Il-Pubblikaturi jiċċelebraw il-Festi

Il-festi tal-irħula u l-ibliet tagħna għandhom sehem importanti fl-iżvilupp ta’ ġensna. Mhux kulħadd iħares lejhom bħala eżerċizzju reliġjuż u/jew kulturali fl-aqwa tiegħu. Għal xi wħud, il-festi m’huma xejn għajr okkażjoni ta’ xalar, ġenn, divertiment, storbju, inkonvenjenzi u sokor.

Il-festi kienu, u għadhom u probabilment jibqgħu għajn ta’ ispirazzjoni għall-pubblikaturi tagħna. Per eżempju, PIN iddedikaw volum sħiħ dwar il-festi fil-Kullana Kulturali li nkiteb minn Charles Colerio. Il-volum, minbarra l-festi tal-irħula, inkluda wkoll festi pubbliċi u nazzjonali u avvenimenti bħall-Karnival. Mill-ktieb toħroġ ċara l-idea li l-Maltin iħobbu jiċċelebraw. Taqsimiet mill-volumi dwar il-mużika Maltija fl-istess kullana ta’ Joseph Vella Bondin jiddiskutu wkoll l-iżvilupp tal-mużika sagra marbuta mal-festi. Min ma semax bl-antifoni ta’ Carlo Diacono?

L-istess dar tal-kotba, tatna wkoll sensiela interessanti dwar il-każini tal-baned li festa mingħajrhom hi immaġinabbli għall-Maltin. Permezz tal-proġett ta’ PIN, Teżori fil-Knejjes Tagħna, stajna niskopru ħafna mir-rikkezzi tal-knejjes tagħna li bosta minnhom jitgawdew biss fi żmien il-festi. Il-PIN ukoll kienet ħarġet is-sensiela Il-Knejjes Parrokkjali ta’ Malta u l-Festi Tagħhom.

Illum qed tikber ukoll l-idea li każin tal-banda jkollu l-istorja tiegħu miktuba. Francis Galea kiteb diversi minn dawn. Biss biss, din is-sena mistennija li jkunu ppubblikati żewġ proġetti tiegħu dwar dan. Wieħed minnhom hu dwar il-Banda De Rohan ta’ Ħaż-Żebbuġ li ħareġ ftit tal-ġimgħat ilu u l-ieħor dwar il-Banda Żejtun. Galea kiteb ukoll l-istorja tal-Banda Unjoni ta’ Ħal Luqa. Jesmond Grech kiteb dwar L-Għaqda Mużikali Sant’Andrija. Martin Formosa kiteb l-istorja tas-Soċjetà Mużikali Santa Marija tal-Qrendi. Dan huma biss ftit eżempji għax il-mergħa hija ħafna ikbar minn hekk.

Tajjeb jingħad li dan mhux fenomenu modern jew tal-lum. Per eżempju, fl-1987, il-mibki Karmenu Ellul Galea, magħruf għall-kitba tiegħu tal-istorja tat-trejdunjonizmu, kiteb dwar il-Banda San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar. Charles Farrugia fl-1995 ħareġ l-istorja tal-Banda tal-Ġilju tal-Imqabba. Anthony Mangion u Karmenu Zerafa fl-1989 ippubblikaw l-istorja tas-Soċjetà Mużikali Santa Katerina taż-Żurrieq.

Ma jonqosx ukoll tagħrif dwar il-baned u l-festi tagħna f’kotba dwar l-irħula partikulari. Hekk għamel Alfred Ellul Galea fil-ktieb li ħareġ fl-2009 dwar Casal Paola.

Sforz l-entużjażmu ta’ dan il-poplu għall-festi ma naqsux ukoll kotba dwar il-vari u l-istatwi. Fost dawn jistgħu jissemmew Il-Vari ta’ Kristu Rxoxt fil-Knejjes ta’ Malta u Għawdex, u Vari ta’ Malta u Għawdex ta’ Joseph Grech u Alexander Bonnici.

