Il-Kisba tan-Nar

Il-mitoloġija Griega toffri fonti bla qiegħ ta’ stejjer, mimli kreattività, li ma jmutu qatt. Dawn l-istejjer huma xhieda u prodott tal-fantażija li l-bniedem minn dejjem ħaddem. Il-karattri, f’dawn l-istejjer, huma l-allat u diversi divinitajiet oħra – nisa u irġiel – bnedmin u mostri. Kważi lkoll smajna b’Żeus, l-alla l-kbir li kien jgħix fuq il-Monti Olimpus, u li kien iżewweġ lill-alla Hera u li ma tantx kien fidil lejha u kien magħruf għall-ħruxija tiegħu. Dan l-alla, tista’ tgħid, li għandu niċċa f’għadd kbir mill-istejjer mitoloġiċi.

L-istejjer tal-mitoloġija huma mimlijin azzjoni u fuq kollox spjegazzjonijiet fantastiċi ta’ kif ġraw ċerti fatti fid-dinja, li ħallew impatt jew effett fuq il-ħajja tal-bniedem. Huma stejjer mimlija avventura li bosta drabi jaqtgħulek nifsek bit-teatralità li fihom. Dan l-aspett jispjega r-raġuni għaliex iċ-ċinema minn żmien għall-ieħor ma naqsitx li timmortalizza xi storja mitoloġika jew tnejn. Fuq kollox, l-istejjer mitoloġiċi jikkonfermaw difett ewlieni fil-bniedem: dik li ma rebaħx iż-żmien u l-ħajja ta’ dejjem. Xi darba, kulħadd irid ikebbeb ħajtu u fi kliem Dante, jaqsam ix-xmara.

Ftit tal-ġimgħat ilu, Merlin Library Ltd ħarġet Il-Kisba tan-Nar, miktub minn Saviour Sammut u editjat minn Clare Azzopardi. Bħas-soltu, il-Merlin Library qed jaħdmu fuq idea innovattiva għax fis-suq Malti, dawn it-tip ta’ kotba, huma rari ħafna. Huwa tajjeb li l-kumpsnija tal-kotba, f’suq żgħir bħal tagħna, taħdem u tfittex possibiltajiet ġodda. Għax b’hekk jirbaħ il-qarrej. Fil-passat, meta allura ma kellniex daqstant testi għat-tfal Maltin x’jaqraw bħal-lum, ġeneri bħall-ħrejjef u leġġendi barranin kienu wkoll popolari.

Sammut jeħodna fuq vjaġġ interessanti ma’ wħud mill-karattri mitoloġiċi. Hu ktieb indirizzat għat-tfal imma, bla dubju, lill-kbar mhux se idejjaqhom lanqas għax fl-aħħar mill-aħħar, l-eroj li tant jispikka, fid-dinja mitoloġika, ilkoll infittxuh, immaterjali mill-età. Mill-ġdid, din hi t-tema li tispikka ħafna fiċ-ċinema għalkemm l-eroj jew l-anti-eroj mhix nieqsa fil-kotba lanqas inkluża l-letteratura Malta.

Fost l-istejjer irrakontati, insibu Il-Kisba tan-Nar li tirrakonta kif inħoloq in-nar, Persefone u l-bidu tal-Istaġuni li tirrakonta kif bdew l-istaġuni, l-istorja ta’ Midas li ħtija tal-eġoiżmu li jaħkmu, jagħmel l-iżball kardinali li jixtieq li kulma jmiss isirlu deheb u l-istorja tal-minotawru: il-kreatura nofsha raġel u nofsha bhima.

Jikkumplimentaw l-istejjer, hemm it-tpinġijiet ta’ Nicole Diacono li toffri spettaklu mimli azzjoni u dawn l-illustrazzjonijiet jaqbdu sew l-atmosfera tal-mitoloġija. Sa tixtieq li hemm iktar milli hemm, daqs kemm taf xogħlha tajjeb l-artista. Anki jekk fuq il-karta, Diacono jirnexxielha tillustra tajjeb ħafna l-moviment; ġest li mhux kull min jaf ipinġi, kapaċi joħolqu. L-għażla tal-kuluri toħloq festa ta’ karattri li donnhom huma nfushom huma sodisfatti kif ħolmithom u pinġiethom l-illustratriċi.

Il-Fiera tal-Kotba ta’ Londra Sfrattata

L-isfrattu li ħoloq il-vulkan tal-Iżlanda, li fisser l-għeluq tal-ajruporti prinċipali Ewropej, ħalla effett katastrofiku fuq l-ekonomija internazzjonali. Fost l-oħrajn, intlaqtet ukoll, il-Fiera tal-Kotba ta’ Londra. Il-qarrej ma jridx jinsa li dawn huma fieri speċjalizzati li huma diretti għal min hu fin-negozju tal-kotba iktar milli għall-qarrej. L-għeluq tal-ajruporti, fisser li ħafna li kienu interessati li jattendu u li jagħmlu transazzjonijiet ta’ kummerċ baqgħu l-art. Id-direzzjoni baqgħet tinsisti, sal-aħħar minuta, li l-fiera tkompli għaddejja minkejja kollox. Wara kollox, mhux daqstant faċli li tikkanċella avvenimenti fuq din l-iskala.

Donnu anki d-destin xtaq li l-Fiera ta’ Londra tfalli din is-sena. L-ajruporti Ingliżi fetħu l-ispazju fl-aħħar jum tal-fiera. Ir-riżultat immedjat ta’ din il-katastrofi kien li negozju sar mill-inqas għalkemm xi wħud għażlu li jaħdmu online biex ipattu. Dawk midħla tas-settur issa qed jittamaw li tinqaleb il-paġna għall-Fiera tal-Kotba ta’ Frankfurt. Finalment, dan se jfisser negozju tajjeb għall-fiera u għall-ekonomija ta’ Frankfurt innifisha. Biżżejjed ngħidu, li l-ħotels matul il-fiera jkunu għoljin mhux ħażin.

