Tislima lil Awtur Nikol Ġużeppi Cauchi

Aspett li ma tantx smajna dwaru waqt u wara l-funeral tal-Isqof Emeritus Nikol Ġużeppi Cauchi hu l-fatt li hu kien il-kittieb ta’ għadd kbir ta’ kotba reliġjużi. Biss biss sa mill-1970 sakemm irtira fl-2006 mill-kariga ta’ isqof tad-djoċesi Għawdxija, il-Kurja Għawdxija kienet tippubblika d-diskorsi li kien jagħmel, l-ittri pastorali u ċirkularijiet li kien jippubblika minn żmien għal ieħor.

Tista’ tgħid li l-Isqof Emertius Cauchi kiteb dwar diversi suġġetti reliġjużi. Il-Marjoloġija (l-istudji fuq il-Madonna) kienet tema għal qalbu ħafna. Tant hu hekk li fost l-oħrajn ippubblika Omm il-Feddej (1983), Il-Madonna fit-Tagħlim tas-Santi Padri (1991), Il-Madonna fil-Poeżija Ewropea (1997), u Marija fil-Misteri ta’ Kristu u l-Knisja (2002). Dan minbarra numru ta’ pubblikazzjonijiet oħra dwar ir-Rużarju.

Fil-fehma tiegħi, l-iktar kontribut importanti ta’ Cauchi huma t-tliet volumi dwar it-tagħlim soċjali tal-Knisja: L-Ewwel Żviluppi fid-Duttrina Soċjali ta’ Kristu, It-Tagħlim Soċjali tal-Papiet Piju XI u Piju XII u It-Tagħlim Soċjali tal-Beatu Papa Ġwanni XXIII (kollha ppubblikati fis-sena 2004).

Cauchi kien ukoll l-awtur ta’ għadd ta’ kotba ta’ riflessjonijiet u meditazzjonijiet fosthom Ma’ Ġesù fit-Tbatija (1998), Ma’ Ġesù fl-Ewkarestija (1996), Lejn il-Kalvarju (2001), u Il-Pjagi ta’ Kristu (2001). Għadd ta’ kotba minn dawn kitibhom biex l-ewwel u qabel kollox, joffri faraġ u għajnuna.

Bosta kotba tiegħu daħlu fl-istampa għadd ta’ drabi u kienu mfittxija kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta. Fost il-kotba oħrajn miktuba minnu nsibu kitba dwar l-Isqof Ġuzeppi Pace (li hu laħaq Isqof warajh), Sketches tal-Milied, u Ix-Xogħol u l-Mistrieħ fit-Tagħlim tal-Knisja.

Iċ-Ċavetta: Bieb għad-Dinja tal-Qari

L-Istitut Paolo Frere għadu kemm ippubblika Iċ-Ċavetta li jista’ jitqies bħala żvilupp importanti fil-qasam tat-textbooks Maltin għall-adulti li huma interessati li jitgħallmu l-ilsien-omm. Dan il-proġett ħadmu fuqu David Muscat (li għalih żgur li mhix l-ewwel esperjenza fis-settur tal-kitba) u Carmen Mamo (li għandha wkoll bosta esperjenzi fit-tagħlim tal-adulti).

Is-sensiela Iċ-Ċavetta fiha tliet volumi u għandha l-għan li tipprovdi riżorsi multisensorjali bil-Malti għal żgħażagħ u adulti li qed jeħlu fil-kommunikazzjoni bażiċi tal-lingwa. Barra l-kotba hemm pakkett sħiħ varjat ta’ riżorsi fosthom karti tal-logħob, kartelluni, leħħiet u DVD.

Il-formula ta’ tagħlim mħaddma mill-awturi tesiġi li l-klijent li se jieħu jew juża l-kors, iħaddem is-sensi kollha u mhux sempliċiment ikun pappagall. Il-proġett għandu l-għan li mhux biss jgħallem il-Malti imma wkoll jgħin biex l-individwu jiskopri u jaħdem fuq il-ħiliet li diġà għandu. Iċ-Ċavetta jaħdem kemm ma’ gruppi żgħar kif ukoll ma’ persuna waħda.

L-awturi bosta mill-materjal ippreżentat hawn kellhom il-ħin li jippruvawh mal-istudenti tagħhom għalhekk kellhom żmien biżżejjed biex jevalwaw x’jaħdem u le. Iċ-Ċavetta hu proġett iffinanzjat parzjalment mill-Fond Soċjali Ewropew tal-Unjoni Ewropea u tmexxa mill-Istitut Paolo Frere. Mal-istitut ħabrieki ngħaqdu wkoll il-Fondazzjoni Inspire, il-Fondazzjoni Richmond u l-ETC.

L-Istitut Paolo Frere taż-Żejtun twaqqaf mill-Ġiżwiti bl-għan li jiġġieled l-illiteriżmu u joffri wkoll servizzi ta’ assistena psikoloġika u soċjali.

Iktar Episodji ta’ Jake Cassar

L-awtriċi Clare Azzopardi, l-illustratur Mark Scicluna u d-direzzjoni tal-Merlin Library Ltd komplew bl-avventuri ta’ Jake Cassar billi ppubblikaw żewġ kotba oħra biex b’hekk f’din is-sensiela issa hemm erbgħa.