Aspett ieħor li għandu jissemma’ hawn huma l-programmi tal-festa speċjalment dawk ippubblikati mill-każini tal-baned li fihom qed ikun hemm ħafna materjal storiku u letterarju kemm konness mar-raħal jew il-banda jew anki aspetti nazzjonali. L-aħħar ġabra tal-programm tas-Soċjeta Mużikali Lourdes tal-Qrendi kellha kontributi fost l-oħrajn ta’ Raymond Mangion, Tony Pace, Kevin Cassar, Kenneth Cauchi, u Sergio Grech. Forsi hawn hemm il-potenzjal li artikli validi u ta’ ċertu stoffa jinġabru f’kotba kemm biex ma jintilfux kif ukoll biex ikollhom aċċess ikbar mill-pubbliku għatxan li jitgħallem.

Ma jonqsux ukoll il-coffee table books li fil-preżentazzjonijiet eċċellenti tagħhom dwar Malta jinkludu l-festi u aspetti tagħhom. Eżempju ta’ dan hu Panoramic Malta li fih il-lenti tal-kamera ta’ Daniel Cilia. Irridu jissemmew ukoll kotba u papers li studjaw il-fenomenu tal-festi. Fost dawn ma jistax jitħalla barra Jeremy Boissevain li oriġinarjament kien ħareġ bit-teorija li l-festi Maltin għad imutu. Maż-żmien imma għaraf li t-tbassira tiegħu falliet. Bla d-dubju, ix-xogħol tiegħu Saints and Fireworks jibqa’ seminali għal min irid jifhem il-festi tagħna f’qafas partikulari.

F’dan il-kwadru jrid jingħata wkoll ġieħ lil Robbie Mifsud Bonnici li kiteb kotba bħal Mużiċisti kompożituri Maltin : maestri di cappella tal-Katidral, Mużiċisti kompożituri Maltin u Għawdxin tal-bieraħ u tal-lum, u Ġrajja ta’ Baned f’Malta u Għawdex li żgur bosta sabuhom utli fir-riċerka tagħhom dwar dan is-suġġett.

Battuti għall-Inżul ix-Xemx

Ħmistax ilu, Horizons ħarġu l-antoloġija Battuti għall-Inżul ix-Xemx waqt edizzjoni ta’ Poeżijaplus li saret fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla. F’din l-antoloġija jiltaqgħu tliet poeti u artist. Il-poeti huma Albert Marshall, Ivan de Battista u Charles Scerri li żewġu l-poeżija tagħhom man-nudo ta’ Vince Micallef Pule li ħafna jafuh ukoll bħala attur fis-sensiela televiżiva Xhud li nbniet fuq ir-rumanz Ix-Xhud li ma Deherx tal-Avukat Qormi Ġorġ Żammit. Kumbinazzjoni jew mhux daqstant, anki l-kittieba involuti, f’din il-ġabra, minn bi ftit u min ħafna, ġej mid-dinja tal-palk jew tad-drama televiżiva.
Wieħed ma jistax ma japprezzax li pubblikatur relattivament ġdid bħal Hiorizon, li ilu jeżisti biss ħames snin imma bi storja interessanti u konsistenti, daħal għal proġett bħal dan fi żmien meta mhux wieħed jew tnejn f’pajjiżna qatgħu qalbhom mill-pubblikazzjoni tal-poeżija. Dan mhux ghax ma hawnx poeti tajbin imma minħabba li s-suq tagħna hu wieħed limitat u żgħir u bosta jilmentaw li mhux talli m’hemmx qliegħ minn dan is-settur imma lanqas jirnexxielek tifdi. L-unika xaqq ta’ dawl hu jekk ktieb jidħol f’sillabu.
Dan il-proġett, għalhekk nemmen li, jikber fl-importanza tiegħu meta jekk nieħdu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb bħala metrika ta’ kemm joħorġu kotba tal-poeżiji f’Malta minn pubblikaturi, tinnota li l-ammont ta’ pubblikaturi li qed jippubblikaw il-poeżija f’dawn l-aħħar ħames snin kien dejjem baxx u dejjem qed jonqos. Ħafna drabi għandek issib ktieb wieħed jew saħansitra xejn li jaqa’ fuq spallet pubblikatur. Ktieb ta’ poeżiji normalment hu kkundannat li joħroġ mill-poeta nnifsu.
Ġorġ Peresso fl-introduzzjoni tiegħu dwar il-ktieb li saret waqt Poeżijaplus innota li l-poeżija ippreżentata f Battuti għall-Inżul ix-Xemx « hija denudazzjoni, kxif għarwien u beraħ tar-ruħ – hi x’inhi r-ruħ. Imma mhux biss. Ukoll tal-ġisem. »

