Lorenzo Milani mill-ġdid fuq l-Aġenda

Bis-saħħa tal-Professur Carmel Borg, il-qassis ribell Lorenzo Milani reġa’ jinsab mill-ġdid fuq l-aġenda. Din id-darba, Borg flimkien ma’ numru ta’ studjużi, barranin u lokali, ħarġu l-volum Milani: Bejn Ilbieraħ u LLum. Dan hu żvilupp interessanti għall-ktieb Malti għax il-kitba akkademika bil-Malti ma tqanqalx wisq rispett mill-istess akkademiċi u jippreferu jaħdmu b’lingwi internazzjonali,bħall-Ingliż, li għandhom appell ikbar.

Borg huwa awtur, ko-awtur u editur ta’ bosta xogħlijiet akkademiċi, ippubblikati f’Malta u barra. Huwa l-editur tal-Malta Review of Educational Research u editur assoċjat jew membru ta’ numru ta’ bordijiet editorjali internazzjonali.

Dan hu volum li jiġġieled l-iffriżar tal-moħħ u l-qalb u joffri konkretezza u alternattivi. Dan hu t-tielet volum minn proġett ikbar. Fiż-żewġ proġetti li għaddew, rajna lil Milani difensur tal-ġustizzja soċjali u lil Milani bi pjan edukattiv skjett. Din id-darba, għandna diversi temi mill-vista ta’ Milani mill-politika sal-edukazzjoni, mir-reliġjon sat-teatru fost l-oħrajn.

Milani, kif jistqarr Borg, kien qassis differenti: “kien konċiljarju qabel il-Konċilju … kien dirett f’dak kollu li kellu jgħid u kien jaqta’ bi kliemu u kitbietu.” Kellu programm u miri ċari li ried jilħaq.

Fuq kollox, Milani kellu u ħaddan viżjonijiet radikali fejn jidħlu l-fqar u ddedika ħajtu biex dawn ma jibqgħux aljenati u sfruttati. Ra kif l-aħjar ikunu edukati u biex minn ħajjithom imċerċra jagħmel waħda ta’ suċċess flok falliment previdibbli. Imqar fis-seminarju, meta kien għadu fil-fażi tat-tħejjija għas-saċerdozju, ra kif għamel biex iwassal il-messaġġ fuq l-importanza li l-kleru jifhem il-fqir li bosta drabi jkun skartat.

Kif jinsistu Borg u Cardona fil-ktieb Milani: Bejn Ilbieraħ u Llum, l-edukazzjoni, għal Milani, kienet iċ-ċavetta ta’ kollox; il-fidwa. It-teatru għalih kien mezz importanti ieħor fil-katina edukattiva. Din ir-rivoluzzjoni twettqet fl-isola li waqqaf f’Barbiana. Il-messaġġ tiegħu kien bla tidwir u skjett: l-iskola, flok ċentru tal-kompromess, kellha tiżviluppa sens ta’ servizz u solidarjetà. Milani wassal il-messaġġ profond li t-tfal mhux minnu jitwieldu akkadedikament falluti.

Interessanti, in-nixxiegħa u l-qawsalla ta’ kontributi li għandna f’dan il-ktieb li lkoll kemm huma jesprimu mhux biss l-ammirazzjoni għal Milani imma juru bla tlaqliq ir-relevanza ta’ dan il-qassis anki għal soċjetà bħal tagħna li għada ma ħarġitx biżżejjed mill-idea tal-edukazzjoni taċ-ċertifikati li tippremja lit-tajbin u tikkastiga lill-ħżiena.

Interessanti d-dimensjoni internazzjonali tal-ktieb u fost il-kontributuri barranin niltaqgħu ma’ Edaordo Martinelli (li kien xhud ħaj tal-esperjenza ta’ Barbiana), Domenico Simeone (għalliem tal-pedaġoġija fl-Università degli Studi di Macerata) u Giammichele Abbate (għalliem fi skejjel ġurnalisti għolja, ġurnalist u attivist fl-oqsma tad-djalogu interkulturali u d-diżabbilità).

Dan il-ktieb għandu jkun, mhux fil-librerija, imma fuq l-iskrivanija ta’ min b’xi mod hu nvolut fil-kamp edukattiv u fil-kampijiet l-oħrajn kollha li jmissu mal-bniedem għax dan il-ktieb jista’ jitqies bħala manwal. Il-ktieb jixtieq iwaqqa’ l-ħitan tal-globalizzazzjoni u s-suq li l-lum qed jibilgħuna kuljum.

Borg għadu persważ li l-edukazzjoni tista’ tkun tarka favur il-ġustizzja soċjali. F’dan id-dawl titftiehem aħjar id-dedika tal-ktieb: lil dawk kollha li għadhom joħolmu f’dinja li għad trid tkun.

Il-Ħamsin Ktieb ta’ Anton Grasso

Din is-sena Anton Grasso qed jiċċelebra l-ħamsin pubblikazzjoni tiegħu. Ftit tal-ġimgħat ilu, huwa ċċelebra dan il-waqt sabiħ billi tebagħ il-ġabra ta’ stejjer Irmied li fiha jistqarr li dan il-ktieb inbena minn għażla ta’ stejjer mill-ewwel sas-sitta u għoxrin volum li huwa ppubblika. Fil-każ ta’ Grasso, din ifisser iktar minn tletin sena ta’ attività ħabrieka favur il-kitba, il-ktieb u l-qari bil-Malti.

