Mario Azzopardi jirxoxta l-Vampiri

Wara l-ktieb Skizzi tal-Karnival, Mario Azzopardi qed jippubblika ma’ Horizons Publications il-ktieb Vampir u Rakkonti Oħra. Dan hu t-tielet volum ta’ stejjer ta’ Azzopardi immirati lejn l-adolexxenti.

Din hija faxxa ta’ età fejn fil-Malti qed nesperjenzaw vag kbir u ftit wisq pubblikazzjonijiet li jinżlu għasel magħhom. Hija età diffiċli u bla dubju importanti biex iż-żagħżugħ jiskopri lilu nnifsu u jifhem l-irwol li hu għandu u li qed jistennieh. Għalhekk anki t-tip ta’ letteratura hija mistennija li tirrifletti xi ftit jew wisq din il-burdata.

Mario Azzopardi ilu attiv fil-kamp letterarju sa mis-snin sittin u kien wieħed mill-protagonisti tal-moviment li welled letteratura ġdida, iktar ħajja u fuq kollox iktar dinamika. Kostanti fil-bijografija ta’ Azzopardi kien il-fattur li l-letteratura ma tistax taljena. Għall-kuntrarju, hu mistenni minna li tipprovoka l-ħsieb u “tqajjem il-mejtin.”

Azzopardi qed jippreżenta volum enerġiku intenzjonat l-ewwel u qabel kollox biex jifqa’ l-apatija fejn tidħol il-letterartura għaż-żgħażagħ. Bħas-soltu, l-istrateġija tiegħu tibqa’ l-iskumdità u mhux it-test nadif u verġni li la jfuħ u la jinten. L-awtur jinżel bħal ajkla fl-arena bl-għan li l-letteratura tiddibbati u mhux tigglorifika jew taħbi r-realtà u tgħatti l-kompromess.

Ta’ Azzopardi dawn mhumiex stejjer ta’ avventuri fis-sens dejjaq kif drajna nifhmu bit-terminu jew kif nassoċjaw maż-żgħażagħ. Huma stejjer li l-ewwel u qabel kollox jirrispettaw l-età li għalihom hu mmirat il-ktieb imma fuq kollox stejjer li jinġaġġjaw; li ma jħalluħx il-qarrej tagħhom biered. Għall-kuntrarju, il-qarrejja se jsibu ruħhom parti mill-ġrajja jew simpatizzanti mal-karattri.

It-titlu jaf jagħtik l-impressjoni li ġejja xi rikba fuq xi kitbiet ta’ Stepahnie Meyers li dan l-aħħar il-kotba tagħha tal-vampiri kienu fil-qċaċet tal-bejgħ imma jitqarraq min jaħseb hekk. Bħal każijiet oħra, f’Vampir, Azzopardi mhux lest li jagħmel il-kompromessi u jixli l-miti u l-pożi u dawk kollha li qed jagħmlu ostaġġ u jużaw liż-żgħażagħ għall-għanijiet u l-fini tagħhom.

Kif rajna, drabi oħra f’kitbiet oħra, il-protagonisti ta’ Azzopardi qatt m’huma l-eroj; in-nies li jsebbħu sidirhom bil-midalji. Il-karattri tiegħu huma wisq probabbli l-emarġinati, dawk taħt id-daqqa tal-mazza tal-ħajja, u dawk li s-soċjetà twarrab u tinjora, għax finalment hekk jaqblilha. Azzopardi jiċċelebra d-divers min-normal.
Ħafna miż-żgħażagħ, protagonisti, huma l-ikkundannati u l-imwarrba; dawk li taqra fuqhom fil-gazzetti għax dgħajfu l-eġemonija mingħajr imma ma tiftiehem il-verità li hemm mistura taħt il-qoxra.

Il-binarju tal-awtur għalhekk jiffoka fost l-oħrajn fuq tfajla bint stupru u inċest u fuq iben li qed jara l-ommu tilgħab il-logħba tat-tradiment; it-tnejn vittmi tal-gidba u l-illużjoni u t-tnejn qed jaraw il-kollass ta’ edifiċju sħiħ. It-tema ta’ nuqqas ta’ stabilità tinħass fil-volum kollu. Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni llegali terġa’ tqum f’dan il-volum u l-awtur jippreżenta familja li tinqasam għax naħa hi favur u n-naħa l-oħra hi kontra; finalment din l-istorja hija karikatura tal-opinjoni tan-nazzjon dwar il-materja. Charter Flight BLE 0348 tagħfas fuq l-immigrant li jibda esperjenza ġdida f’art ġdida.

Iż-żgħażagħ ta’ Azzopardi jinħassu fraġli u kontinwament mhedda minn forzi ikbar. Huma żgħażagħ li kontinwament mhux ikunu mifhuma u apprezzati.

L-istorja Gexwat ta’ Nażrat, bħal fil-każ ta’ Skizzi tal-Karnival, terġa’ ttella’ fil-wiċċ il-figura ta’ Kristu fejn jinħass mhux milqugħ u donnu qed jistona fl-ambjent li qed jgħix fih. Gexwat jinħass jitbiegħed minn missieru bħal kull iben ieħor.

