L-Ewwel Att tal-Istorja tal-Ġiżwiti Ppubblikat

Din is-sena, il-Ġiżwita Anton Azzopardi tebagħ l-istorja tal-Provinċja tal-Kumpanija ta’ Ġesù. Il-ktieb A Province in the Making jiffoka fuq il-Ġiżwiti f’Malta fil-perjodu 1839 u 1947. Ta’ min jirrimarka li din mhux l-ewwel pubblikazzjoni ta’ Azzopardi li b’xi mod tmiss ma’ din il-komunità f’Malta. Bejn l-2002 u l-2008, biss biss huwa ppubblika erba’ kotba dwar l-iskejjel li waqqfu l-Ġiżwiti f’Malta. Interessa ruħu wkoll f’diversi temi reliġjużi oħrajn bħall-ekumeniżmu, id-dommatika u l-fidi.

Il-Ġiżwiti f’Malta għandhom storja mqallba mhux ħażin. Biss biss fl-1768 fi żmien il-Gran Mastru Pinto, huma ġew eżiljati minn Malta. Il-Ġiżwiti, oriġinarjament, ġew Malta fl-1592 fejn waqqfu l-Collegium Melitense. Fuq ix-xenarju internazzjonali, fl-1773 il-komunità kollha tiġi xolta. Iridu jgħaddu sal-1814 biex terġa’ titwaqqaf l-Ordni. Inċidentalment jew le, f’ Malta dawk kienu żminijiet ta’ bidliet. Il-Franċiżi kienu tefgħu ’l barra lill-Ordni ta’ San Ġwann. Ftit xhur wara, il-Franċiżi tkeċċew mill-Ingliżi u dawn għamlu numru ta’ snin indeċiżi jekk iżommux il-blata Maltija.

Il-ħin f’Malta tista’ tgħid li l-Ġiżwiti mlewh sew grazzi għall-ħidma tagħhom fil-qasam pastorali u edukattiv. Ilkoll nafu bil-Kulleġġ San Alwiġi li minn dejjem kien torċa importanti fl-istorja tal-edukazzjoni Maltija. Is-seklu dsatax f’Malta ma kienx wieħed kalm u l-Ġiżwiti sabu ruħhom fil-mira tal-Protestanti Ingliżi u r-refuġjati Taljani li Malta kienet saret art fertili ta’ tixwix favur l-unifikazzjoni tal-ġara, l-Italja. Iż-żewġ naħat ma tantx urew entużjażmu u fervur lejn din l-Ordni anki minħabba r-relazzjoni u l-konnessjoni storika tal-Ġiżwiti mal-Papa li fl-aħħar mill-aħħar kellu ammont imdaqqas ta’ kilometri ta’ art u allura kien ostaklu fil-proġett tal-unifikazzjoni Taljana.

L-awtur uża diversi għejun biex jasal għall-prodott aħħari tiegħu. Personalment, inħoss li kien jagħmel aħjar li kieku dawn is-sorsi qasamhom fi tnejn: is-sorsi primarji u dawk sekondarji. Din hija l-ewwel lezzjoni li jitgħallem kull student tal-Istorja. L-awtur għandu ħsieb li jippubblika volum ieħor dwar l-istorja tal-Ordni li jibda mill-1947 ’il quddiem meta titwaqqaf Viċi-Provinċja Maltija għaliha.

Poeżiji Ħajja kontra l-Bruda

Il-ġabra ta’ poeżiji Żugraga tintroduċi fil-qasam letterarju lin-Nadia Mifsud; leħen ġdid fis-settur letterarju li tgħix fin-nofsinhar ta’ Franza. Fiżikament, din taf tidher ġabra żgħira ta’ poeżija imma marsusa bejn iż-żewġ qoxriet hemm pakkett intens ta’ vrus jikwu fis-sentiment li diffiċli jħalluk biered jew sieket. Hija l-poeżija li trid tispara lilhinn mill-ktieb.

Din hija ġabra li trid taqta’ fil-laħam il-ħaj u tiskomoda lill-qarrej imqar meta tiddiskuti sempliċi tempesta fir-relazzjonijiet umani. Mifsud, fil-fehma tiegħi, tinħass iktar effettiva fil-versi qosra li fi ftit kliem jgħidu xenarju sħiħ u huma iktar effettivi. Hija poeżija li ma tilgħabx bid-diskors u donnha anki fil-preżentazzjoni tal-poeżija tagħha, Mifsud trid twaqqa’ l-ħitan u tippenetra fil-ġewwieni tal-qarrej tagħha. Donnha hi xewqana li anki darba li jingħalaq il-ktieb, il-qarrej jibqa’ jtiegħem dawn il-versi.

Żugraga ilissen il-versi ta’ mara li ġarbet l-esperjenza li ssir omm, li ftit il-lum ironikament japprezzaw biżżejjed, imma wkoll tħoss il-bżonn li tħares lejn il-mixja tal-ħajja mill-ottika femminili. U bla dubju tiftiehem il-mistoqsija tagħha fejn huma n-nisa tagħna l-Maltin li ħallew isimhom fl-istorja.

Huma poeżiji fil-maġġor parti li jqarqu bik kemm għax jidhru qosra u kemm għax jinħassu sempliċi. Agħar minn hekk taf tingħata l-impressjoni li jiftiehmu mal-qarrej imma iktar ma tidħol fil-fond tintebaħ li taħt l-apparenza sempliċi hemm saffi oħrajn. Żugraga hu vjaġġ ta’ qalb, ta’ moħħ u ta’ ruħ li kontinwament iħaddmu l-analiżi. Mifsud iġarrab l-uġigħ, tiddistillah u tipprova tifhmu. Bosta drabi jaqbeż paradoss jew moffa jew pożizzjoni qarsa li ssallab. Ta’ Mifsud mhix mara tapit. Hija l-mara għandha postha fl-istorja. Hija iktar mill-magna bijoloġika bla ma tinsa l-importanza taċ-ċiklu tal-kontinwità.

Anki jekk fil-labirint, Mifsud ma tagħżilx il-kompromess jew tħalli li ċ-ċirkustanzi jisħqulha rasha.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s