Grasso beda l-avventura tiegħu fil-qasam tal-pubblikazzjoni permezz tal-ġabra ta’ stejjer Iljieli bla Qamar li hu ħareġ fl-1974 u li fi kliem l-awtur Frans Sammut dak kien ktieb għall-adulti li jħobbu “jitkexku minn kitbiet tal-bixra ta’ Hitchcock jew ta’ Ira Levin.” Minn dak il-ktieb, l-awtur għal din il-ġabra preżenti ħa n-novella Il-Gremxula.

Wara Iljieli bla Qamar segwew għadd bla tarf ta’ kotba fosthom Wirdien, Itolbu Għalija, Il-Wiski tal-Anniversarju, Il-Mara b’Wiċċ ta’ Ċerva u Il-Pappagall; li lkoll qrajniehom u kisbu l-apprezzament tal-pubbliku wiesa’.

Fost il-volumi ta’ Grasso, li lkoll kemm huma huma ta’ daqs wieħed – xi ħaġa li hu jħobb jiftaħar biha – kien hemm ukoll l-awtobijografija Awtopsja (tas-sena 2004), traduzzjonijiet ta’ rumanzi barranin (fosthom tal-favoriti tiegħu Ira Levin u Wlliam Katz) u ġabra ta’ poeżiji (Il-Lejla nerġgħu Niżfnu).

Grasso jista’ jitqies bħala stigatur ewlieni fil-Malti għall-kitba tal-ġeneru tal-waħx, fil-paranormali, u fil-makabrità; ġeneru li mhux kulħadd jirrispettah daqs kemm hu xieraq għax hawn min ma jarahx wisq letterarju. Il-waħx ta’ Grasso apparti l-waħx li jkexkex u jwerwer hu ukoll il-waħx psikoloġiku li jixli lill-bniedem bħala magna qerrieda.

Fatt interessanti fil-bijografija ta’ Grasso huwa li diversi kotba tiegħu reġgħu raw id-dawl tal-istampa diversi drabi u dan jikkonmferma li l-awtur laqat l-immaġinazzjoni ta’ bosta. Fi kliem Oliver Friggieri, “Grasso bena librerija mdaqqsa ta’ xogħlijiet fuq il-viżjoni makabra orribli tal-eżistenza.”

Grasso sadanittant jistqarr li fil-kexxun akkumulawlu għadd ta’ stejjer, li hu kiteb fiż-żogħżija tiegħu, li baqgħu ma rawx id-dawl tal-istampa bl-intenzjoni li xi darba jerġa’ jżuruhom u jtejjeb il-livell tagħhom u jippubblikahom u issa qed iħoss li waslet din il-fażi. Barra minn hekk ukoll jgħid li għandu żewġ rumanzi lesti li jixtieq li xi darba jippubblika.

Forsi l-qarrej jistaqsi imma x’inhu jimblokkah milli jagħmel dan u Grasso jsostni l-biża’ milli jirrepeti; biża’ ġenwin għall-awtur li ma jridx jidħaq bil-pubbliku tiegħu. Dan juri l-konsistenza u r-rispett lejn id-dinja tal-ktieb u fuq kollox l-importanza li hu jagħti lill-qarrej. Wara kollox, awtur m’għandu qatt jiddeludi lil min jaqrah għax tkun traġedja.

Ċelebrazzjonijiet tal-Ġenju ta’ Paul Asciak

Ftit tal-jiem ilu Allied Publications nediet il-bijografija tat-tenur Malti Paul Asciak. Il-ktieb inkiteb minn Sue Brown u ngħata l-isem Small Island Great Riches. L-isem tal-ktieb hu indikattiv ħafna tal-kontenut u l-burdata li l-qarrej se jistenna li jsib meta jaqra dan il-ktieb: ċelebrazzjoni ta’ Paul Asciak.

Brown studjat l-Istorja fl-universitajiet ta’ Oxford u Toronto u fl-2009, ippubblikat l-ewwel ktieb tagħha mal-Oxford University Press: Joseph Severn: The Rewards of Friendship. Brown għandha wkoll interess f’Malta f’sens ikbar għax tgħix perjodu fis-sena Malta u perjodu ieħor Londra.

Asciak għamel isem għal pajjiżu għall-impenn impressjonanti fil-kamp tal-mużika operistika internazzjonali u bla dubju bijografija bħal din kienet tixraq u kien jinħass in-nuqqas tagħha. Qabel dan il-ġest, il-bijografija tiegħu kienet sparpaljata u limitata għal ftit artikli ’l hawn u ’l hinn. Brown anki b’konsultazzjoni ma’ Asciak ħadmet l-istorja tal-karriera tiegħu.

Wieħed irid jiftakar li kien hu li skopra lil Joseph Calleja; illum tenur ta’ fama internazzjonali. Wisq probabbli, l-iktar episodju magħruf f’ħajtu, hu d-deċiżjoni, mhux wisq komuni, li ħalla l-karriera warajh ta’ tmienja u tletin sena biss biex jerġa’ jissieħeb mal-familja tiegħu meta tista’ tgħid kien fil-fjur tal-karriera imma sadanittant Asciak kien laħaq bena profil interessanti.

Fuq kollox, il-ħajja ta’ Paul Asciak offriet opportunità lil Brown biex tistudja l-ħajja kulturali ta’ nazzjon.

Laurence Grech, ex-editur ta’ The Sunday Times, fit-tnedija tal-ktieb ta d-deskrizzjoni li l-iktar tixraq lil Asciak: “ħajja ddedikata lill-familja, lill-mużika, lill-kultura, lill-għażiża artu u lill-belt kapitali tagħha.”

Ma jonqsux, f’din il-pubblikazzjoni, għadd kbir ta’ ritratti li jkomplu jżewqu din il-bijografija li tiċċelebra iben Malti.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s