Id-Djar tal-President

At Home with the President, pubblikazzjoni Allied u editjat minn Laurence Grech (ex editur ta’ The Sunday Times), ilaqqgħana mal-palazzi li jokkupa l-President tar-Repubblika Maltija. Fuq kollox, jiddokumenta t-tibdiliet li dawn il-Presidenti u s-sinjuri tagħhom wettqu biex dawn il-postijiet jinżammu f’kundizzjonijiet tajbin. Tista’ tgħid li kull kopja ħalliet marka jew tnejn partikulari tagħha biex dawn il-postijiet jkunu ċentri ta’ glorji kif jixirqu.

Il-kariga presidenzjali f’Malta, tista’ tgħid li b’mod ġenerali, twettqet bl-ikbar żelu minkejja l-fatt li l-Presidenti Maltin, bl-eċċezzjoni tal-għaref Anthony Mamo, kollha ġew minn sfond politiku attiv ħafna. Minkejja dan, ilkoll fehmu li l-President mhux rwol politiku imma figura nazzjonali li tgħaqqad stat-nazzjon. Il-President fl-aħħar mill-aħħar hu missier l-istat. Hu minnu li mhux dejjem il-partijiet politiċi qablu dwar il-kandidati għall-ħatra, imma min aċċetta l-impenn dan fehmu tajjeb u stinka kemm felaħ, anki jekk ma kienx jagħmel dan bit-trombi, biex politikament in-nazzjon jimmatura.

Kif joħroġ minn dan il-ktieb, il-President għandu kariga iktar minn dik ċerimonjali kif tidher prima facie. Iktar ma’ għadda ż-żmien iktar il-presidenti fehmu li għandhom jkunu viċin in-nies iktar milli ostaġġi fil-palazzi tagħhom.

Din il-pubblikazzjoni qed toħroġ sena wara l-ħatra ta’ George Abela fil-kariga presidenzjali; pass li bla dubju niżel tajjeb ma’ kulħadd. Fuq kollox, wera l-maturità kbira ta’ gvern li għaraf ma jippolitiċizzax din il-ħatra. Fid-daħla tal-ktieb, Abela jiddeskrivi l-President bħala kustodju tal-wirt kulturali tan-nazzjon u tista’ tgħid li dan il-ktieb hu dwar dan.

Il-ktieb jinqasam f’żewġ taqsimiet: l-ewwel taqsima hija ddedikata għall-presidenti emeriti fejn dawn jew il-qraba tagħhom tkellmu ma’ Marija Schranz dwar ix-xogħlijiet li wettqu fil-palazzi biex il-binjiet jibqgħu f’kundizzjonijiet tajbin u t-tieni taqsima hija dedikata għall-palazzi nfsuhom. Simon Poulton u Tonio Lombardi, bis-saħħa tal-kameras tagħhom, jagħtuna dokumentazzjoni interessanti ta’ dawn il-palazzi li ftit minna kellhom ix-xorti li jżuru speċjalment il-Palazz ta’ San Anton u Palazz tal-Verdala.

Fihom infushom dawn ir-ritratti jwettqu l-fatt li anki Malta nazzjon żgħir għandha wirt sinjur li mhux dejjem apprezzajnieh jew fehmieh biżżejjed. Fl-aħħar mill-aħħar fil-ġebel ta’ dawn il-palazzi, hemm il-ħidma u l-bijografija ta’ missirijietna li afu t-tbatija imma qatt ma baxxew rashom għall-apatija. Dan mhux pattrijottiżmu sfurzat jew skadut! Kif jikkummenta Antonio Espinosa Rodriguez, dawn il-palazzi kienu xhieda ta’ waqtiet importanti fl-istorja ta’ ġensna. Fihom ġiet espressa bl-iktar mod ċar ir-rieda tal-poplu Malti.

Wieħed ma jistax ma’ jikkummentax ukoll dwar is-sbuħija tal-pubblikazzjoni. Min hu xettiku dwar il-ktieb Malti żgur li hawnhekk isib x’jikkontradixxi x-xettiċiżmu tiegħu.

Id-dħul minn dan il-ktieb se jmur għall-Malta Community Chest Fund li President wara ieħor ħadem biex l-ifqar fost il-fqar ikunu megħjuna.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s