Ħarsa lejn is-Suq Malti tal-Kotba li jixprunaw it-Tagħlim

Sergio Grech

Jekk hawn ġeneru li qed dejjem jikber u jsir popolari hu dak tal-kotba għat-taħriġ. Il-produzzjoni tat-textbooks, illum nistgħu ngħidu, li tokkupa gidma mhux ħażin tal-kotba li ħerġin f’pajjiżna. Tant hu hekk, li dan l-aħħar snin, inħasset il-ħtieġa li l-ġeneru jibda jkun ikkunsidrat ukoll għall-fini tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

Bi ktieb għat-taħriġ, li jista’ jieħu diversi forom, qed nifhmu ktieb li jgħinni nikber u nimmatura f’dak is-suġġett li qed nitgħallem l-iskola. Jekk jien qed nitgħallem ilsien, li ma nafx, mhux biss ikolli bżonn il-kotba tal-letteratura (li tradizzjonalment jissejħu readers) imma jkolli wkoll kotba li jsaħħuni fil-bini tal-lingwa. L-istess kriterju jgħodd għax-xjenzi. Jekk jien qed nitgħallem il-Kimika, neħtieġ ktieb b’diversi sfidi (eżerċizzji) biex l-għerf tiegħi fis-suġġett jistagħna.

Xi ħaġa li tolqtok hu li kien hemm żminijiet partikulari li dawn it-tip ta’ kotba kienu jkunu ppubblikati mis-sistema nnifisha, mid-dipartiment konċernat. Inkella kienu jinġiebu kotba, maħluqa apposta, minn barra. Każ klassiku huwa Nimxu Flimkien, xogħol il-mibki John Michael Testa, b’disinji ta’ Joseph Mallia (li għal żmien twil illustra l-kotba tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni fosthom Id-Denfil).

F’dan il-punt, wieħed ma jistax ma jsellimx awturi bħal Bro. Henry u Ġużè Chetcuti li kienu pijunieri fil-qasam tat-textbook f’Malta. Ilkoll xi darba jew oħra użajna l-grammatika ta’ Bro. Henry u s-sensiela Ilsien Pajjiżi li min jaf kemm –il edizzjoni tagħha saret. Chetcuti, fost l-oħrajn, ħareġ Traduzzjonijiet u Komponimenti li daħal fl-istampa diversi drabi.

Il-lum, l-idea hi kważi l-kuntrarju. L-awtoritajiet joħorġu sejħa u jagħżlu l-aħjar ktieb li huma jħossu li jolqtu sew l-għanijiet li qed jitlob is-sillabu. Iktar minn hekk, min jidħol għal dawn it-tip ta’ kotba, ħafna drabi, jibni xogħlu direttament fuq is-sillabu u jara li qed jaqdi l-għanijiet mitluba.

Element li spikka matul is-snin huwa kif inbidlu radikalment dawn it-tip ta’ kotba. L-ewwelnett kien hemm bidla kbira ta’ kif inħarsu lejn it-tagħlim. Waqt li sa ftit snin ilu, kienu jgħallmuna fuq stil tal-pappagall, il-lum it-tagħlim sar iktar kreattiv u indirizzat biex jistimula. Dari – li fil-każ personali mhux wisq ’il bogħod- konna qisna fis-soċjetà ta’ Charles Dickens fejn l-istudent kien vażett li għandu jimtela. Il-lum spiċċa żmien li titgħallem bl-amment il-kontenut tal-First Aid in English kif tlajna aħna u alla ħares tagħmel żball ortografiku li jwerreċ. B’riżultat ta’ aġġornament fil-pedakoloġija, anki t-textbooks kellhom jaġġornaw l-istat tagħhom. Biss biss, kellhom jiefqu jaqdu l-missjoni ta’ tagħlim – pappagall jew dak li fil-pedakoloġija jsejħulu drilling.