Kull ktieb fih erbgħa u sittin paġna u bla dubju huma pakkett divertenti. Jake Cassar jispiċċa għand ir-Re Pankrazju IV; ir-re tal-Uditi. B’xi mod dan it-tfajjel, li jħobb jaqra u jikteb, jispiċċa biex ikun l-eroj li jipproteġi r-renju ta’ Pankrazju. L-aħħar żewġ kotba fis-sensiela huma Ir-Reġina Fiodelja u r-Renju Stordut u Il-Bastun tar-Reġina Fidelja. B’hekk issa s-sensiela qed tintroduċi lill-qarrejja ma’ iktar karattri u żżomm ritmu tajjeb.

Hu interessanti kif Azzopardi meta tikteb għat-tfal aktarx tuża l-umoriżmu u l-grottesk imma dik l-istrateġija tinbidel radikalment meta tikteb għall-kbar. Mark Scicluna, bħal f’episodji oħra, jżomm livell għoli fl-illustrazzjoni. Element li jispikka hu li l-kotba f’din is-sensiela aktarx jidhru strambi f’dik li hi preżentazzjoni għax tista’ tgħid li fihom u matulhom jinkisru r-regoli konvenzjonali kollha ta’ kif ikun ippreżentat ktieb; fażi li barra ilha li għaddiet u saret iktar minn regolari. Din il-preżentazzjoni tagħmel is-sensiela iktar fantażjuża fl-aħħar mill-aħħar u tixraq lit-tfal li qed jgħixu llum f’epoka fejn il-kreattività hi kontinwament mhedda.

Sadanittant għaż-żġħar l-istess kumpanija qed tipproponi l-karattru ta’ Buġi permezz tal-ktieb Buġi Miki u Jake. Buġi hu kelb maġiku li jgħallem lit-tfal kif iġibu ruħhom aħjar biex fl-aħħar mill-aħħar jgħixu ħajja iktar ferħana. L-istorja nkitbet minn Tricia Fenech Fabri waqt li l-illustrazzjonijiet, li huma l-element l-iktar b’saħħtu f’ dan il-picture book, saru minn Derek Fenech. Il-koppja tistqarr li l-istorja twieldet wara li kienu jirrakkuntaw l-avventuri ta’ Buġi lit-tifla tal-kuġina tal-illustratur.

Tkompli l-mewġa Sagħtar

Kull xahar l-MUT iżżomm l-impenn edukattiv tagħha permezz tal-pubblikazzjoni tar-rivista Sagħtar li ilha toħroġ sa mis-snin sebgħin. Sagħtar inibdel maż-żminijiet imma bħala kontenut baqa’ konsistenti fl-ideal tiegħu jiġifieri li joffri qari edukattiv dwar aspetti differenti tal-kultura u suġġetti differenti għall-istudenti Maltin. Għall-istudenti iżgħar nħoloq Sagħtarin li joffri pakkett divertenti imma fl-istess ħin l-edukazzjoni hija fil-qiegħ ta’ kollox.

Sagħtar jinbena mill-kitbiet tal-qarrejja u mill-artikli interessanti ta’ diversi kontributuri. Is-suġġetti huma varji u mifruxa biżżejjed. Fost l-oħrajn, Fabio Agius jikteb dwar l-istorja postali waqt li Tanja Cilia tagħti l-pariri tagħha lill-qarrejja tfajliet. Guido Lanfranco jkompli jterraq fil-folklor ta’ artna waqt li Annalise Falzon tkompli tikteb dwar in-natura.

Bħal dejjem, Sagħtar jaħdem biex joħloq kuxjenza favur il-qari u l-letteratura; missjoni li mas-snin dejjem kienet fuq quddiem u fil-mira. Ftit rivisti għarfu jinbidlu u jaġġornaw maż-żmien u Sagħtar hi waħda minnhom. Dawk li baqgħu statiċi rebħilhom iż-żmien u mietu. Għal Sagħtar hemm futur sabiħ jekk jibqa’ jiġġeded kif qed jiġri llum.

Kliem ir-Riħ Mitbugħ

Matul l-aħħar Fiera Nazzjonali tal-Ktieb, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport u l-Klabb Kotba Maltin introduċew il-ktieb Kliem ir-Riħ ta’ Simon Bartolo: wieħed minn żewġ kotba rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-konkors tar-rumanzi għaż-żgħażagħ. L-għan tal-konkors huwa biex jimla lakuna fejn tidħol il-letteratura għaż-żgħażagħ.

Simon Bartolo jitlaq minn sitwazzjoni xi ftit jew wisq assurda. Sitt studenti tas-sixth form jinsabu għat-tutorial tal-Malti u waħda minnhom – Cynthia – issostni li kapaċi tifhem lir-riħ u agħar minn hekk ir-riħ iħabrilha li xi ħadd minnhom se jmut jew tmut mewta vjolenti. Sħabha jibdew investigazzjoni bilmod tagħhom biex jaraw id-destin lil minnhom se jagħżel.

Alan huwa fost il-karattri l-iktar żviluppati fil-ktieb u joffri riflessjoni dwar il-ġlieda u t-tensjoni bejn il-ħajja u l-mewt. Għalih l-uġigħ u l-mard u n-niket kienu qegħdin hemm biex ifakkruna fil-mewt. Il-ħajja ma kinitx għajr tħejjija għall-mewt.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s