L-Akkademja tal-Malti għadha kemm ippubblikat ħarġa speċjali tar-rivista
Il-Malti (€9.50), iddedikata lill-istoriku Ġużè Gatt (1886-1976)

• Tinteressa lil min iħobb l-ilsien Malti u l-istorja.
• Tiswa ħafna l-biblijografija ta’ ’l fuq minn mitt xogħol ta’ Gatt

Huwa forsi kemxejn ironiku li dwar Ġużè Gatt – li kiteb ħafna – ftit li xejn inkiteb. Mhux għax dan huwa xi fenomenu rari fejn jidħlu awturi Maltin li ddedikaw ġidhom u saħansitra ħajjithom għar-riċerka dwar pajjiżhom: altru minn hekk. Almenu f’dawn l-aħħar snin jidher li qed tqum kuxjenza, imżewġa ma’ riċerka serja akkademika, fuq Maltin li b’modi diversi kkontribwew sabiex il-kultura Maltija stagħniet jew ġiet magħrufa aktar.

Għalkemm għex fi żmien meta r-riċerka storika – partikularment fil-kuntest lokali – kienet għadha mxekkla b’nuqqas ta’ faċilitajiet: b’arkivji mhux aċċessibbli, b’tabujiet, b’enfasi qawwi fuq l-aspett politiku u artistiku a skapitu ta’ dak soċjali, u fuq kollox bin-nuqqas tal-element xjentifiku, il-kitbiet ta’ Gatt fil-parti l-kbira tagħhom kienu kontribuzzjonijiet oriġinali u li baqgħu għal bosta snin – xi wħud minnhom saħansitra sal-lum – fost l-aqwa jekk mhux l-uniċi studji serji fuq dak is-suġġett partikulari. Mhux ta’ b’xejn li Ġużè Cassar Pullicino kien iqis lil Gatt espert tal-Melitensia. Fost dawn il-kitbiet żgur hemm dawk dwar il-Bolla tal-Kruċjata kif ukoll l-istudju estensiv dwar il-Gazzetta tal-Gvern bejn is-snin 1813 u 1840. Tassew li Gatt, kif ġieli jingħad dwaru, mhux dejjem kien jagħti r-referenzi dwar minn fejn ikun kiseb it-tagħrif: din kienet drawwa ħażina mhux tant rari fi żmienu. Huwa daqstant minnu, iżda, li ma kinux ftit il-kittieba ta’ warajh li użaw ir-riċerka ppubblikata minn Gatt bla ma għamlu l-iċken referenza għalih fi żmien meta aġir bħal dan m’għadux iżjed aċċettabbli. Mhux talli r-riċerka ta’ Gatt kienet ibbażata fuq dokumentazzjoni oriġinali iżda talli kienet miktuba bil-Malti. Ikollna nammettu li sal-lum – meta l-preġudizzji kontra l-Malti ilhom (jew suppost ilhom) li spiċċaw – ftit ferm huma dawk l-istoriċi li jippubblikaw frott ħidmiethom bil-Malti.

Il-kontribut ta’ Gatt ma kienx biss limitat għall-pubblikazzjoni tar-riċerka tiegħu. Huwa kien membru sa mill-bidu nett tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, illum l-Akkademja tal-Malti. Huwa magħruf li Gatt kien għadda l-materjal li kellu dwar Mikiel Anton Vassalli lil Ninu Cremona u għalhekk Gatt kien strumentali sabiex tibda tiġi studjata u apprezzata figura ewlenija fl-istorja lingwistika u politika Maltija. Id-daħla storika għat-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija kienet ukoll ibbażata fuq dak li kiteb Gatt dwar l-iżvilupp tal-istampa f’Malta. Fost għadd ta’ Maltin magħrufa ta’ żmienu, Ġużè Gatt kien ukoll midħla ta’ Ġwann Mamo. Dan tal-aħħar saħansitra jsemmi lil Gatt fix-xogħol magħruf tiegħu Ulied in-Nanna Venut fl’Amerca (Malta, 1930).

Il-ħsieb ta’ din il-pubblikazzjoni kien appuntu li mhux biss jitfakkar il-kontribut ta’ storiku ewlieni Malti tal-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, imma wkoll sabiex għadd ta’ kitbiet tiegħu jerġgħu jkunu aċċessibbli kemm għar-riċerkatur kif ukoll għall-qarrej ġenerali. Ġużè Gatt kellu l-mezzi finanzjarji sabiex seta’ jiddedika ħin twil għar-riċerka, iżda aqwa minn hekk kellu l-imħabba u d-determinazzjoni li jagħmel dan f’ġieħ art twelidu. Ftit aktar minn mitt studju ppubblikat ta’ Gatt inġabru s’issa f’diversi gazzetti u perjodiċi. Minn dawn, 16 qed ikunu ppubblikati f’dan il-ktieb. Il-kitbiet li ngħażlu huma dwar l-ilsien Malti, dwar l-iżvilupp ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni f’Malta bħall-istampar u t-teatru kif ukoll dwar bijografiji ta’ Maltin.

Gatt qatt ma ppubblika ġabra tax-xogħlijiet tiegħu fi ktieb wieħed u għaldaqstant kitbietu jinsabu mxerrdin f’gazzetti u f’perjodiċi ta’ żmienu. Wieħed jifhem għalhekk li ma kienx daqstant faċli li dawn il-kitbiet jiġu misjuba. Lista sħiħa tagħhom tidher fil-Biblijografija.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s