Ċelebrazzjoni tal-Wirt Storiku Malti

Midsea Books Ltd komplew bis-sensiela Malta Insight Heritage Guides billi ppubblikaw il-gwida Ħaġar Qim & Mnajdra Prehistoric Temples Qrendi irriċerkat minn Katya Stroud b’fotografija ta’ Daniel Cilia (il-fotografu ta’ din il-kullana ta’ kotba magħruf fil-qasam għall-impatt li tħalli l-lenti tiegħu meta tiffoka fuq il-wirt Malti).

Din is-sensiela, għal min mhux familjari magħha, qed tiffoka fuq siti storiċi Maltin u, f’kull ħarġa, tanalizza fid-dettall il-post differenti. Din is-sensiela qed tinbena flimkien mal-istituzzjoni li tmexxi l-post li jkun eżaminat. Ċertu dħul mis-sensiela qed imur ukoll favur il-preservazzjoni tas-siti storiċi; element importanti li żgur kull sena jiekol eluf ta’ ewro mis-senduq.

Fost ix-xogħlijiet ippubblikati, li minnhom ħarġu għoxrin, nsibu l-istorja tal-mużew marittimu tal-Birgu, il-Kon-katidral ta’ San Ġwann (miktub minn Cynthia De Giorgio li daħal fl-istampa darbtejn u li fil-fehma tiegħi hu l-isbaħ wieħed illustrat mill-kotba kollha f’din is-sensiela), il-Katidral Metropolitan tal-Imdina, it-tempji neolitiċi ta’ Ħal Tarxien, il-Palazz tal-Inkwiżitur (mill-ġdid fil-Birgu) u l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni (misteru kbir kif tħaffer).

Ammont minn dawn il-kotba, daħlu wkoll f’tema partikulari iktar milli f’post partikulari; għalkemm dejjem hemm ċerta konnessjoni. Fost dawn insibu l-ktieb dwar l-ex-voto (miktub minn Isabelle Borg li mietet ftit tal-ġimgħat ilu), it-tortura fi żmien l-Inkwiżizzjoni Rumana u l-cart-ruts. Dan ifisser ukoll li din is-sensiela nvolviet diversi kittieba bħal Kennith Gambin, Anthony Pace, Mario Farrugia, Nicholas de Piro u Vincent Zammit; ilkoll, b’mod jew ieħor, protagonisti biex jitħares il-wirt kulturali.

Kull volum, tista’ tgħid, jimxi fuq l-istess skema, li bl-ebda mod mhi monotona, minkejja li tiġġedded minn ktieb għal ieħor, l-istorja tal-post taħt il-lenti, miktuba b’mod ħafif u inċiżiv u li min għandu edukazzjoni bażika jista’ jifhem żgur mingħajr wisq taħbit u xkiel, mappa u d-direzzjonijiet kif issib il-lokal, glossarji, meta meħtieġ, li japprofondixxu t-temi li ssemmew fit-test, pjanta kbira tal-post u bibliografija (kemm għax jekk titlob id-dixxiplina u fuq kollox opportunità għal min hu interessat jifrex iktar il-qari tiegħu fuq is-suġġett).

Wieħed ma jistax ma jirrimarkax dwar il-mod tabilħaqq sabiħ kif bosta minn dawn il-kotba ġew illustrati. Id-daqqa tal-imgħallem hi evidenti wisq biex tkun injorata. Id-disinn jilgħab logħba ewlenija u din il-verità jafuha dawk kollha li jmissu mad-dinja tal-ktieb. Kull ritratt użat hu mogħti definizzjoni u bosta mir-ritratti tintebaħ b’id li taf x’inhi tagħmel. Element li jolqtok hu kif dawn il-volumi ma jaqbżux is-sittin paġna – bosta drabi huma ta’ tmienja u erbgħin – imma fl-istess waqt jidħlu fil-fond ta’ post u jduruh minn kull lat.

Il-volum dwar Ħaġar Qim jiffoka fuq wieħed mis-siti l-iktar magħrufa f’pajjiżna kemm mal-Maltin kif ukoll mal-barranin. It-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Mnajdra għarfu l-importanza tagħhom kemm l-istoriċi lokali u dawk barranin u anki l-organizazzjoni UNESCO. Kien hemm, riċentament, tal-inqas żewġ waqtiet koroh fl-istorja tat-tempji – meta waqgħu xi ħaġriet kbar fid-disgħinijiet u l-vandaliżmu tas-sena 2001 – fejn il-poplu kollettivament ħass li t-tempji jeħtieġu ċertu rispett għax dak il-ġebel jaf il-bidu ta’ poplu, it-twelid tiegħu. Dan l-ispirtu tat-tempji tant dewa fl-istorja tal-poplu li ġie interpretat fil-filatelija (iktar minn darba) u anki fid-disinn tal-munita ewro Maltija.

