezz tar-Radio City (fejn fih kienu jirreċtaw l-atturi l-kbar bħall-Istage Commandos ta’ Charles Clews).

Għall-każ Għawdxi, Azzopardi jirrimarka li t-teatrin f’Għawdex, bħal dak Malti, kellu profil qawwi ekkleżjastiku li anki affettwat l-udjenza u l-atturi nfushom. L-awtur jinsisti li Għawdex kien iktar magħluq teatralment u sal-lum għad hemm skumdità fejn jidħlu testi ta’ Brecht, Camus jew Shaw. Azzopardi jinnota wkoll il-pika preżenti bejn iż-żewġ każini tal-baned tar-Rabat fl-eżekuzzjoni annwali tal-opri (bosta drabi tax-xeħta tal-bel canto).

Charles Briffa jikteb dwar esperjenza personali dwar ommu u l-imħabba li hi kellha lejn dan il-ġeneru kif ukoll janalizza test tat-teatrin tal-bidu tas-seklu għoxrin li parti minnu nħadmet minn qarib tiegħu. Albert Marshall jikteb dwar il-karattru ta’ Fra Ċelest li ħoloq din is-sena liema teatrin ħadmu f’Bormla.

Il-kontributuri l-oħrajn f’din l-antoloġija kritika huma Oliver Friggieri, Pawlu Xuereb, u Joe Friggieri. Ġiet inkluża wkoll testimonjanza interessanti minn Charles Clews; figura li ta ħafna lit-teatru u lix-xandir Malti.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s