Sadanittant, bħal-lum ġimgħa fetħet il-Fiera tal-Kotba ta’ Budapest li ma tiġbidx esebituri u kummerċ daqs il-fieri ta’ Londra u Frankfurt. Fil-Fiera ta’ Budapest, ħa sehem il-kittieb Iżraeljan Amos Oz fejn ippreżenta l-verżjoni Ungeriża tar-rumanz tiegħu Rhyming Life and Death. Is-Sindku ta’ Budapest tah ukoll unur speċjali. L-Iżrael kien il-pajjiż mistieden waqt il-Fiera msemmija. Fil-Fiera, ħadu sehem erbgħa u għoxrin pajjiż differenti li għall-fiera medja żgur li hu numru tajjeb ħafna. Din is-sena żdiedu s-Saudi Arabja, l-ewwel pajjiż Għarbi li qed jieħu sehem, il-Brażil, il-Vjetnam u l-Awstrija.

Stejjer għall-Ħadd

Horizons, ftit tal-jiem ilu, tebgħu l-ġabra ta’ novelli ta’ Charles Briffa Stejjer għall-Ħadd. Aktarx li ħafna mill-qarrejja tagħna, iktar jafu lil Briffa l-akkademiku milli lil Briffa l-awtur ta’ diversi kitbiet letterarji. Briffa, fuq numru ta’ snin, ipproduċa numru ta’ studji letterarji dwar diversi xogħlijiet ta’ diversi awturi. Fost l-oħrajn, huwa ppubblika l-istudju massiv dwar l-istorja letterarja Maltija li għalih rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

F’din il-ġabra, niltaqgħu ma’ tmiem novelli ta’ Charles Briffa li bosta minnhom dehru f’antoloġiji letterarji jew f’rivisti ta’ natura iktar ġenerali. Xi novelli li jidhru hawn hekk, ġew anki riveduti jew elaborati żmien wara li ġew ippubblikati. Dan punt interessanti għax mhux il-kittieba kollha jemmnu fir-reviżjoni darba li biċċa xogħol tkun ġiet mitbugħa.

Fi Stejjer għal Ħadd, l-awtur, joħroġ teżi interessanti. Briffa jemmen li f’kull bniedem hemm xi ħaġa moħbija bħal per eżempju xewqa li ddawwar żagħżugħ f’lupu, għanja li taħdem fuq qassis f’kunflitt, ħerqa għall-bidla f’mara magħrufa għall-ħażen imxajtan tagħha u rieda qawwija ta’ żagħżugħ biex jidħak bil-qawwiet tal-ħażen.

Briffa jqajjem numru ta’ mistoqsijiet interessanti f’din il-ġabra. Fost dan, xi jweġġa’ l-iktar l-uġigħ fiżiku jew l-inġustizzja. Mistoqsija oħra evidenti, li tapplika għad-dinja tal-lum, hija x’għandha tkun l-għażla bejn l-etika u l-egoiżmu.

Bla dubju, il-qxur ta’ dan il-ktieb jiġbor sett ta’ kitba li se jagħti gost lill-qarrej. Għax wara kollox, letteratura li ma tagħtix gost, tajba biss għall-ħruq.

Websajt għal Vincenzo Maria Pellegrini

Jekk kien hawn persuna f’Malta li kien kulturalment kolt, dan kien bla dubju ta’ xejn in-nutar Vincenzo Maria Pellegrini li ħadem f’diversi friegħi tal-arti f’Malta. Biex jitfakkar b’mod permanenti, inħolqot il-websajt http://gapmalta.blogspot.com. Pellegrini, fost l-oħrajn, kiteb għadd ta’ poeżiji, drammi u libretti ta’ opri u ittraduċa diversi poeti Maltin fit-Taljan. Għal xi żmien segretarju, ta’ Nerik Mizzi. Ikun ħasra jekk jintesa mill-memorja kollettiva tagħna.

Ħarġa Oħra ta’ Sagħtar

Sagħtar jikkumplimenta l-ħajja skolastika, imma fl-istess ħin joffri żvog interessanti u edukattiv. Fuq kollox, dan hu pakkett bil-Malti. Ma ninsewx li, kuntrarju għal barra, ir-rivisti Maltin li jgħixu huma waħdiet.

L-editur Charles Magro jikteb dwar l-importanza tat-tqassim tal-ħin waqt li Trevor Żahra, jimraħ fil-kitba kreattiva u jintervista għasfur ibbalzmat. Maria Pace tikteb dwar il-Maltin li emigraw fl-Amerka waqt li Oliver Friggieri jkompli jippreżenta siltiet mill-awtobijografija tiegħu Fjuri li ma Jinxfux u f’din il-ħarġa jiffoka fuq l-ewwel darba li mar iċ-ċinema. Guido Lanfranco jikteb dwar superstizzjonijiet marbuta mat-tqala li kellna fl-imgħoddi.

Sagħtar joffri s-servizzi tiegħu lill-istudenti l-kbar li fil-jiem li ġejjin għandhom l-eżamijiet tal-Malti. Bħal dejjem, Sagħtar hu pakkett interessanti. Sagħtar hi pubblikazzjoni tal-Malta Union of Teachers. Kull ħarġa tinbiegħ ewro.

Is-sabiħ ta’ Sagħatr hu li l-kontenut ma jtulx xahar imma hu validu minn xahar għall-ieħor. Naf min jagħżel li n-numri kollha jġemmagħhom u maż-żmien ikun ħoloq punt ta’ għerf.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s