Barra minn hekk, sar progress qawwi f’dik li hi produzzjoni tal-ktieb tat-taħriġ. Ikun qed jagħmel suwiċidju finanzjarju, min ma josservax din ir-regola kardinali. F’dan il-każ, anki jekk tidher kontradittorja l’abito fa il monaco. Għax il-lum, it-tagħlim irid jikkompeti ma’ dak li qed jaljena l-bniedem u t-tfal fosthom il-logħob teknoloġiku. M’għandniex xi ngħidu, sa ċertu punt, il-kulur u d-disinn ma jagħmlux ktieb għax min jaħdem skema jeħtieġ li jkun jaf fejn hu sejjer u x’għanijiet se jilħaq. Interessanti per eżempju l-esperiment Kalejdeskopju (Merlin Library) fejn apparti enfażi fuq il-kontenut ta’ tagħlim (dak li tradizzjonalment jissejjaħ l-eċerċizzju) juża wkoll diversi illustraturi biex jagħtu dak is-sens ta’ uniċità. U dawn l-illustraturi fehmu l-bżonn li jpaxxu l-għajn. U minn hemm tibda t-triq għat-tagħlim li jagħti gost kuntrarju għat-tagħlim soffokanti. Barra minn hekk, l-istess proġett imur kontra l-mewġa tal-passat li tieħu silta mill-kotba biss għat-taħriġ il-fehem (il-comprehension). Bosta drabi jinħolqu u jinkitbu siltiet ġodda.

Xi ħaġa li tolqot lil min jistudja dan is-settur, hu l-element qawwi ta’ demokratizzazzjoni (fejn tidħol il-produzzjoni u l-kontenut) u fuq kollox il-firxa wiesgħa ta’ suġġetti. Sa ftit ilu, f’ċerta oqsma bħas-suġġetti xjentifiċi konna limitati sew.

Element importanti wkoll u li għandu jkun ikkunsidrat hu l-preparazzjoni ta’ min qed jaħdem il-proġett. Għax mhux minnu li textbook hu essenzjalment ġabra ta’ handouts flimkien! Jiġifieri jista’ jkollok textbook tal-Bijoloġija li wieħed ikun aħjar minn ieħor anki jekk hu indirizzat għall-istess faxxa ta’ studenti.

Sa ftit ilu, f’dan il-qasam konna, limitati għas-settur primarju, kważi b’mod esklussiv, u min hu tal-età tiegħi jiftakar l-Arrow Guidelines (għall-Malti, l-Ingliż u l-Matematika bil-qxur ħomor, kannella u ħodor rispettivament), il-1001 (fil-qoxra karikatura tal-qatt minsi Ġorġ Mifsud Chircop) li anki daħħlet l-idea tat-tweġiba-mudell, is-sensiela Merlin, In-Naħla, il-Young Falcons u oħrajn. L-idea kienet biex inti tissaħħaħ biżżejjed, sena wara sena, fil-kors primarju biex finalment tista’ tidħol il-Liċeo. Filfatt, il-kotba msemmija kienu jwiegħduk fuq il-qoxra ta’ wara li jekk tużahom se tgħaddi mill-eżami imsemmi u minn dak tal-iskejjel privati; li dik il-ħabta konna nifhmu biss l-iskejjel tad-djoċesi.

Maż-żmien, is-settur mexa għas-sekondarja u l-lum anki għal-livell post-sekondarju u terzjarju. Fil-każ tas-sekondarja, għandek diversi kotba ppubblikati Malta li jħejjuk għall-eżamijiet tal-kbar. Uħud minnhom anki jaħdmulek karti sħaħ tal-eżamijiet. Għalkemm hu minnu wkoll li l-idea tar-risposti mudell ma bdietx il-lum. Mal-karti tal-eżamijiet fejn tidħol il-letteratura, immaterjali mill-ilsien, twieldu diversi kotba tan-noti li bosta drabi jidħlu fil-fond tas-suġġett studjat. Dan id-diskors jgħodd wkoll għall-fażi post-sekondarja.

Id-ditta P.E.G. kienet ippubblikat sensiela sħiħa minn dawn il-kotba (f’qies żgħir) li l-lum fihom infushom ta’ min jiġborhom u jżommhom anki bħala kampjun ta’ kif għandha ssir il-kritika letterarja. Dawn in-noti kienu jġibu fost l-oħrajn il-firma ta’ Mario Azzopardi, Ġuże Diacono u Joe Friggieri. Tarċisju Żarb u Charles Briffa ħarġu diversi kotba ta’ dan it-tip.

Interessanti wkoll kif is-settur universitarju wkoll qed iduq minn dawn it-tip ta’ kotba. Per eżempju Charles Briffa hu l-awtur tal-ktieb Translation Practice for the Maltese Bilingual li jintuża fil-kors tat-traduzzjoni fl-università. Toni Aqulina wkoll qed jaħdem ħafna fis-settur tal-Franċiż. Matul l-2009, ippubblika Glossarju flimkien ma’ Celine McCarthy.

