Vjaġġ fil-Memorja ta’ Joe Bugeja

Il-Kunsill Lokali tal-Furjana għadu kemm ippubblika t-tifkiriet tal-edukatur Joe Bugeja li jmorru lura għas-snin 1930 u 1950. L-awtur semma l-ktieb tiegħu Reminiscences of a Childhood in Floriana Malta in Peace and War 1930-1950.

Kif ġustament, jirrimarka Bugeja dawk l-għoxrin sena kienu snin kienu mill-iktar qliel u interessanti fl-istorja ta’ Malta li kienet parti mill-Imperu Ingliż li, dik il-ħabta, kien jidher li se jgħix għal dejjem u li mhu se jintemm qatt.

Filfatt, interessanti l-esperjenzi li jirrakkonta l-awtur dwar kif it-tfal fl-iskejjel Maltin kienu jfakkru Jum l-Imperu: li kien jitfakkar fl-24 ta’ Mejju. M’hemm xejn x’tistagħġeb dwar dan għax wara kollox il-kolonizzatur irid jaħkem u b’riżultat ta’ dan it-tfal Maltin telgħu b’kotba tal-iskola li kienu jfaħħru l-monarkija; il-famuża sentenza li nies ta’ ċerta età, bħal Bugeja, ma nsewha qatt: “Mur ara kemm ferħ u gost tara lir-Re ta’ din l-art!” Bla dubju, dik kienet manupulazzjoni tas-sentimenti l-iktar ċara.

Il-Furjana, il-ħlejqa tal-Gran Mastru Anton Manwel Vilhena, hija t-teatru fejn iseħħu l-ġrajjiet ta’ Bugeja u bosta drabi l-istejjer tal-kumplament tal-poplu Malti. Sa mill-ewwel kapitli, l-awtur ifakkar li din ir-roqgħa art, li tinsab taħt imnieħer il-belt kapitali, għandha storja interessanti u tista’ tgħid li kienet xhud ewlieni f’diversi waqtiet fl-istorja.

Jekk wieħed, għall-mument, jikkunsidra post wieħed il-Fosos, liema ġrajjiet ma seħħewx hemm? Sa żmienna, wkoll il-Furjana għad għandha l-importanza tagħha. Dipartimenti tal-gvern u Ministeri jużaw dan is-subborg bħala ċentru tagħhom. Il-Librerija Pubblika tinsab il-Furjana.

Il-forza tal-ordni wkoll tintrabat mal-Furjana. Il-Kwartieri Ġenerali tal-Puluzija, li darba kien jintuża bħala sptar, jinsab fil-Furjana. L-uffiċju ċentrali tal-Knisja, magħruf bħala l-Kurja, wkoll jinsab il-Furjana. Fil-passat, il-bini msemmi qeda wkoll il-funzjoni ta’ seminarju.

Il-Mall, imżejjen bil-monumenti ta’ diversi kbarat li ħadmu għal din l-art, hu pulmun importanti għal dan il-lokal u jidħol ukoll kexxun fl-istorja ta’ Bugeja. Mill-Furjana, kif jirrimarka l-awtur ma naqsux ukoll diversi ulied denji. Minn Patri Feliċjan Bilocca sa Robert Sammut. Minn Hannibal Scicluna sa Sir Luigi Preziosi.

Fuq kollox, l-awtur jistqarr li permezz ta’ dan il-ktieb kellu f’moħħu li jiċċelebra persunaġġi Furjaniżi li isimhom qatt ma tniżżel fl-istorja. Dawk li ħadd ma jaf bihom għax huma nies komuni imma li kienu xorta waħda pedina importanti għall-evoluzzjoni tas-soċjetà Furjaniża.

Interessanti, kif l-awtur għażel li jiffoka biss fuq l-ewwel għoxrin sena ta’ ħajtu; għoxrin sena mill-iktar interessanti u mimlija azzjoni fl-istorja ta’ ġensa. Biss biss l-1930, is-sena meta twieled l-awtur f’familja li hu jiddeskrivi bħala tal-ħaddiema fi żmien meta l-laqam kien il-fus ta’ kollox, kienet is-sena meta kien fl-aqwa tiegħu l-Konti Gerald Strickland li kien f’inkwiet politiku-reliġjuż mal-Knisja; waħda mill-iktar istituzzjonijiet b’saħħithom fl-istorja ta’ Malta.

