Joħroġ dalwaqt ir-Rumanz ta’ Sergio Grech

Nhar il-Ħamis 11 ta’ Novembru, 2010, fis-7.15 p.m., Horizons Publications se jniedu r-rumanz Il-Lejl tal-Irġulija ta’ Sergio Grech. It-tnedija se ssir waqt il-Fiera Nazzjonali tal-ktieb, fis-Sala Sir Temi Zammit, f’Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta.

Fit-tnedija tal-ktieb, se jitkellmu s-Sur Joe Saliba, ex-Segretarju Generali tal-Partit Nazzjonalista u l-Onor. Evarist Bartolo, membru parlamentari Laburista.

Dan hu t-tieni ktieb ta’ Sergio Grech wara li fis-sena 2004, ippubblika l-bijografija tal-patri kontroversjali Feliċjan Bilocca. Dak il-ktieb imsemmi kien kixef għadd ta’ retroxeni dwar l-istorja riċenti Maltija u tista’ tgħid li kien inbiegħ kollu fi ftit xhur.

IL-Lejl tal-Irġulija idur madwar il-karattru ta’ Robert, mill-familja mlaqqma ż-Żebedew, li trabba fis-snin tmenin fid-dell tal-Knisja konservattiva, li tbejjet kunflitti morali f’qalbu, u l-politika partiġġjana, li taqsamlu moħħu fi tnejn. Warajh għandu storja fejn forzi ikbar minnu – missieru u zitu – jippruvaw jiġbduh lejhom u jagħmluh pupu tat-twemmin tagħhom. Din it-taqtigħa jħossha kontinwa u titfgħu f’labirint.
Imma fejn se jxaqleb il-miżien? Min se jirbaħha l-battalja? Fejn se jmil? Lejn il-missier li qatta’ għomru u żmienu fis-sittinijiet jiġri wara Mintoff li għalih kien alla ikbar minn Alla? Jew se jisma’ minn zitu li għaliha l-Knisja kienet tiġi l-ewwel u qabel kollox? Min xiex jgħaddi sakemm minn ġuvni jiskopri lilu nnifsu raġel? Fuq kollox, għaliex, anki issa li suppost immatura u żżewweġ u bena bejta għalih, tfulitu u żgħożitu baqgħu jossessjonawh?

F’Robert iż-Żebedew il-qarrejja jilmħu żgħożija li forsi b’ċerta nostalġija jixtiequ li ma għaddiet qatt.
Punt li l-qarrejja se jsibu interessanti, bla dubju, hu l-fatt li għall-ewwel darba f’rumanz Malti jissemmew l-inċidenti li ġraw f’Tal-Barrani. L-awtur jemmen li ġrajjiet tas-sittinijiet u s-snin tmenin huma l-istorja ta’ poplu kollu u mhux sempliċiment storja ta’ partit kif tradizzjonalment ħarisna lejhom jew ġagħluna nħarsu.

Skont il-poeta u kritiku Mario Azzopardi, Sergio Grech qed jagħmel id-daħla tiegħu fin-narrattiva lokali b’rumanz veloċi, enerġiku u attwali. Azzopardi jemmen li apparti li għandu tessitura kontemporanja, dan ix-xogħol jista’ jiswa wkoll bħala dokument storiku-kulturali dwar ċerti mumenti determinanti li seħħew f’Malta. Imma fl-istess waqt, il-qarrej m’għandux iħares lejn ir-rumanz bħala sempliċiment ktieb tal-istorja ta’ Malta. Il-kritiku u reġista teatrali Mario Azzopardi jemmen li l-awtur jirnexxielu jagħmel dan mingħajr ma jissagrifika r-ritmu u l-istil “grafiku” ta’ dan l-ewwel rumanz tiegħu.

Skont Azzopardi, Sergio Grech qed jirrestawra xi ftit mill-ħsara li dan l-aħħar saret lill-proża lokali minħabba l-manija għas-sensazzjonaliżmu.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s