Għall-Ġieħ il-Volontarjat

Il-Moviment tal-Iscouts, il-ħlejqa tal-Ġeneral Sir Robert Baden Powell, għandu għeruq fondi ħafna f’Malta. Il-grupp Mosti, tista’ tgħid, li huwa fost l-iktar ħabbrieka f’Malta. Biex dan it-tħabrik, ikun irreġistrat għall-posterità, Charles Vella, li qatta’ għomru attiv fl-Iscouts Mostin, dan l-aħħar ippubblika r-riċerka tal-istoriku u soċjoloġiku George Cassar Onwards Mosta, The Life and Times of the Mosta Scout Group (1916-2008).

Hi ħaġa tal-istagħġib kif l-awtur irnexxielu jikteb u jikkompila din il-ġrajja meta tqis li dan mhux suġġett vast bħal per eżempju l-kostituzzjonijiet jew il-ħut. Il-ktieb imsemmi hu mimli b’xempji ta’ dokumentazzjoni oriġinali marbuta mal-grupp. Ħafna mir-ritratti u d-dokumenti primarji ppubblikati hawn qed jidhru għall-ewwel darba.

Sa ċertu punt, Cassar kellu sfida ikbar għax is-suġġett intmess ftit li xejn għajr Scouting in Malta ta’ John A. Mizzi li ħafna jafuh għall-kontributi tiegħu dwar it-Tieni Gwerra Dinjija. L-awtur għandu jkun imfaħħar li ma waqax fin-nassa tal-parrokjaliżmu kif jiġri sikwit meta tinkiteb storja ta’ raħal jew ta’ grupp lokali.

Il-moviment Mosti beda f’Diċembru 1916 u twieled fi ħdan l-Oratorju; post li għall-Mostin għandu tifsira ewlenija. Interessanti li għalkemm l-iscouts hu moviment lajk, fil-każ Mosti, kellu qassis li welldu: Edgar Salamone. Salamone kellu esperjenza qalb iż-żgħażagħ u din swietlu ħafna biex jiftaħ dan il-kapitlu eċitanti fil-Mosta. L-Iscouts, fil-qadi ta’ dmirijiethom, kellhom jippromovu l-valuri morali.

Jalla din il-pubblikazzjoni tkattar iktar eżempji bħal dawn.

Fiera ta’ Kotba waqt in-Notte Gozitana

Matul in-Notte Gozitana, li se tkun organizzata bejn l-14 u s-16 ta’ Mejju, se ssir fiera tal-kotba ta’ kittieba Għawdxin. Din se ssir f’ħanut apposta fi Pjazza Savina, ir-Rabat, Għawdex. Għal dawk li ma jafux lil Għawdex, Pjazza Savina tinsab ftit iżjed ‘il ġewwa mit-Tokk (Pjazza Indipendenza).

Il-ħinijiet tal-ftuħ se jkunu s-Sibt 15 ta’ Mejju mid-9.00 a.m. sa nofs il-lejl u l-għada, mid-9.00 a.m.sas-1.00 p.m.

Fondazzjoni Poeżija
Nhar it-Tnejn 31 ta’ Mejju, fis-7.30 p.m. fil-Bitħa tat-Teatru Manoel, il-grupp Poeżijaplus u l-Klabb Kotba Maltin se jniedu l-Fondazzjoni Poeżija.

Il-Fondazzjoni se taħdem biex toħloq klima favur il-poeżija f’Malta. Dan se tagħmlu b’intervisti fil-medja, artikli fl-istampa, internet u kull mezz ieħor li jkollha disponibbli għaliha.

Il-Fondazzjoni bis-saħħa tal-flus li joħroġu l-imsebħin se tintrabat li jiġu ppubblikati tal-inqas żewġ kotba tal-poeżija fis-sena. Il-Fondazzjoni se taħdem biex it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna japprezzaw il-poeżija.

Il-kotba, ippubblikati mill-Fondazzjoni, se jingħataw disinn u stil wieħed fil-forma ta’ kullana. Kull ktieb ma jeċċedix is-sitta u erbgħin faċċata.

It-tiratura tal-kotba ser tiddependi min-numru tal-imsebħin. Il-Fondazzjoni għandha l-pjan li l- ammont ta’ kotba żejda biex jinbiegħu għall-pubbliku. Il-prezz tal-kopji mibjugħa lill-pubbliku se jinżamm baxx kemm jista’ jkun biex tiġi megħjuna ċ-ċirkolazzjoni tal-poeżija f’Malta.

Se jkun hemm żewġ tipi ta’ membri: dawk li jħobbu l-poeżija bħala qarrejja u l-poeti nfushom li għandhom il-jedd li jippubblikaw kitbiethom.

Kull membru għandu dritt li l-Fondazzjoni toħroġ ktieb tiegħu tal-inqas darba kull ħames snin dejjem jekk bord maħtur apposta jagħżel il-kitbiet tiegħu.

Biex jingħażlu l-manuskritti jinħoloq mekkaniżmu ta’ l-għażla apposta. Ikun hemm bord li jrid jagħmel rapport serju fuq kull manuskritt li jidħol. Kull membru tal-Bord tal-Għażla jagħmel dikjarazzjoni li ħadd mill-kittieba tal-manuskritti ppreżentati ma’ għandu parantela u li m’għandu l-ebda interess. Dwar dan tiġi ffirmata dikjarazzjoni. Il-bord tal-għażla jkun magħmul minn individwi tal-inqas ikollhom il-grad universitarju.

Kull manuskritt ikun iġġudikat fuq il-mertu tiegħu u mhux fuq isem min qed jissottometti. Il-manuskritt ippreżentat għandu jkun xogħol oriġinali. Jinqatgħu barra mill-manuskritt dawk il-poeżiji li ġa dehru.

Iktar tagħrif jista’ jinkiseb minn sergiogrech@yahoo.com.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s