Bust għall-Ġorġ Mifsud Chircop

Ftit tal-ġimgħat ilu, l-Għaqda Filantropika Talent Mosti fakkret lill-antropologu u studjuż tal-folklor Ġorġ Mifsud Chircop (li ħalliena fl-2007) bil-kxif ta’ bust li nħadem minn Saviour Degura. Dan il-bust jinsab fis-sede tal-Għaqda; ir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone. L-għaqda rnexxielha tibdel dan il-post f’ċentru kulturali li jolqot l-attenzjoni mhux biss tal-Mosti imma ta’ dawk kollha fil-pajjiż li jemmnu fl-iskambji kulturali.

Il-ġest tal-Għaqda fejn jidħol Mifsud Chircop hu apprezzat minn dawk kollha li kellhom ix-xorti jaħdmu miegħu u minn dawk li gawdew frott il-ħidma tiegħu.

Mifsud Chircop ta sehem importanti biex il-kultura Maltija tinfirex u tkun apprezzata minn kulħadd. Kien ewlieni biex il-folklor Malti jitla’ fuq livell akkademiku u jkun apprezzat mill-akkademiċi barranin. F’dawn iċ-ċrieki, hu kien maħbub u apprezzat għall-ħila tiegħu li janalizza f’kuntest antropoloġiku mill-iktar modern.

Kif irrimarka Oliver Friggieri, dakinhar tal-kxif tal-bust, Mifsud Chircop kien jemmen li nkunu qed niżbaljaw jekk inħarsu lejn il-folklor bħala element tal-passat u niefqu hemm. Għalih kien hemm passaġġ, l-evoluzzjoni.

Iż-żewġ volumi tiegħu dwar il-folklor, li jiffurmaw parti mill-Kullana Kulturali tal-PIN, – kisba ewlenija għall-qasam tal-ktieb Malti – huma xempju tas-serjetà li dejjem ħaddan u bla dubju jistgħu jitqiesu bħala t-testment tiegħu li bih iċċelebra l-wirt għani ta’ poplu Mediterranju. Kif insista Friggieri, Ġorġ Mifsud Chircop kien akkademiku erbgħa u għoxrin siegħa.

Kif jistqarru dawk kollha li afuh jekk kien hemm ħaġa li kien jobgħod kien id-dilettantiżmu u ma kienx jiddejjaq joħroġ għonqu biex jirrimarka u jixli dan fid-deher; imqar fl-istess kotba, studji u artikli li kiteb. Ma ddejjaqx kif qal Charles Briffa, fit-tnedija tal-bust tiegħ, joħroġ b’diskors innovattiv akkademiku fil-kuntest lokali. Dak kien Ġorġ ukoll; avventurier u skrupluż fl-istess waqt idomm il-kliem u joħloq l-istudji u l-kitba kreattiva.

Kellu imħabba speċjali għall-ħrejjef missirijietna. Dawn għalih kienu teżor li ma setgħux jintilfu. Editja u studja u fuq kollox ġabar il-praspar ta’ Dun Xand Cortis (li kien jaf joqros fil-laħam il-ħaj) u l-leġġendi ta’ Patri Manwel Magri. Ra kif għamel biex din l-imħabba jiżragħha fit-tfal u ma naqsux il-kotba f’dan l-aspett bħal Ċosolina, u L-Irjieħ u l-Lampa tas-Seħer. Interessa ruħu fil-karattru ta’ Ġaħan u argumenta l-kuntrarju ta’ dak li dejjem pinġewlna lil Ġaħan. Għalih Ġaħan kien kollox; barra baħnan u idjota. Għall-kuntrarju kien makakk. Dar l-irħula Maltin u Għawdxin biex jiġbor il-ħrejjef u l-mudelli ta’ ħajja

Ġorġ kien entużjast għall-għana. Kien suġġett li kien iqim u kellu rispett għall-għannejja; anki jekk mhux l-għannejja kollha ġabulu r-rispett li ħaqqu fil-ħidma tiegħu. Għalkemm dawn kienu ftit. Għall-għana, ra kif għamel biex din tkun apprezzata fuq livell lokali u internazzjonali. Iġġieled il-kultura miskina li tqis l-għana bħala żvog u timbru tal-ħamallu klassiku u kiteb dwarha u ħareġ ukoll l-għannejja mill-fruntieri tal-gżira biex il-mużika tagħhom japprezzawha l-barranin.

