Is-Sur Mastru, Bella, il-Professur u Proġetti oħra

Peter Paul Ciantar,
Rabat

http://www.illum.com.mt/2010/05/16/l3.html

Ngħid prosit mill-qalb lill-Bronk Productions Ltd għall-kuraġġ u l-ħila teatrali li wrew fil-preżentazzjoni tal-kummiedja soċjali Is-Sur Mastru, Bella, l-Professur u Proġetti oħra ta’ Joseph Vella Bondin li saret fl-Istitut. Mingħajr dubju ta’ xejn preżentazzjonijiet bħal dawn jgħollu l-livell tal-palk Malti anke f’teatru, bħal ma huwa dak tal-Istitut Kattoliku, magħruf bħala t-teatru tal-massa.

Niftakar meta dan l-istess xogħol teatrali kien sar xi snin ilu fit-teatru f’St. James Cavallier. Dak in-nhar kont ktibt li dnub li xogħol bħal dan ma kienx ipprovdut għal udjenza akbar. Ir-risposta kienet li l-udjenza massiva għall-palk Malti għadha ftit ’il bogħod biex tfittex kummiedji soċjali aktar matura bħalma hi din ta’ Vella Bondin.
Iżda biż-żmien, f’dan ir-rigward imxejna ’l quddiem ukoll, għax għalkemm fiż-żewġ rappreżentazzjonijiet it-teatru tal-Istitut Kattoliku ma kienx mimli daqs bajda xorta waħda nista’ ngħid li l-attendenza kienet waħda nkoraġġanti.

L-awtur Vella Bondin qiegħed ikun il-ħolqa importanti li jagħti lill-udjenza Maltija xogħlijiet kbar għall-palk, xogħlijiet b’messaġġi qawwija, imgeżwra b’laqtiet umoristiċi li jġegħluk tirrifletti u tistaqsi…għaliex il-liġi tan-natura hi f’ħafna drabi liġi li timbuttak għall-egoiżmu, il-korruzzjoni soċjo-politika u l-kilba għal flus? Din il-kummiedja hi r-risposta għal dawn ir-riflessjonijiet umani.

L-atturi tal-Bronk għarfu jwasslu lill-udjenza xogħol teatrali tassew impenjattiv. Il-linji sbieħ b’Malti mirqum sewwa, linji kultant twal u kultant qosra, imħawwar bi profondità ta’ ħsieb u miksura b’laqtiet umoristiċi, wasslu lill-udjenza xogħol teatrali ta’ livell għoli. Is-sehem tar-reporter (Antonella Galea Loffreda) kien il-mument li jgħin lil udjenza taħseb aktar ċar għal proġetti mbuttati mis-Sur Mastru (John Suda, li wkoll kien id-direttur kreattiv ) u minn Bella (Simone Zammit) u l-Professur (Joseph Galea), waqt li Pawlu Grima (Pierre Bonello) megħjun minn martu Franġeska (Stephanie Grech Mallia) isostnu t-twemmin ta’ ħokkli dahri u jien inħokk tiegħek, magħġuna mill-iżviluppaturi.

Wieħed hawn ukoll isemmi l-laqtiet umoristiċi tan-nannu (Tonio Vella), l-għajnuna tas-Segretarju (Kevin Spiteri), il-ħsieb żagħżugħ ta’ Gallina (Rosanna Zammit Cassar) u l-ħaddiema mas-Surmastru (Noel Calleja u Jonathan Grech).

Naturalment lil Benny Casha nixtieq ngħidlu prosit għax-xogħol u r-responsabbiltà li kellu biex lill-publiku seta’ jagħtih kummiedja soċjali tajba u b’messaġġi qawwija.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s