Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Ktieb 2010 mill-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Bħal kull sena, fit-23 ta’ April nikkommemoraw il-Jum Dinji tal-Ktieb.
Forsi hawn min iħoss li l-ktieb mhux ta’ min jikkommemorah fid-dinja tal-lum … dinja ta’ bla karti fejn l-elettronika tiddomina anke l-qari tagħna, imma żgur li l-miljuni ta’ qarrejja madwar id-dinja m’għandhom l-ebda dubju għaliex il-ktieb mhux talli jistħoqqlu l-jum tiegħu, imma anke t-364 jum l-ieħor tas-sena.
F’Malta l-istatistika kontwiament tgħidilna li l-Maltin il-qari ma tantx iħobbuh, imma ħafna drabi, il-kuntatt tagħna mal-Maltin jgħidilna ħaġa oħra. Veru li t-temp Malti, id-distanzi Maltin, anke sa ċertu punt id-drawwiet intrinsiċi tagħna, ma tantx iħeġġuna naqraw, imma xorta jinbiegħu eluf kbar ta’ ewro f’kotba fis-sena. U s-sena l-oħra, f’Malta ħarġu 458 ktieb ġdid! F’suq tant żgħir ta’ ftit mijiet ta’ eluf, din hija meravilja u tindika li l-Maltin il-ktieb iħobbuh.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb xorta għadu bl-intenzjoni li jidħol fil-qalba tal-istatistika u jipprova jifhem il-kawżiet, ħalli jinstabu rimedji magħżula f’mod aktar xjentifiku minn dawk li qegħdin naħsbu fihom bħalissa, imma l-fatt li l-qasam tal-kotba f’Malta hu tant vibranti jagħmlilna l-kuraġġ. Il-fatt biss, ngħidu aħna, li fl-aħħar Fiera Nazzjonali tal-Ktieb ġew mas-sbatax-il elf ruħ jgħidilna li l-“missjunarji” qegħdin hemm, u mhux impossibbli li jiżdiedu l-“konvertiti”.
Għandna bżonn li nżidu s-sħubija u ż-żjarat fil-librerija tagħna. Bħalissa qiegħda ssir ħidma qawwija min-naħa tad-Dipartiment tal-Libreriji biex tinġibed l-attenzjoni tal-Maltin lejn l-akbar depożitorji ta’ kotba f’pajjiżna. Issa hemm bżonn li nżidu l-kotba, nibdlu l-qodma ma’ dawk ġodda, niftħu sezzjonijiet ta’ pubblikazzjonijiet popolari, kif hemm f’ħafna liberiji pubbliċi barra xtutna, nibdlu x-xeħta tar-reading rooms, u m’għandix dubju li l-ħaddiema dedikati u motivati tal-liberiji tagħna jibdew immedjatament jaraw il-frott mistħoqq għall-ħidma iebsa tagħhom.
Nixtieq nagħlaq biex nissuġġerixxi lil dawk li mhumiex miktubin f’xi waħda mil-libreriji pubbliċi ta’ pajjiżna biex jiċċelebraw dan il-Jum Dinji tal-Ktieb billi jinkitbu.
Il-premju jeħduh mill-ewwel. Fil-fatt, mal-ewwel ktieb li jissellfu!

Dr Ġorġ Mallia
President, Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s