Reġistru Importanti minn Għawdex Mitbugħ

Il-Professur Horatio C.R. Vella għadu kemm tebagħ dokument importanti fl-istorja tal-gżira Għawdxija: l-iktar reġistru antik f’Għawdex li jkopri l-perjodu 1554 u l-1628. Id-data 1554 hi importanti fil-kuntest lokali għax ma rridux ninsew li fl-1551, il-furban Dragut kaxkar il-popolazzjoni Għawdxija fl-eżilju. Niżbaljaw jekk nimmaġinaw li l-entraturi għaż-żmien ikkwotat kienu kontinwi u bla lakuni.

Ir-reġistru hu merfugħ fil-Kurja tal-Isqof ta’ Għawdex u joffri listi ta’ twelid, magħmudijiet, griżmi, żwiġijiet u mwiet. L-Arkivista tal-Kurja Għawdxija nnifsu Dr Joseph Bezzina stieden lill-awtur biex jidħol għall-biċċa xogħol iebsa li jittraskrivi r-reġistru. Wieħed japprezza sa mill-bidu li l-qari tad-dokument ma kienx faċli anki minħabba l-kundizzjoni, mhux dejjem tajba, ta’ dan ir-reġistru. L-awtur jistqarr, fid-daħla li kiteb, li l-qari kien diffiċli u xi drabi kellu jippenetra l-kitba lleġibbli jew jaqrah f’ħinijiet differenti tal-ġurnata biex kemm jista’ jkun jasal għal aħjar deċiżjonijiet. Ix-xogħol ma kienx faċli anki għall-fatt li l-entraturi f’dan id-dokument kienu wkoll imħalltin u mhux uniformi.

Minbarra, it-traskrizzjoni, l-awtur tal-ktieb The Earliest Church Register in Gozo 1554-1628, jistudja fid-dettall il-protagonisti tar-reġistru u minnhom joħorġu diversi perspettivi interessanti fosthom it-tul tal-ħajja tal-persuni msemmija, il-kwalitajiet tax-xogħol tagħhom, u l-kunjomijiet l-iktar komuni wħud minnhom miktuba b’diversi varjanti. Fil-perjodu tad-dokument, joħroġ il-fatt li 2,228 tifel u tifla twieldu għand iktar minn 1,110 familja. Id-dokument fih informazzjoni dwar il-bidu taż-żewġ parroċċi tar-Rabat. Ir-reġistru bdieh il-kappillan tal-Knisja Matriċi u fih jikkontrbwixxi wkoll dak ta’ San Ġorġ.

L-importanza tad-dokument tikber meta wieħed iqis li dan hu t-tielet dokument l-iktar antik tax-xorta tiegħu wara dawk tal-Imdina u n-Naxxar. Ir-reġistru nbena fi żmien erba’ isqfijiet. Dik il-ħabta d-djoċesi ta’ Malta u Għawdex kienu waħda. Id-dokument jgħinnha nifhmu, r-ripopolazzjoni tal-gżira ta’ tliet għoljiet li sofriet assedju qalil. Interessanti li l-awtur daħal ukoll f’minn fejn ġew in-nies li reġgħu abitaw lil Għawdex wara l-1551.

Bla dubju, ħafna dan ix-xogħol se jsibuh utli fl-istudju tagħhom ta’ dan iż-żmien interessanti fl-istorja Maltija. Fuq kollox, id-dokument l-oriġinali se jkun merfugħ biex ma jitqabarx.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s