Hu kważi immaġinabli kif art żgħira bħal Malta għandha daqstant tempji u dawn it-tempji jmorru lura għadd kbir ta’ snin; realtà li diffiċli biex issibha f’pajjiżi oħrajn ferm ikbar. Hu interessanti kif matul is-sekli nbniet tradizzjoni ta’ viżitaturi barranin li jinkludu dawn it-tempji fl-itinerarji u d-destinazzjonijiet tagħhom. Kif tispjega Stroud, it-tempji ilhom jilqgħu l-viżitaturi sa mis-seklu tmintax (għalkemm ma kienx skavat kif nafuh aħna fi żmienna). Matul is-snin, ma naqsux l-interpretazzjonijiet li jispjegaw il-funzjoni tat-tempji u Stroud, f’dan il-ktieb, toffri analiżi ta’ kif inbidlu dawn l-interpretazznijiet matul is-snin.

Dawn l-aħħar ġimgħat, it-tempji reġgħu kienu fl-aħbarijiet minħabba l-ftuħ taċ-ċentru għall-viżitaturi u l-ftuħ tal-proġett tal-ilqugħ prottettiv bl-għan li t-tempji jkunu mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin bl-inqas ħsara possibbli. Il-proġett taċ-ċentru parti minnu ġie mħallas mill-fondi tal-Unjoni Ewropea u sar minn arkitett Svizzeru. Iċ-ċentru jaqdi l-funzjoni ta’ bieb għat-tempju u fl-istess waqt jispjega t-tifsira u l-istorja ta’ dak il-ġebel. Il-lum dan il-post kull sena jżuruh 120,000 ruħ

Il-ktieb jesplora mhux biss it-tempji imma anki l-ambjent tal-madwar fejn l-awtriċi turi li kuntrarju għall-fehma popolari, it-tempji nbnew f’inħawi li għalkemm jafu jidhru aridi imma minkejja dan żammew għaddejja l-ħajja ta’ kommunità. Stroud twieġeb għal ħafna mistoqsijiet u kurżitajiet li lkoll kemm aħna għandna dwar dan il-post.

Is-sensiela tixraq li tkun għand dawk kollhali japprezzaw ġmiel din l-art żgħira imma li hi nazzjon.

Ċelebrazzjoni ta’ Tmenin Sena ta’ Frans Fenech

Ethelbert Fenech u l-familja tiegħu xtaqu jiċċelebraw it-tmenin sena tal-missier Frans Fenech bil-pubblikazzjoni tal-ktieb Lilek Illum. Mal-ktieb, ġie inkluż ukoll CD bid-diski ta’ Frans li min jaf kemm allegraw nies.

Min għandu ċerta età jiftakar lil Frans Fenech attiv fil-kamp mużikali u fil-kommunità tal-Mellieħa. Fenech, kif isostni Tony Micallef fil-ktieb, kien “wieħed mill-aqwa pijunieri li għal snin twal qatt ma għejja jaħdem, kultant kontra l-mewġ …” Filfatt, Fenech jirrakkonta li fl-1960 meta pparteċipa fil-Festival tal-Kanzunetta Maltija u ġie fir-raba’ post, mar ġurat fuqu u qallu li kant bil-Malti mhu se jwasslu imkien.

Imma dik it-teorija sabet min iwaqqagħha malajr. Fenech ġie fit-tielet post bil-kanzunetta Baby Ġoġo fil-festival tal-1963 u fil-festival tas-sena ta’ wara rebaħ żewġ premjijiet: it-tieni u t-tielet premju. Fl-1965, wasal is-suċċess u ġie l-ewwel bil-kanzunetta Lilek Illum. B’riżultat ta’ dan, segwew interventi u stediniet f’diversi avvenimenti, żgħar u kbar, bħaċ-ċelebrazzjonijiet għal 1900 sena mill-miġja f’Malta ta’ San Pawl jew il-ftuħ tat-Trade Fair fin-Naxxar. Ma naqasx ukoll id-daqq tad-diski tiegħu fuq ir-Rediffusion.

Frans daħal ukoll fl-organizazzjoni ta’ diversi avvenimenti kulturali. Fl-1957, organizza l-ewwel festival li qatt sar fMalta li l-protagonisti tiegħu kienu t-tfal li kantaw il-kanzunetti popolari ta’ dak iż-żmien. Pass kbir kien l-organizazzjoni ta’ La Canzone Italiana a Malta u wara l-Oscar Malta della Canzone li fihom bdew jieħdu sehem kantanti bħal Albano. Fl-1968, organizza l-festival Riviera Canta li kien mifrux fuq sitt xhur. Wieħed ma jridx jinsa li kien bis-saħħa ta’ Frans li Malta reġgħet bdiet tieħu sehem fil-Eurovision.

Tajjeb jingħadd ukoll, li Fenech jirrakkonta wkoll l-esperjenzi ta’ tfulitu u żogħżitu. Ma jonqsux ukoll ritratti. Fenech jispjega li kiteb dawn l-esperjenzi biex iħeġġeġ lill-qarrej iqum u jaħdem fuq il-ħolm li għandu.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

One Response to Ċelebrazzjoni tal-Wirt Storiku Malti

  1. Dan il-ktieb jista jinxtara mic- centri ta’ l-Inspire, f’ Bulebel u Marsaskala, Il-Bejta Charity shop f’ Birkirkara (faccata tac-Civic Centre), D’Amato Records ,Valletta u Trading Post Stationery fi Sliema. Cempel 21890000 ghal aktar informazzjoni.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s