Gwida għall-Wirt Arkeoloġiku Malti u Dinji

Allied Publications, ftit tal-ġimgħat ilu, tebgħet il-ħames edizzjoni tal-ktieb Malta an Archaeological Guide ta’ David Trump. Din il-gwida tiffoka fuq qasam importanti fil-wirt ta’ Malta-stat: il-fdalijiet arkeoloġiċi. Huwa wirt li fuq kollox jinteressa lil setturi wiesgħa ta’ turisti li jiġu jżurna matul is-sena. Is-sabiħ ta’ din il-gwida hu li din il-pubblikazzjoni hi ddedikata kollha kemm hi għal dan l-aspett meta ġeneralment fil-kotba għat-turisti, dan it-tagħrif ikun limitat għall-kapitlu wieħed b’diversi dettalji ħfief u ġenerali ħafna.

Din il-gwida għalhekk tolqot żewġ għanjiet: hi fuq kollox, għalkemm probabbli dan ma kienx il-fattur ewlieni għall-pubblikazzjoni, ċelebrazzjoni għall-poplu ħawtiel lokali biex iħossu kburi b’pajjiżu u gwida għat-turist, li jiġi jżurna, fejn jista’ jesperjenza vjaġġ uniku fl-ibgħad żminijiet.

Hija kważi meravilja kif f’pajjiż daqstant żgħir nistgħu nitkellmu fuq wirt daqstant għani. Ibda mill-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni (li tistagħġeb kif il-bniedem ta’ dik il-ħabta rnexxielu jinżel daqstant fil-fond taħt l-art b’għodod primittivi) sal-maqdes ta’ Ħaġar Qim u l-Ġgantija t’Għawdex. Biss biss għandna iktar minn għoxrin tempju mxerdin fil-gżejjer tagħna.

It-twaqqif ta’ Heritage Malta kien pass importanti biex is-siti storiċi Maltin jinżammu fl-aħjar mod possibli. HM fehmet il-bżonn li l-mużewijiet u s-siti tagħha jkunu mhux biss miżmuma tajjeb imma fuq kollox organizzati skont kif titlob ix-xjenza tal-mużewijiet. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-postijiet għandhom ikunu esperjenza unika fihom infushom għall-viżitatur. Il-kelma mużew kultant tevoka fina ċerta reġimentazzjoni li taqtagħlek nifsek, li tfakkrek fil-klima tal-funerali, imma d-dinja kulturali fehmet tibdel il-kunċett u Malta ma bqajniex lura. Ma jfissirx li kollox hu perfett fis-settur imma mxejna.

L-istudji f’din il-qasam tista’ tgħid li jmorru lura għal żmien Ġan Franġisk Abela li fl-1647 ippubblika l-famuż Della Descrittione di Malta. Ma jfissirx li dak li kiteb kien vanġelu jew dejjem preċiż. Għall-kuntrarju. Imma bla dubju tefa’ żerriegħa li fis-sekli ta’ wara kibret u ssaħħet. Fl-ewwel nofs tas-seklu 19, inkixfu t-tempji ta’ Ħaġar Qim, l-Imnajdra u l-Ġgantija. Pass deċiżiv wasal bis-saħħa tal-Ġiżwita Manwel Magri li bosta jafuh, fost l-oħrajn, bil-kontribut samm tiegħu biex il-ħrafa Maltija tkun iddokumentata. Dan l-aħħar is-Sależjan Charles Cini ħa ħsieb li jippubblika edizzjoni facsimile mill-isbaħ tar-rapport ta’ Magri tal-1906 dwar il-fdalijiet ta’ tempju megalitiku fix-Xewkija; proġett li ħadmu flimkien ma’ Daniel Cilia.

Ma naqsitx ukoll fil-qasam l-enerġija tal-kittieb Temi Zammit li fost l-oħrajn kixef il-maqdes ta’ Ħal Tarxien u seddaq il-kunċett ta’ Mużew tal-Arkeoloġija. Iktar wara tibda era interessanti ta’ organizazzjoni tal-wirt imsemmi. Fix-xenarju jidħlu fost l-oħrajn John D. Evans, l-istess Trump (li qatta’ ħames snin jaħdem mal-Mużew) u iktar tard il-Professur Anthony Bonanno li ħeġġeġ diversi żgħażagħ biex jistudjaw l-arkeoloġija f’livell universitarju.

F’dan il-ktieb, Trump jagħti t-tagħrif bażiku meħtieġ dwar is-siti lokali u bla ma trid iktar ma taqrah iqabbdek aptit li ssir taf iktar fuq il-passat li finalment traċċi tiegħu jiġru f’demmna. Il-gwida hija wkoll stedina fiha nnifsha għall-żjara fil-postijiet imsemmija. Isem alternattiv għall-dan il-ktieb seta’ jkun Malta an Archaeological Paradise.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s