Miegħu bħala Poeżijaplus organizzajna Lejlet Lejtlu, taħt il-Barrakka ta’ Fuq, f’xenarju li jsaħħrek, li fiha ċċelebrajna l-varjetà tal-għana. Għadni niftkar id-dedikazzjoni u l-preċiżjoni tiegħu; imqar jiċċekja li l-ħoss li qed jinstema’ tajjeb!

Erġajna daħħalna l-għana fi Swar; attività oħra li ttellgħet b’kollaborazzjoni mimm Poeżijaplus, Nafra u Mifsud Chircop. Swar kienet parti mill-festival kulturali sajfi u niftakar attendiet folla tajba ħafna. Fuq l-għana ma naqsux diversi programmi min-naħa tiegħu; kemm fuq TVM, Radju Malta kif ukoll fuq Campus FM. Kien l-ewwel direttur artistiku tal-Festival tal-Għana li għadu għaddej sal-lum, b’format differenti imma r-ruħ oriġinali baqgħet hemm.

Mifsud Chircop kellu vokazzjoni oħra: it-tagħlim tal-ilsien Malti. Hu nnifsu kien għalliem li baqa’ jaġġorna ruħu u jistudja sakemm tela’ it-taraġ kollha akkademiku u kiseb dottorat. Hu ħareġ diversi pubblikazzjonijiet għat-tagħlim tal-ilsien u l-letteratura. Aktarx l-iktar klassiku hu l-famuż Fommu bil-Għasel li bosta tkissru bih fl-ilsien-omm. Għall-klassijiet iż-żgħar ħejja Temprinu. Għall-klassijiet il-kbar, ħejja diversi kotba ta’ noti li analizzaw it-testi letterarji li l-kandidati tal-Malti fil-Livell Ordinarju u Avvanzat kellhom jistħarrġu.

F’ġieħ il-Malti, Mifsud Chircop ippreżenta diversi edizzjonijiet ta’ Il-Malti bit-Telefon u jien meta kien isejjaħli biex nieħu sehem, kont nimpresjona ruħi kif is-semmiegħa kienu jqanqlu kliem antik u hu mingħajr preparazzjoni jew tiftix minn qabel joħroġ sparat bit-tifsir. Kien ewlieni fit-twaqqif tal-Għaqda tal-Għalliema tal-Malti u kien mutur ta’ ħidma biex l-għalliema jkollhom riżorsi tajba biex jgħallmu lit-tfal aħjar. L-Għaqda kienet torganizza wkoll il-famużi Sagħtejn għall-Kultura u ħarġet il-ktieb Proset li kellu viżjoni fejn jidħlu l-eżerċizzji tal-Malti.

Il-kotba, f’sens ta’ editjar u produzzjoni, kien aspett ieħor li Mifsud Chircop eċċella fih. F’dan ir-rigward, għamel ħafna xogħol mal-P.E.G. Hemm diversi kotba li għaddew minn taħt idejh fosthom Għażiż Karmenu; ġabra ta’ ittri tal-poeta tan-nirien. Il-qari tal-provi metikoluż kienet għalqa oħra fejn hu meraħ b’suċċess u niftakru jħambaq li kull ktieb li jidħol għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb m’għandux ikollu lanqas żball wieħed.

It-tifkira dejjiema tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti għandha sservi ta’ tqanqil u ħidma bla waqfien f’ġieħ l-ilsien u l-letteratura ta’ dan il-pajjiż. Ġorġ Mifsud Chircop lil pajjiżu żgur li ma naqsux. Pajjiżu mhux dejjem jista’ jsostni l-istess teżi.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s