Il-Knisja, kif juri Bugeja, fl-aħħar mill-aħħar, mhux darba jew tnejn kienet protagonista ta’ ġrajjiet ewlenin u xi drabi l-ġrajjiet seħħew differenti minn kif kien il-ħsieb oriġinali minħabba l-influwenza qalila tagħha li qatt ma afet fruntieri. Hawnhekk l-awtur juri kif dirgħajn il-Knisja kienu jinfirxu fuq l-individwu sa mill-ewwel sigħat tal-ħajja tat-tarbija. Minn kull familja kien mistenni li tikber u tistgħana fl-ulied: il-filosofija Crecete et Multiplicatevi u dawn ilkoll kien mistenni li jitrabbew fil-biżgħa t’Alla. Kienu ftit dawk in-nies li wara kollox kienu jisfidaw fil-beraħ il-Knisja. L-istorja ta’ Manwel Dimech kulħadd jaf kien intemmet.

Fuq kollox u forsi dawn huma l-iktar partijiet eċitanti fil-ktieb, Bugeja joħloq rendikonti ta’ kapitli li hu għex mill-qrib li jesploraw żmien it-Tieni Gwerra Dinjija li mponiet sfida qawwija għall-Maltin biex mill-umiljazzjoni (mit-tifrik f’sens mill-iktar wiesa’) jiġu f’tagħhom u jqumu f’saqajhom sakemm imxew għall-deċiżjonijiet kbar fl-istorja tad-demokrazija Maltija. Punt importanti li qajjem Bugeja u dan inħoss li hu kruċjali hu kemm mil-lat ta’ difiża Malta ma kinitx ippreparata għall-gwerra bħal dik.

Kif joħroġ minn dawn il-memorji u minn diversi għejun oħra, il-Furjana, kuntrarju għall-postijiet oħrajn bħar-Rabat, sfat vittma, bħall-Kottonera, ta’ diversi attakki. Bis-saħħa ta’ dan il-ktieb, l-esperjenzi ppubblikati sa issa marbuta ma’ epoka trawmatika komplew jitwessgħu. Xogħolijiet li baqgħu klassiċi f’dan l-aspett żgur li huma Raħal fi Gwerra ta’ Dun Ġużepp Micallef u Taħt in-Nar ta’ Ġużè Ellul Mercer. Irrid jingħadd li l-lum, anki bis-saħħa ta’ pubblikaturi bħal Wise Owl Publications, il-letteratura dwar it-Tieni Gwerra Dinjija u Malta qed dejjem tikber anki grazzi għall-materjal li dejjem ħiereġ minn diversi għejun.

Jafaxxinak kif l-awtur il-ħin kollu jżewwaq il-ġrajja personali tiegħu mal-waqtiet kbar u żgħar mill-istorja u ma jieqafx biss fuq l-istorja politika imma l-ħin kollu jirreferi wkoll għal dik soċjali. Per eżempju jitkellem dwar il-lingwa tat-trabi li l-lum inbidlet drastikament, il-ferrovija, il-karozzi tal-linja (li diffiċli tifridhom mill-istorja tas-subborg Furjaniż), l-għażla tal-ismijiet tat-trabi, is-servizzi tas-saħħa tas-snin tletin, il-logħob tat-tfal u bosta suġġetti oħra.

Fid-daħla għall-ktieb, Nigel Holland is-Sindku tal-Furjana (li ġej mill-isfera tal-libreriji) jispjega li bħala sindku minn dejjem emmen li l-kunsill għandu jkollu rwol li jippubblika materjal li jagħti tagħrif dwar il-lokalità. Dan hu l-ħames ktieb minn din il-kullana tal-kunsill u pass bħal dan għandu jkun ikkuppjat minn kunsilli oħrajn. Hu dmir il-kunsill li jeduka ċ-ċittaddin tiegħu u jagħtih il-kburija li jgħammar fil-post.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s