L-idea li tista’ tikteb fuqhom, uħud minn dawn il-kotba, il-lum hi aċċettata u saret parti mill-kultura tagħna wkoll. Meta kont żgħir jien u kellna l-ktieb ta’ Trevor Żahra Nikteb bil-Malti, li t-tfal kollha kienu jafuh bħala tal-bebbuxu, kien skandlu kbir jekk ifettilek imqar tagħmel marka b’lapes. Anki għax wisq probabbli kien hemm l-idea li l-ktieb għad jużawh ħutek jew familjari oħrajn. Il-lum għall-kuntarju, mhux biss ktieb jinkiteb fuqu imma anki jkun ikkoreġut u ffirmat mill-għalliem/a.

Donnu kellu settur għandu l-ħaddiema tiegħu. Fil-Malti għandna kontributi minn Trevor Żahra, Clare Azzopardi, Charles Casha (bis-sensiela popolari Kun Af u Fawwara fost l-oħrajn), Charles Daniel Saliba, Adrian Muscat (li ħadmu flimkien fuq diversi proġetti), Arthur Sammut, Tarċisju Żarb, Carmel Azzopardi, Mario Cassar u oħrajn. John Caruana u Patrick Sammut qed ikomplu jipprovdu analiżi tat-testi letterarji. A.C. Xuereb u Michael Farrell tawna textbooks tal-Fiżika.

Fil-qasam tal-Matematika, fost l-oħrajn niltaqgħu ma’ xogħlijiet ta’ William Pace, Emanuel Cilia u Joseph Borg Galea. Ta’ min ifaħħru l-esperiment Understanding Mathematics ta’ Mark A. Caruana li hu ktieb bilingwi fejn għall-ewwel darba sar tentattiv qawwi biex il-Matematika tkun spjegata bil-Malti. Il-parti Maltija tal-pubblikazzjoni ħa ħsiebha David Muscat.

Hemm setturi fejn l-idea tal-ktieb għat-taħriġ għada dieħla u għada ġdida u allura ma ssibx għadd ta’ kontributuri. Eżempju ta’ dan hu t-tagħlim tal-Istorja li f’Malta mhux jingħata biżżejjed importanza. Ftit studenti qed joħorġu mill-iskola japprezzaw il-passat ta’ din l-art. F’dan ir-rigward, għandu jkun imfaħħar l-esperiment importanti li sar mill-Għaqda tal-Għalliema tal-Istorja meta ppubblikaw textbook għall-istudenti tas-sekondarji.

Textbook li ħaqqu t-tifħir hu Sisien għax, din id-darba, mar għal settur ieħor: għall-adulti li jixtiequ jitgħallmu l-ilsien nattiv tagħhom. Dan il-proġett kien inħadem minn Charles Mifsud, David Muscat u Ġorġ Mallia u kien ġie ppubblikat mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni.

Il-problema li jħoss dan is-settur hu li ktieb bħal dan, jekk l-affarijiet isiru b’mod serju, għandu ħajja xi ftit jew wisq qasira. Mhux biss minħabba l-esigenzi li jimponu s-sillabi imma wkoll minħabba l-aġġornament li titlob id-dixxiplina nnifisha. Ktieb tax-xjenza faċilment imut malajr minħabba żviluppi li jsiru kuljum. Kultant ikun hemm xi ġrajjiet partikulari li jitolbu wkoll li t-tiratura tinbidel. Każ tipiku kienet meta Malta qalbet mil-Lira għall-Ewro u dan affetwa l-kotba tal-Matematika. Jew il-kotba tal-Malti fl-iskejjel riedu jkunu aġġornati minħabba r-regoli ppubblikati mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Żgur li bħala regola, ktieb għat-taħriġ, tajjeb kemm hu tajjeb, ma jistax u m’għandux irabbi l-għanqbut.

Bla dubju, dan hu settur li għad irid jikber iktar u bħala riżultat il-kompetizzjoni għad trid tiħrax. Sakemm, dan kollu jsir favur it-tagħlim ta’ wliedna, allura merħba bih. Jiżbalja pubblikatur li jħares lejn dan it-tip ta’ ktieb bħala opportunità biex jidħol fi skola u allura biex iżid il-profitt tal-kumpanija tiegħu. Dak jiġi waħdu. L-ewwel u qabel kollox, il-ktieb għat-taħriġ hu investiment.

(Il-qarrejja japprezzaw li l-ismijiet tal-pubblikazzjonijiet, li hawnhekk l-awtur qed jirreferi għalihom, huma biss ftit mid-diversi eżemplari li għandha fl-oqsma rispettivi)

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s