Dan id-diskors sar waqt il-lejla Ġabra ta’ Ward

Il-versatilità fl-kitba ta’ Emmanuel Benjamin Vella

Dr George Cassar B.A. (Educ.), M.Ed., Ph.D.

Forsi meta nitkellmu fuq Emmanuel Benjamin Vella jiġuna f’rasna xi xogħlijiet speċifiċi u li magħhom baqa’ marbut dan il-kittieb. Madankollu E.B. Vella, barra li kien kittieb versatili kellu wkoll interessi ħafna aktar wiesgħa. Allura, min kien dan E.B. Vella?

Profil qasir ta’ Emmanuel Benjamin Vella (1899-1946)

E.B. Vella twieled il-Mosta fl-20 ta’ Ġunju 1899. Studja fl-iskejjel elementari tal-gvern u wara li qabad karriera fl-edukazzjoni u sar għalliem, ntbagħat St Mary’s College, Londra, u hemm kompla tħarreġ fil-qasam edukattiv. Sar kap ta’ skola u wara ġie appuntat spettur fl-iskejjel.

Vella kien interessat ħafna fil-lingwi. Għamel studji fil-lingwi orjentali fl-Università ta’ Londra, barra li studja sewwa l-Ingliż, it-Taljan u l-Malti. Sar awtur prolifiku billi ppubblika numru ta’ kotba.

Fil-linja tat-tagħlim, Vella ma kienx biss uffiċjal mad-Dipartiment tal-Iskejjel. Għamel il-parti tiegħu fil-pubblikazzjonijiet għat-tfal meta fis-snin tletin ħarġet sensiela ta’ text books bl-isem ta’ Ġabra ta’ Ward – li baqgħet tintuża fl-iskejjel sal-bidu tas-sebgħinjiet. Ħaseb ukoll għat-tagħlim tal-għalliema prospettivi u għal dan il-għan kiteb The teaching of English in our Primary Schools.

Barra l-qasam tat-tagħlim, Vella kien ukoll midħla tal-istorja u l-arkeoloġija ta’ Malta. Baqa’ magħruf għall-istudji tiegħu fuq numru ta’ lokalitajiet f’Malta. Nistgħu nsemmu l-kotba Ħaż-Żabbar u l-Ġrajja Tiegħu (1926); Iż-Żejtun u Marsaxlokk (1930); Storja tal-Mosta bil-Knisja Tagħha (1930); Storja ta’ Raħal Ġdid u Ħal Tarxien (1932); Storja ta’ Birkirkara bil-Kolleġġjata Tagħha (1934); u Storja tar-Rabat u l-Imdina (1945).

Fil-qasam arkeoloġiku Vella studja l-fdalijiet tal-antikitajiet li kienu jinsabu fil-Mużew Nazzjonali u mar fuq is-siti Neolitiċi u ta’ perjodi bikrin oħra biex hekk ikun jista’ jarahom mill-qrib u jistudjahom. Kien jagħti taħdidiet u jmexxi ħarġiet kulturali fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni u t-Tempji Neolotiċi ta’ Ħal Tarxien.

Miet qasir il-għomor fil-Mosta nhar it-2 ta’ Mejju 1946 u ġie midfun fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, ġewwa Paola.

Vella bħala kittieb edukatur

Kif rajna, Vella kien kittieb prolifiku. Il-pinna tiegħu marret minn tema għal oħra u minn ġeneru għal ieħor. Imma, forsi l-ewwel u qabel kollox Vella kien edukatur. Mhux biss dan kien ix-xogħol, il-professjoni, tiegħu, imma kien jagħmel minn kollox biex it-tagħlim jasal għand il-poplu permezz tal-kotba u permezz tal-għalliema li hu kien jgħin biex iħarreġ.

