Il-Banda de Rohan u l-Każin San Ġużepp taħt il-Lenti

Li tidħol biex tikteb l-istorja ta’ banda Maltija, mhix intrapriża faċli, kif forsi taf tidher. Sa ċertu punt hi sitwazzjoni delikata ħafna speċjalment fil-każ ta’ dawk l-irħula fejn il-baned għandhom għeruq fondi u fejn il-piki huma kargi u sikwit jaqalgħu l-għawġ.

Fid-dawl ta’ din l-istqarrija, inħoss li, għandu jkun apprezzat il-ktieb ta’ Francis Galea Belt u Banda De Rohan. Kif jafu min isegwi s-suġġett, hemm polemika sħiħa dwar meta twaqqfet din il-banda u allura l-ħidma tal-awtur ikkumplikat ruħha. Galea l-lum rabat ismu ma’ din il-kwalità ta’ riċerka li ma tistax tagħmel kompromessi għax faċilment taf taqa’ fit-trabokk tal-parrokjaliżmu li ma jwassal għall-imkien.

Diskussjoni dwar twelid il-banda ma setax ikun evitat f’dan il-ktieb. Filfatt, l-awtur jidħol fil-fond ta’ dan is-suġġett u jesplora l-għejun kollha li ġew f’idejh u jasal għall-konklużjoni li Banda de Rohan kienet l-ewwel banda li twaqqfet Malta.

Galea joffri mat-tletin prova biex isaħħaħ it-teorija tiegħu. Fost l-oħrajn jikkwota lill-awturi Pietru Pawl Castagna u Dun Salv Ciappara. Galea jinsisti li sal-1959, f’Città Rohan, qatt ħadd ma kkontesta l-bidu tal-banda imma l-polemika kienet dwar l-ewwel Surmast. L-awtur isostni li l-mużika tas-Surmast Indri Borg fl-arkivji tal-Każin San Ġużepp u l-Banda de Rohan huma xhieda tar-rabta taż-żewġ partijiet.

L-awtur jinsisti li l-banda li hu studja kienet l-ewwel waħda li kellha l-għodda meħtieġa biex tista’ tkun meqjusa hekk: “kienet l-ewwel fil-gżejjer tagħna li kellha dawn il-ħwejjeġ kollha u hekk setgħet tikkwalifika u tiġi magħduda bħala banda.”

Galea jikkritika lil Robert Mifsud Bonnici li ħarab minn din il-kwistjoni importanti meta kiteb l-istorja tiegħu tal-baned Maltin. Fi kliem Galea, meta Mifsud Bonnici jmiss dan is-suġġett “narawh u nħossuh il-ħin kollu jwaddab l-ilma biex iberred u jitfi n-nar tal-piki tal-partiti. Jaħrab milli jikteb dwar il-baned fejn hemm pika u nuqqas ta’ qbil dwar id-data tal-formazzjoni tagħhom.”

L-awtur ipprova jifhem ġrajjiet il-banda f’xenarju usa’: l-istorja tar-raħal u l-istorja ta’ Malta. It-tnejn ħallew l-impatt tagħhom. Per eżempju, il-banda tat l-appoġġ tagħha lil Monsinjur Mikiel Gonzi waqt il-ġlieda politiko reliġjuża tal-perjodu 1958-1962. Biss biss, il-banda twieldet f’epoka kolonjali u rat lil Malta timxi politikament u tieħu t-tmexxija f’idejha. Il-mewġa ta’ emigrazzjoni fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet tas-seklu għoxrin ħallew l-impatt tagħhom għax kif juri l-awtur, il-każini tilfu x-xogħol volontarju tal-partitarji.

L-awtur joffri vjaġġ interessanti ta’ kif il-banda kibret minn organizazzjoni żgħira għal waħda attiva. Il-ktieb hu mimli ritratti tal-epoka u dokumenti li jixhdu dan l-iżvilupp. Fost il-ħemel ritratti, hemm kopja tal-ħlas għas-servizzi li l-banda tat fil-Ġimgħa l-Lbira fl-1903. Naraw ritratt tal-1955 li juri żjara tal-Gvernatur Laycock lill-banda. Ritratt ieħor juri l-banda waqt programm mużikali mtella’ fi Pjazza Reġina l-Belt fl-okkażjoni tal-Inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta. Xbieha oħra turi armar antik.

Il-ktieb joffri numru ta’ appendiċi li fost l-oħrajn jippreżentaw lista ta’ surmastrijiet tal-banda, lista tal-presidenti, il-kumitati tul is-snin, lista tal-bandisti matul is-snin, u poeżiji ddedikati lil San Ġużepp.

Wieħed josserva li Galea ma waqafx biss ifittex fl-arkivju tal-banda imma għamel użu minn teżijiet universitarji, ġurnali, bosta kotba annwali tal-festa tal-każini u għejun oħra.

Dan hu ktieb, li anki jekk forsi ma taqbilx mat-teoriji tiegħu, tieħu gost taqrah għax il-materjal ippreżentat fuq frisk u miktub bi stil li jipprovokah taħseb.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s