Qalb dawn l-istejjer niltaqgħu ma’ żgħażagħ aljenati, mingħajr sens ta’ direzzjoni ħlief xewqa subkonxja li jeqirdu lilhom infushom bħala att ta’ ribelljoni u awto-affermazzjoni f’soċjetà li ma tivvalutahomx.
Tema li tinħass il-ħin kollu f’Azzopardi hija l-medja li hu jipprova jżarma l-iskemi li hi topera bihom. Il-midja qabdet lil bosta minna u għamlitna skjavi tagħha. Vampir tillustra dan bl-ikbar mod grafiku. Wara l-iskrin hemm min qed jilgħab bis-sentimenti tagħna u dan kważi kważi nieħdu gost li qed isir.

Il-validità tal-volum tinsab fil-fatt li l-istejjer huma ambjentati fiċ-ċrieki taż-żgħażagħ u dan jagħmlu iktar attwali u frisk. Vampir hu volum li nkiteb għaż-żgħażagħ imma żgur li kif ġara fil-każ ta’ kotba oħrajn ta’ Mario Azzopardi se jinqraw minn firxa wiesgħa ħafna.

Trevor Żahra jkompli Jaffaxxina

Ftit tal-ġimgħat ilu, Trevor Żahra ppubblika ġabra ġdida ta’ stejjer; wisq probabbli waħda mill-iktar ġabriet maturi u fl-istess ħin oskuri tiegħu. Il-kollezzjoni Penumbra tkompli mal-ġabriet Lubien, Provenz u Sepja (xogħol li dan l-aħħar rajna siltiet minnu fuq il-palk).

Jidher ċar li l-awtur Trevor Żahra ma tilef l-ebda millimetru mill-vitalità u mill-enerġija kreattiva li dejjem kienu l-karatteristiċi ewlenin fix-xogħol letterarju tiegħu. Din il-formula kienet dejjem rebbieħa u maż-żmien kienu bosta dawk li qraw u apprezzaw dan l-awtur Malti li hu l-iktar kittieb Malti li ħa l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

Żahra jesperimenta b’diversi forom u jikteb kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti. Xi ħaġa li tibqa’ taffixinak, taqra kemm taqra kotba minn tiegħu, hu l-fatt li l-ebda xogħol ta’ Żahra mhu kopja tal-ieħor. It-tentazzjoni tar-repetizzjoni u n-nuqqas tal-ġdid u repitizzjoni tal-istess formoli minn dejjem kienu l-għedewwa ewlenin tal-kittiebs imma Żahra tgħallem jintrefa’ ’il fuq u ma jaqax fin-nasba li taf fl-aħħar mill-aħħar tiddiżappunta lill-qarrej.

Il-ġabra Penumbra fiha wieħed u għoxrin novella u tippreżenta għadd ta’ karattri strambi u biżarri. Iktar ma jokonomizza fil-kliem, iktar l-awtur joħroġ stejjer qawwija u b’saħħithom. In-novella Meta tagħmel l-ewwel Xita hi eżempju ta’ dan. Ma fiha xejn ġdid bħala suġġett. Titkellem dwar l-effetti tat-tmiem ta’ relazzjoni. Li jagħmilha differenti hu t-trattament frisk u ħaj u differenti. In-novella Insomja hi kampjun ieħor ta’ dan.

Darba kritiku kien niżżel it-temi li awturi jista’ jikten dwarhom għall-ħamsa. Imma l-mod kif titratta s-suġġett jaqleb kull dinamika. Siltiet bħal dawn faċilment jista’ jitqiesu ukoll bħalpoeżija. It-tixbihat huma kontinwament vibranti. Meta jitkellem dwar il-Milied jerġa’ jħaddem il-poeżija.

Bosta drabi, il-karattri ta’ Żahra, f’din il-ġabra, jgħixu fi sfond surreali u inspjeggabli. Mara togħxa bil-qerda li jġib il-maltemp (Żeus). Charlie l-Ginger minn bully kollu tattoos jispiċċa jintlagħab minn sħabu u fuq ġismu jnaqqax kliem u sitwazzjonijiet li kienu f’kunflitt mat-twemmin tiegħu u biex mod jispiċċa pupu tagħhom. Min hi Gerita li kienet tidher għal għarrieda? Min hu dak ir-raġel li jagħmel dehra lil tifel li jitlef lil missieru li kien l-eroj tiegħu?

Xi drabi l-awtur juża dożi qawwija ta’ umoriżmu bħal fl-istorja Kruhat. Xi drabi jitlaq mill-umoriżmu u jwaqqa’ kollox fit-tmiem bħal Flint. Il-ġabra tqajjem ukoll diversi materji bħall-funzjoni tal-arti fis-soċjetà u r-rwol ta’ Alla fil-ħajja tal-bniedem.

Il-ġabra Penumbra hi kisba importanti għal-letteratura Maltija u ħaqqha tinqara minn ċirkolazzjoni wiesgħa.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s