Juann Mamo irxuxtat mill-Ġdid

Il-Klabb Kotba Maltin għadu kemm tebagħ ġabra ta’ novelli ta’ Juann Mamo miġbura u annotati bi studju qabel ta’ Mark Vella. Din l-edizzjoni li ngħatat l-isem Ġrajja Maltija tlaqqgħana ma’ awtur ewlieni Malti li ma beżax ikun xewka. Mamo, magħruf għax-xogħol tiegħu Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka, ħaddem is-satira li taqtagħlek nifsek fil-konfront ta’ poplu li kien maħkum fiżikament u mentalment mill-Ingliżi.

Vella jispjega li n-novelli ġew traskritti bl-ortografija moderna iżda kien hemm każijiet fejn ċertu kliem tħalla kif ħaddmu Mamo biex tintwera l-kreattività tal-awtur u l-istil tiegħu. Ta’ min jgħid li l-awtur kien ġabar dawn in-novelli lura fl-1997 meta kien qed jirriċerka t-teżi tiegħu tal-Baċċellerat dwar l-istorja letterarja tan-novella Maltija. Kienu bosta dawk l-istudjużi bħal Oliver Friggieri, Francis Galea u Adrian Grima li interessaw ruħhom f’dan il-karattru Malti li kitbietu afu jqaxxru u jippenetraw s-soċjetà.

Kif jirrimarka Mark Vella, Mamo kien kollox barra awtur folkloristiku. Spikka fost il-boton ta’ awturi ta’ żmienu u kif jgħid Friggieri għaraf jibdel it-traġedja ta’ kolonja midruba (kliem tiegħi) f’farsa nazzjonali (kliem Friggieri). Kien favur iż-żgħir imma lanqas din il-klassi ma jirromatiċizzaha kif għamlu l-kittieba ewlenin ta’ żmienu. L-idea tar-raħal verġni u pur kif ippreżentat minn Ġużè Muscat Azzopardi sa Dun Karm hija nieqsa.

Mamo jiġġieled il-moffa li kkamkrat tul is-snin f’ruħ il-poplu: is-superstizzjonijiet, il-piki parrokjali u l-injoranza. Mamo jaf ma jinżilx mill-gerżuma għal xi wħud imma dik hija l-bravura tiegħu. Mamo jopponi l-klerikaliżmu u l-influwenza tal-qassisin tant li r-rumanz tiegħu, per eżempju, jagħlaq b’appell biex il-politika u r-reliġjon ma jitħalltux flimkien; diskors li kellu eki f’Manwel Dimech u iktar tard fis-snin ħamsin u sittin tas-seklu għoxrin dewa ħafna.

Bħal Dimech, Mamo kien awtodidatta. Hu kien jiddefenixxi lilu nnifsu bħala meħlus minn kull irbit u indipendenti. It-tragward aħħari ta’ Mamo bħal ta’ Dimech kien li l-poplu jimmatura u ma jibqax iktar skjav kemm tal-barrani kif ukoll agħar minn hekk tiegħu nnifsu. Alternattiva waħda kien hemm it-tagħlim li bih il-bniedem seta’ fqu kollox iġib rispett lejh innifsu.

Dan il-proġett qed iġedded l-opportunità biex Mamo jerġa’ jkun skopert u fuq kollox apprezzat. Kien Malti tassew biex ikun missellef kliem li Dun Karm uża għall-patrijott ieħor.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s