Charles Scerri jinħass inklinat soċjalment fi vrusu u ma jiddejjaqx joħroġ għonqu biex jipprotesta kontra dak li qed ixejjen id-dinjità umana. Ivan De Battista jikteb dwar l-insigurtà tal-ħajja imma fl-istess waqt dwar il-bżonn li jitmiegħek fiha. Is-solitudni tinħass kumpann miegħu f’dan il-vjaġġ li l-poeta mhux dejjem jaf fejn se jieħdu u jwasslu. Albert Marshall jesperimenta b’ diskors liturġiku u maġiku u jifrex fuq tila l-awtobijografija tiegħu. L-irriverenza lejn l-irreverenti hi tema li taffaxina lil Marshall u hawnhekk il-poeta ma jżommx lura li jtajjar il-kbarat. Il-poeżija ta’ Marshall għandha mil-logħba domino.

Ċelebrazzjoni tal-Istat Malti bil-Poeżija u l-Fotografija

J. Elizabeth Roche ppubblikat ma’ Island House Projects il-ktieb Cat Tails from Malta. Permezz tal-ġeneru tal-poeżija, l-awtriċi tistieden lill-qarrejja tagħha biex jiskopru l-ġmiel ta’ din l-art Maltija. Mhux awtur barrani jew tnejn kitbu dwar art twelidna minkejja ċ-ċokon ristrett tagħha li xi drabi għalina jidher soffokanti. Il-barranin kitbu dwarna kemm proża fittizja kif ukoll riċerka. Din il-kullana ta’ interess, fil-gżira tagħna, tmur lura saħansitra fl-ibgħad żminijiet; fi żmien il-Griegi. Thomas Freller tana ktieb interessanti dwar l-awturi, mhux ta’ nazzjonalità Maltija, li kitbu dwar Malta.

L-awtriċi fid-daħla tal-ktieb tistqarr kif Malta serqitilha qalbha u xtaqet tippreżenta innu lil dan in-nazzjon. Hawnhekk hi tlaqqana’ ma’ żewġt iqtates u l-avventuri tagħhom u paġna wara paġna anki permezz tal-fotografija jibdew ħerġin il-glorji tal-gżira tagħna kemm dawk naturali kif ukoll li jintrabtu mal-istorja; postijiet li wħud minnhom saru familjari magħna tant li ma nagħtux kashom.

Dan hu ktieb miktub u ddisinjat b’ħafna entużjażmu u mħabba. Żgur li fih valur edukattiv speċjalment jekk jinqara mit-tfal. Il-poeżija hija miktub b’mod aċċessibli u r-ritmu huwa effettiv ħafna. Minn ħin għall-ieħor, l-awtriċi użat lessiku Malti li fl-aħħar tiġbru fi glossarju biex tgħin lill-qarrej barrani jifhem u japprezza l-ambjent Malti.

Il-ktieb ġie mitbugħ fi stamperija ewlenija Maltija.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s