WIRJA TAL-KOTBA TA’ TONY C. CUTAJAR

Id-Dipartiment tal-Libreriji u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, bħala parti mill-Kampanja Libreriji, qed jorganizzaw wirja ddedikata għall-kotba letterarji ta’ Tony C. Cutajar fil-librerija pubblika fil-Floriana. Din il-wirja tibqa’ miftuħa matul ix-xahar kollu ta’ Ġunju. Fost ix-xogħlijiet tal-awtur insibu kotba ta’ avventuri u “text books” għat-tfal żgħar, drammi għall-iskejjel, radjudrammi, rumanzi għaż-żgħażagħ, drammi soċjali, traduzzjonijiet, leġġendi, eċċ. Fl-1905, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann ippreżenta lis-Sur Cutajar bil-Mertu San Ġwann għax-xogħol letterarju tiegħu u sentejn wara huwa rebaħ il-Premju tal-Ktieb Nazzjonali tas-Sena. Ta’ interess speċjali f’din il-wirja hemm xi wħud mill-ħafna disinji oriġinali li jinsabu f’dawn il-kotba magħmulin minn artisti differenti.

Dan l-awtur ilu jikteb ‘il fuq minn erbgħin sena u huwa magħruf għall-kotba tat-tfal ta’ kull età. Eluf ta’ studenti ppreparaw għall-eżamijiet tal-Junior Lyceum permezz tal-kotba tiegħu, bħall-Falcon Books u In-Naħla, u fil-klassi użaw 9 kotba taħt l-isem ta’ Il-Ġojjin kif ukoll Ġojjin Ieħor. Fl-2007 l-awtur rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-ktieb edukattiv Id-Drawwiet li warajh ħareġ Is-Servizzi fis-serje Kullana għat-Tfal. Is-sena l-oħra l-Kummissarju tat-Tfal talbitu jikteb storja in konnessjoni mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal u li għandu jitqassam fl-iskejjel sekondarji kollha. Il-ktieb se jkun jismu Il-Kompetizzjoni b’disinji sbieħ ta’ David Schembri.

F’dawn l-aħħar 13-il sena, dan l-ex-għalliem iddedika l-ħin liberu tiegħu jikteb rumanzi speċifikament għaż-żgħażagħ, kull wieħed minnhom in konnessjoni ma’ xi episodju mill-istorja ta’ Malta. Naturalment, din tkun storja b’familja jew għaqda fittizja li jsibu ruħhom f’xi avventura eċċitanti jew misterjuża. Minbarra dik in-naqra ta’ umoriżmu, l-istejjer jinkludu ħjiel edukattiv u ta’ mġiba tajba, iżda dejjem b’mod sottili. Huma kotba miktubin b’idjoma Maltija mirquma ħalli l-istudenti tal-lingwa jesperjenzaw kitba tajba minbarra li jiltaqgħu ma’ ħafna tagħrif storiku u informazzjoni ġenerali

Aħwa Bla Ma Jafu huwa l-aħħar ktieb u l-50 pubblikazzjoni ta’ Tony C. Cutajar. Dan ir-rumanz popolari jikkonċentra fuq l-iskjavitu fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann. Hawn niltaqgħu ma’ familja nobbli mill-Imdina li jaddottaw skjav li l-esperjenzi koroh li kellu kemm dam ma’ wieħed bidwi jġagħlu lill-Inkiżitur jieħu azzjoni drastika. Il-Misteru tar-Rotunda huwa rakkont dettaljat tal-aħħar gwerra dinjija u minn dak li għaddew minnu l-familji Mostin u tal-kumplament ta’ Malta. Dan huwa l-uniku rakkont tal-gwerra miktub bil-Malti għaż-żgħażagħ li ftit li xejn jafu minn xiex għadda pajjiżna f’dawk iż-żminijiet koroh.

Tony C. Cutajar ħareġ numru ta’ kotba b’temi soċjali. Il-Misteru tal-Magħlaq huwa dwar żewġt itfal li jitkeċċew minn darhom għax jinqabdu jieħdu d-droga u jisirqu lil ommhom. Ikun wieħed għalliem li jeħodhom f’idejh u jġagħalhom jibdew jinteressaw ruħhom fil-preistorja. Kollu Tort tan-Nannu hija esperjenza traġika ta’ żagħżugħ li l-ġenituri tiegħu jisseparaw iżda l-ħbiberija ta’ ħabib tal-iskola u l-familja tiegħu tbiddillu ħajtu. Ktieb li ħareġ is-sena l-oħra huwa Il-Misteru ta’ Bieb is-Sultan li jitratta l-leġġenda ta’ Bieb Hompesch u l-bust tal-Gran Mastru fuq il-bini. Hawnhekk għandna rakkont dwar x’għadda minnu r-raħal ta’ Ħaż-Żabbar fi żmien l-okkupazzjoni Franċiża.

