Poeżija ta’ Klassi

Poeta li għandu l-kapaċità rari, li ma ssibhiex wisq, li jilgħab u jinċana l-kliem hu Louis Briffa. L-awtur imsemmi, ftit tas-snin ilu, rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-ewwel ġabra tal-poeżija tiegħu Bil-Varloppa. Fiha nnifisha, dik kienet ġabra li ssammrek bil-kontenut frisk u attwali. Kien ktieb robust b’analiżi ta’ diversi kritiċi letterarji lokali.

Għażla minn dawn il-poeżiji issa nqalbu fl-Ingliż minn Rose Marie Caruana u hekk twieled il-ktieb The Tale of a Grasshopper and a Tomato and other Poems. Tista’ tgħid li l-maġġoranza tal-poeżiji, f’din il-ġabra ġdida, huma meħuda mill-ġabra Bil-Varloppa. Briffa żied ukoll poeżija ġdida li kiteb riċentament.

Ta’ min jinnota, il-produzzjoni sabiħa li għandu l-ktieb b’qoxra iebsa u b’żigarella li żżomlok il-kont fejn wasalt. Fil-proġett, ħa sehem ukoll l-artist Pierre Portelli li ddisinja l-qoxra u stampatur ewlieni li għandu l-makkinarju biex is-suq Malti jista’ jkollu ktieb ta’ dan it-tip u ċertu livell. Wara kollox trid tkun miġġielda l-idea preżenti, li m’hemmx bżonn investiment sostanzjali għall-produzzjoni tal-ktieb tal-poeżiji. Qisu ktieb tal-poeżija hu sempliċiment irmiexk jew ġeneru periferali.

Is-sħubija tal-Malta fl-Unjoni Ewropea, fuq livell kulturali, imponiet il-bżonn iktar minn qatt qabel, li l-poeżija u l-proża Maltija jinqalbu f’ilsna li jistgħu japprezzaw u jippenetraw l-Ewropej l-oħra. Irid jingħad li fejn qed imorru l-kittieba tagħna, barra mis-swar li jdawruna qed joħolqu interess fil-letteratura ta’ dan l-istat żgħir. Għad fadal xi jsir m’għandniex xi ngħidu imma hawn ċerta arja friska għaddejja fis-settur. Lanqas qed ngħidu li l-moviment tat-traduzzjoni beda l-lum. Wara kollox fil-passat, Vincenzo Maria Pellegrini, biex nagħtu eżempju, kien ħadem immens f’dan is-settur.

Irrid ikun enfasizzat sa mill-bidu l-punt li t-traduttriċi ta’ dan il-ktieb żgur li ma kellhiex intrapriża faċli. Għall-kuntrarju! Għax il-kelma, il-metafora, il-vrus u r-ritmi ta’ Briffa ma tistax tittrasferihom minn ilsien għall-ieħor daqstant faċli. Caruana imma jirnexxielha tgħaddi mill-eżami bl-unuri kollha. Tinħass attenta u fitta b’xogħolha tistad għall-preċiżjoni mingħajr ma tissoffoka u fl-istess ħin teqred is-sbuħija tat-test oriġinali.

Xieraq jissemma l-fatt li min-naħa ta’ Caruana, hemm sfond u preparament akkademiku b’saħħtu. Fl-2008, Allied Publications ippubblikaw it-traduzzjoni tagħha tar-rumanz Ġiżimin li qatt ma Jiftaħ ta’ Oliver Friggieri. Fil-futur qarib, se naraw iktar xogħlijiet tagħha li żgur se jintlaqgħu b’mod tajjeb mill-pubbliku qarrej u li jaf japprezza xogħlijiet bħal dawn.

Kif jirrimarka Charles Briffa fl-istudju għal din il-ġabra, l-esperjenza hija l-qofol tal-poeżija ta’ Louis Briffa. Hija poeżija mimlija b’sentiment, xpakkata b’doża qawwija ta’ impenn fil-kwadru maħluq sew jekk il-poeta qed jagħrbel relazzjoni intima sew jekk qed jifli esperjenza ta’ pajjiż jew sew qed jgħix esperjenzi oħra. Il-versi tal-poeta jvarjaw fil-forma u sew jekk versi moderni sew jekk jieħdu s-sura tradizzjonali, id-dixxiplina mitluba u mistennija, minn min irid jikteb il-poeżija, żgur li mhix ittraduta minn Briffa. L-irfinar jibqa’ ċ-ċavetta ewlenija tiegħu.

The Tale of a Grasshopper and a Tomato and other Poems huwa kisba importanti għall-poeżija Maltija.

It-Tazza tad-Dinja u l-Kotba

Ma jistax jonqos li l-pubblikaturi ewlenin, din is-sena, ħasbu f’pubblikazzjonijiet li jiffukkaw fuq it-Tazza tad-Dinja li għaddejja bħalissa fl-Afrika t’Isfel. Sempliċi riċerka f’websajts li jbiegħu l-kotba jitilgħu diversi titli mhux ħażin.

It-Tazza tad-Dinja hija festival ta’ logħob fejn minbarra l-kompetizzjoni, il-kulturi nvoluti joqorbu u jifhmu iktar lil xulxin. Il-gazzetta Sun għarfet tisfrutta l-mument u pprovdiet il-ktieb The Sun Guide to the 2010 World Cup biex iservi ta’ gwida għal dawk kollha interessati li jsegwu l-logħbiet. Fi ktieb bħal dan ma jonqsux ukoll għadd ta’ kurżitajiet dwar min qed jilgħab u kemm-il logħba rebħu.

Three Lions Versus the World ta’ Mark Pougatch ħareġ ftit ġimgħat qabel ma beda l-logħob u fil-ktieb l-awtur jiddiskuti l-esperjenza Ingliża matul iż-żminijiet fit-Tazza tad-Dinja. Ma naqsux pubblikazzjonijiet dwar l-istorja ta’ dan l-avveniment li jseħħ kull erba’ snin. The Story of the World Cup ta’ Brian Glanville ippubblikat f’April li għadda hu eżempju wieħed.

Death or Glory: The Dark History of the World Cup jieħu aspett differenti tat-Tazza tad-Dinja fosthom il-korruzzjoni. Dan il-ktieb hu miktub minn Jon Spurling. Fost l-oħrajn isemmi kif it-tim ta’ Zaire fl-1974, kien imwiegħed li jingħata tliet gowls vantaġġ jekk huma jitilfu kontra l-Brażil.

Għal dawk li jiddelittaw bl-istatistika, ma jonqsux kotba bħal The World Cup Quiz Book. Apparti dawn il-kotba informattivi ma naqsitx il-proża fittizja (ir-rumanz) bħall-Wags at the World Cup ta’ Alison Kervin, biex nieħdu eżempju wieħed.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s