Storja ta’ Union

George Cassar huwa l-awtur u l-editur ta’ diversi puibblikazzjonijiet li jmissu direttament mal-Istorja ta’ Malta u s-Soċjoloġija. Fl-okkażjoni tal-mitt sena mit-twaqqif tal-Malta Union of Teachers, huwa kien ikkummisjonat mill-għaqda tal-ħaddiema msemmija, biex jikteb l-istorja tagħha. Il-ktieb ħareġ fl-2009 u ngħata l-isem Inside the Malta Union of Teachers (1919-2009). Tista’ tgħid, b’ċertezza, li Cassar kien fost il-kandidati ideali biex jikteb din l-istorja peress li għad-dottorat tiegħu, hu kiteb teżi dwar il-professjoni tal-għalliema bejn is-snin 1800 u 1919.

L-istorja ta’ trade union qatt mhi sewda jew bajda u, bla dubju, mhux dejjem faċli biex tkun imħallef dwar l-azzjonijiet tagħha. Għax l-istoriku mhux kronista jew kompilatur ta’ rapport. L-istoriku, indipendentament mill-alleanzi u l-ideat personali tiegħu, meta jiġi biex jikteb, irid jagħrbel il-fatti sew biex jasal għall-konklużjoni dinjituża li mhux bilfors tkun milqugħa minn kulħadd. Imma jekk jiġri dan, it-teżi ppreżentata, trid tinbena fuq l-istudju tal-fatti u l-analiżi u mhux il-ħrejjef jew is-sħab. L-argument jew in-nuqqas ta’ qbil fl-istorja irid ikun studjat. Per eżempju, f’The Times bħalissa għadejja polemika bejn żewġ professuri dwar dokument tas-seklu tnax li ġie ppubblikat riċentament li skont min sabu jitfa’ dawl ġdid fuq il-kontinwità fit-twemmin minn San Pawl sa żmien l-Għarab u wara.

L-MUT qatt ma kienet xi trade union dgħajfa u silenjuża u minn żmien għall-ieħor tat is-soluzzjonijiet tagħha b’risq il-problemi tan-nies li qed tirrapreżenta u dan mhux dejjem niżel għasel mal-politiċi. Għax wara kollox, biex tkun union tajba, ma tistax taqbel dejjem mad-diska tal-gvernijiet tal-ġurnata jew agħar, minn hekk, tiżżewweġ mal-gvernijiet. Li tkun kontra lanqas tfisser li tfixkel mil-lat l-ieħor. U din hi waħda minn sensiela ta’ diffikultajiet li se jsib min se jidħol għal kitba ta’ dan it-tip għax il-klijent li jikkommisjona xogħol bħal dan, bla ma jrid, jippretendi li jkollu stampa pożittiva u kkulurita kemm jista’ jkun. Imma l-istoriku ma jistax jigdeb. Ma jistax jgħawweġ il-fatti. Jekk jagħmel hekk ikun qed jittradixxi d-dixxiplina tiegħu stess. Wieħed japprezza kemm ħidmet Cassar kienet iebsa f’dan ir-rigward.

L-awtur bena din l-istorja tiegħu fuq dokumenti minn ġewwa u minn barra. Id-dokumenti ta’ ġewwa nkludew il-kotba tal-minuti tal-union, files ta’ korrispondenza u r-rivisti li l-union ħarġet matul is-snin. Kieku l-awtur ma ngħatax aċċess għal dawn id-dokumenti, speċjalment dawk primarji, allura x-xogħol aħħari kien ikun fażull. Għax l-istorja ma tistax tibnieha biss mill-gazzetti jew dokumenti sekondarji.
Ma tistax ma tinnutax li dawn id-disgħin sena tal-union, kienu fl-istess waqt disgħin sena fl-iżvilupp ta’ pajjiż. Dan il-pajjiż tgħallem, mhux mingħajr spejjeż u nkwiet, li jista’ jimxi għal rasu, mingħajr ħakmiet li joħonquh għat-tgawdija tiegħu. Kienu disgħin sena li fuqhom il-miżien tal-istorja ra minn kollox: żewġ gwerer – tat-tieni tħalli effetti kbar fuq il-popolazzjoni Maltija -, it-twelid ta’ servizzi soċjali, ftuħ ta’ skejjel, snin ta’ emigrazzjoni, tliet referenda kruċjali, il-kisba tal-Indipendenza, Malta ssir Repubblika, l-għeluq tal-bażi Ingliża, qtil u vjolenza politika, attakk fuq dar il-Kap tal-Opożizzjoni Nazzjonalista, tliet ġlidiet politiċi-reliġjużi, elezzjonijiet jaħarqu nirien, u s-sħubija Maltija fl-Unjoni Ewropea.

Kienu disgħin sena li matulhom l-MUT ma setgħetx tibqa’ siekta, kemm għall-ġid tal-pajjiż kif ukoll għax futur l-imsebħin tagħha kien inċert. Kienu disgħin sena li fissru ħidmiet ma’ Gvernaturi, Ministri u Diretturi tal-Edukazzjoni differenti. Wisq probabbli, l-istrajk tal-1984, kien l-iktar żmien diffiċli għall-union. Wieħed ma jistax ma jammettix kemm is-settur edukattiv inbidel matul dawn id-disgħin sena. Litteralment, mix-xejn fejn l-edukazzjoni kienet għall-klikka u l-gvern Ingliż kien jużaha kif jaqbillu, wasalna għal żmien fejn il-popolazzjoni għoliet fl-Università lokali. Minn illiteriżmu kbir, imxejna għal riformi kbar fl-edukazzjoni. Ittieħdu deċiżjonijiet għaqlin bħall-ftuħ l-MCAST. L-aħħar waħda ftit jiem ilu: it-tmien tal-eżami tal-Junior Lycuem. Żgur li ma ħriġniex ta’ rġiel meta l-edukazzjoni ntużat bħala ballun politiku.

Cassar kellu sfida kbira biex jikteb dan ix-xogħol. Ħadem bilgħaqal u bil-paċenzja u l-istorja tal-union poġġieha, kif titlob id-dixxiplina, fil-kuntest tal-istorja nazzjonali. Il-ktieb fih diversi ritratti li fihom infushom jgħidu storja importanti fil-ħajja tal-Malta Union of Teacher

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s