Kotba oħra mill-istess awtur li m’għandhomx x’jaqsmu mal-istorja ta’ Malta jinkludu triloġija magħmula minn radjudrammi popolari li fl-imgħoddi xxandru fuq ir-Rediffusion, Radju Malta, Radio 101 u l-RTK. Dawn huma Mhux skond iz-Zokk li rebaħ it-tieni premju fiċ-ċerimonja tal-Ktieb Nazzjonali tas-sena 2007, Il-Vendetta u Tmiem Qares li se joħroġ din is-sena. Id-drammi magħżula kienu fost l-aħjar episodji drammatiċi u esperjenzi mill-istorja u dawn jinkludu l-ismijiet u d-dati ta’ atturi magħrufin bħal Ineż Farrugia, Vitorin Galea, Hector Bruno, Manwel Cassar, Marika Mizzi, Michael Sciortino, Joanna Drake, Jackie Bartolo u oħrajn. Ktieb ieħor ta’ radjudrammi li għadu mhux ippublikat huwa Fniek tal-Indi mis-Sema, kif ukoll Il-Kavallier taċ-Ċinju li huwa kollezzjoni ta’ erba’ stejjer romantiċi.

Jistennew fil-kompjuter tal-kittieb hemm numru ta’ stejjer eċċitanti li qed jistennew li jiġu offruti lill-pubblikaturi. Fosthom insibu Il-Mirakli tas-Saħħar, studju riċerkat tal-ħajja f’Malta fi żmien ir-Rumani b’riferenza speċjali għal San Pawl u l-esperjenzi ta’ familja Rumana u oħra Maltija. Il-Lhudi ta’ Malta huwa traduzzjoni tal-kitba klassika u kontroversjali ta’ Christopher Marlowe li nfluwenzat il-“Merchant of Venice” ta’ Shakespeare. Il-Misteru tal-Imdina jew Ġarra Deheb hija avventura bbażata fuq muniti tad-deheb misjuba meta kien qed jitkabbar il-katidral tal-Imdina wara t-terremot tal-1693. De Valette, l-Assedju u l-Belt Valletta huwa studju ieħor dettaljat dwar dawn it-tliet avvenimenti importanti fl-istorja ta’ Malta. L-Ingliżi Jisparaw fuq il-Maltin huwa rakkont ħaj dwar dak li ġara fis-7 ta’ Ġunju 1919 meta t-truppi Ingliżi sparaw u qatlu fuq erba’ Maltin.

Jistennew ukoll biex jiġu ppubblikati hemm żewġ rakkonti qawwija u intensi konnessi mal-Olokawst, Reżistenza taż-Żgħażagħ u Tfal u Żgħażagħ tal-Olokawst. Żewġ stejjer eċċitanti oħra li għandhom x’jaqsmu mal-ewwel Kruċjati huma Il-Kruċjata tat-Tfal u Iż-Żagħżugħ Imġiddem. Żewġ stejjer moderni u topiċi li ma jdumux ma joħorġu fis-suq huma Ħabib fil-Bżonn dwar persuni bi bżonnijiet speċjali u Il-Lewn tal-Ġilda, storja matura dwar ir-razziżmu. Mudelli famużi u mhux daqstant famużi għaż-żgħażagħ huma ppreżentati f’żewġ manuskritti oħra bl-ismijiet ta’ Meta Kienu Żgħar u Eroj u Mudelli Żgħażagħ.

Fl-aħħar nett, u qabel Tony joħroġ b’xi ħaġa ġdida, għandu żewġ studji riċerkati, wieħed se joħroġ ma jdumx u li jismu Il-Magħmul u l-Għajn Ħażina u l-ieħor Introduzzjoni għall-Opri Popolari, kollezzjoni tal-20 opra l-iktar popolari li ntwerew f’Malta f’dawn l-aħħar mitt sena, fosthom “Il-Barbiere di Siviglia” li saret 100 darba f’pajjiżna u 421 darba fid-dinja.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s