Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb (Kotba 2009)

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jgħarraf li, permezz ta’ premjijiet u għotjiet, se jingħata għarfien għall-aħjar xogħlijiet bil-Malti u b’lingwa oħra li ġew ippubblikati għall-ewwel darba fi ktieb matul is-sena 2009. Importanti li d-data tal-pubblikazzjoni tkun tidher xi mkien fil-ktieb inkella ktieb jiġi skwalifikat milli jieħu sehem.

Biex ktieb ikun eleġibbli li jipparteċipa għall-Premju irid ikun fih talinqas 80% tal-kontenut mhux ippubblikat qabel. Kull ktieb jista’ jingħata massimu ta’ 300 marka (massimu ta’ 100 minn kull wieħed mit-tliet ġurati). Ktieb li jġib inqas minn total ta’ 200 marka ma jistax jieħu premju. Fejn hemm ktieb wieħed jew tnejn biss f’kategorija jew sotto-kategorija dawn jikkompetu fis-sena ta’ wara.

Jingħata premju ta’ 700 Ewro, trofew u ċertifikat lill-ewwel ikklassifikat u 450 Ewro u ċertifikat lit-tieni ikklassifikat għal kull waħda mill-kategoriji. Fir-rigward ta’ premjijiet addizzjonali jingħata biss l-ewwel premju ta’ 700 Ewro, trofew u ċertifikat lill-ewwel ikklassifikat.

Kategoriji li fihom normalment jingħataw żewġ premjijiet u li jiftħu bi tliet kotba jew anqas jingħata biss l-ewwel premju. Din ir-regola tibda tapplika fil-konkors għall-kotba ppubblikati fl-2010. Tapplika wkoll għall-kotba li jibqgħu mal-konkors għall-kotba ppubblikati fis-sena 2009.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirriserva d-dritt li jibdel il-kategorija indikata mill-awturi u/jew pubblikaturi jekk, fl-opinjoni tal-ġurija mqabbda għal dan il-għan, ix-xogħol ikun iddaħħal fil-kategorija żbaljata mill-parteċipant. F’dan il-każ, il-parteċipanti jiġu infurmati.

Il-parteċipanti jridu jissottomettu applikazzjoni għal kull ktieb fuq il-formola preskritta li tinġabar flimkien mar-regolamenti mingħand is-Segretarju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb c/o Librerija Pubblika Ċentrali, Floriana, tel. 21 222654, e-mail: joe.debattista@gov.mt u tintbagħatlu bil-posta elettronika

Il-parteċipanti għandhom jibagħtu erba’ kopji tal-ktieb. L-erba’ kopji (li ma jintraddux lura) għandhom jaslu għand is-Segretarju, Librerija Pubblika Ċentrali mhux aktar tard minn nofsinhar sal-Ġimgħa, 25 ta’ Ġunju, 2010.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirriserva d-dritt li jekk wara l-isforzi kollha neċessarji ma jinstabx li jkun hemm espert fil-lingwa inkwistjoni, il-ktieb b’dik il-lingwa ikun eleminat mill-kunsiderazzjoni għall-premju.

Għall-finijiet ta’ dawn ir-regolamenti jekk il-kontenut ta’ ktieb ikun 50% jew aktar viżwal (ritratti, illustrazzjonijiet, eċċ), awtomatikament bħala kompetitur, mal-awtur jidħol min ikun ħoloq il-kontenut viżwali. F’ każ ta’ rebħ ta’ premju, jinqasam bejniethom. Biss jingħata trofew wieħed b’isimhom it-tnejn fuq il-plakka.

Kull deċiżjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb hija finali.

Il-KNK jippromovi l-Awtur Malti

Fis-sitt xhur li għaddew, il-KNK ikkordina żewġ rubriki f’żewġ programmi televiżivi differenti fejn it-telespettaturi kellhom l-opportunità li jsegwu mill-qrib il-ħidma ta’ diuversi awturi, riċerkaturi u pubblikaturi.

Għar-rubriki li saru fuq l-Education 22 ħadu sehem Rita Antoinette Borg, Anselm Sciberras, Lino Spiteri, Clare Azzopardi, Carmel G Cauchi, John A. Bonello, Trevor Żahra, Joseph Vella Bondin, Philip Xuereb, Vincent Vella, Frans Attard, Alfred Palma, Mark Camilleri, Charles Casha, Chris Gruppetta, George Cassar, Tony C. Cutajar, u Stanley Fiorini. Dawn l-intervisti jintemmu fl-10 ta’ Ġunju, 2010.

Għar-rubriki li saru fuq Net TV ħadu sehem Sergio Grech, Trevor Zahra, Joe Camilleri, Oliver Friggieri, Pierre J. Mejlak, Ġorġ Mallia, Joe Friggieri, Charles Casha, Jesmond Grech, Ivan De Battista, Simon Bartolo, Mario Azzopardi, Robert Caruana, Joseph Muscat, Mark Scicluna, George Peresso. Joseph F. Grima, Anthony Aquilina, Adrian Grima, Mark Anthony Vella, John A. Mizzi, Mark Camilleri, Horace Portelli, Patrick J. Sammut, Charles Briffa u Alfred Palma.

Sadanittant, il-KNK se jibda ċiklu ieħor ta’ intervisti fuq Calypso TV, fil-programm ta’ filgħodu ta’ Twanny Scerri, kull nhar ta’ Ħamis fit-8 a.m.

Inġeddu l-impenn tagħna biex ngħinu fil-promozzjoni tal-ktieb u l-qari.

Tislima lil Dr Francis Cachia

Il-KNK jixtieq jieħu l-opportunità biex isellem lil Dr Francis Cachia li ħalliena ftit tal-jiem ilu. Cachia studja Malta, l-Ingilterra u l-Ġermanja. Ta sehmu f’diversi oqsma tal-ħajja mid-Diplomazija sal-waterpolo sat-tagħlim fil-livell universitarju.

Fost il-kotba tiegħu ta’ min isemmi Socio-Political Novels to TV Plays, Mystery of the Vanished Paintings, The La Valettes, Preservation and Progress : A Tale of Two Towns: Kaster and Bedburg u Profiles in Diplomacy.

Il-KNK jgħaddi l-għomor lill-familjari tiegħu. Bla dubju, l-entużjażmu ta’ Dr Cachia għall-ktieb u l-impenn tiegħu fil-komunità għandu jservi ta’ eżempju għall-bosta li għadhom jemmnu f’pajjiżhom.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s