Fost il-pubblikazzjonijiet li Vella daħal għalihom, sensiela ta’ kotba li ħafna Maltin li llum għandhom ċerta età jiftakruha sew għax min jaf kemm użawha għal-lezzjonijiet tal-qari fl-iskola, kienet is-sett ta’ kotba bl-isem Ġabra ta’ Ward. F’din is-sensiela, li ħarġet l-ewwel darba bejn l-1930 u l-1935, Vella pprova jiġbor tagħlim varju mill-aspetti tal-ħajja Maltija u barranija u jgħaddih lill-istudenti fl-iskejjel Maltin.

Vella bħala kittieb patrijottiku

E.B. Vella kien ukoll Malti li kellu jbaqbaq ġewwa fih demm art twelidu. Kien iħobb immensament lil Malta tiegħu u dak kollu li kellu x’jaqsam magħha. Dan kien jidher ċar fl-interess tiegħu fil-poplu Malti. Kien jidher ukoll fl-għarfien kontinwu ta’ dak li għaddiet minnu Malta matul is-sekli. Dan il-patrijottiżmu jinftiehem aktar meta niftakru li Vella għex matul l-ewwel parti tas-seklu għoxrin fejn kien imdawwar b’ħafna kittieba oħra li ħassew l-imħabba lejn Malta b’mod qawwi u li dan ġie espress fix-xogħlijiet tagħhom. Insemmu lil Dun Karm Psaila, lil Ninu Cremona, lil Ġużè Muscat Azzopardi, u tant oħrajn li kienu jaraw fil-Maltin poplu bi storja, tradizzjoni u identità tagħhom, u tagħhom biss.

Waħda mill-kitbiet patrijottiċi ta’ E.B. Vella saret fl-1930, fl-okkażjoni tat-8 ta’ Settembru – ir-rebħa fuq it-Torok fl-Assedju l-Kbir – li għal Malta kien miżmum bħala jum importanti, jum nazzjonali. Kien jiġi ċċelebrat fost kollox b’diskors kommemorattiv. Hekk kien spiċċa d-diskors tiegħu Vella meta hu kien ġie magħżul biex jagħmel din il-kommorazzjoni f’dik is-sena.
VIVA L-GŻIRA MQADDSA TAL-MEDITERRAN! VIVA L-ART TA’ TWELIDNA!
VIVA MALTA!

Vella bħala riċerkatur

U ma’ dan kollu, ma nistgħux ninsew qasam ieħor li fih Vella kien jeċċella. Dan kien il-qasam tar-riċerka. E.B. Vella kien delettant kbir tal-arkeoloġija u l-istorja ta’ pajiżna. Kien imur fuq il-post u jfittex, jarrex u jniżżel dak li jara. Kien ukoll iqalleb fid-dokumenti u fil-kitbiet fuq dawn is-suġġetti. Vella kiteb numru ta’ kotba fuq lokalitajiet Maltin u fihom inkluda dak kollu li kellu l-ħila jsib sa żmienu. Għalhekk ħalla kitbiet riċerkati fuq Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun u Marsaxlokk, il-Mosta, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien, Birkirkara, u r-Rabat u l-Imdina.

E.B. Vella imfakkar fil-Mosta

Bħala wild il-Mosta, din il-lokalità ħasset li għandha tibqa’ tiftakar f’dana binha u għalhekk issemmiet triq għalih. Fit-tarf tal-istess triq twaqqaf ukoll monument għad-unuru fl-1997, xogħol ta’ l-iskultur Ġanni Bonnici, permezz tat-tħabrik tal-Kunsill Lokali tal-Mosta. Kien umbagħad fl-1998 li l-Iskola Primarja ‘B’ issemmiet għalih biex hekk ukoll E.B. Vella jibqa’ marbut mal-edukazzjoni, vokazzjoni li kienet tant magħġuna ma’ ħajtu.

M’hemmx dubju li E.B.Vella kien studjuż u kittieb serju u li d-dedikazzjoni tiegħu lejn l-għerf u t-tagħlim qalgħetlu d-dritt li jitpoġġa ma’ personalitajiet eminenti oħra Maltin f’dan il-qasam.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s