Clare Azzopardi tatni l-opportunita’ li nikkordina serata dwar il-Ġabra ta’ Ward waqt il-Festival Ħarba.

Ħadna gost li l-attendenza kienet tajba ħafna.

Dan li ġej hu d-diskors tal-ftuħ li għamilt.

Insellmilkom u nilqgħukom ghal dan il-vjaġġ nostalġiku li matulu se nqallbu ftit paġni mis-sensiela Ġabra ta’ Ward li tehodna lura ghas-snin tletin.

Nistgħu ngħidu li l-prekusur ta’ din is-sensiela kien Dr Albert V. Laferla. Laferla, għalkemm kien imperjalist gwapp, ħadem biex jinbidel il-wiċċ tat-tagħlim fl-iskejjel tagħna. Fost l-oħrajn, kien fi żmienu li tjiebu l-kundizzjonijiet tal-għalliema. Laferla kien persważ li student għandu bżonn kbir tat-textbook bħala għodda li tgħinnu biex ikabbar l-kompetenzi tiegħu fis-suġġett. Fi żmienu, dan l-aspett kien traskurat ħafna. Ġabar madwaru grupp ta’ nies bħal E.B. Vella, Ġanni Cilia u Ġuże Ebejer.

Emanuel Benjamin Vella, li dwaru jkellimna iktar tard Dr George Cassar, ħadem fuq is-sensiela Ġabra ta’ Ward. Victor Fenech isostni li Vella kien il-bniedem ideali għal din il-biċċa xogħol u jikkwalifikah b’dawn il-kriterji: serju, dedikat u jaf kif iżewwaq antoloġija għall-gosti tat-tfal kollha. Il-Ġabra ta’ Ward kienet serje ta’ sitt kotba, l-ewwel tnejn għaż-żgħar nett. Vella ħadem bl-ortografija l-ġdida li kienet għadha kemm ħejjiet l-Akkademja tal-Malti.

Vella fehem, sa minn kmieni, li ktieb għat-tfal għandu jkun illustrat. Għal din il-biċċa xogħol, tqabbdu żewġ figuri li taw ħafna lill-arti Maltija: l-aħwa Edward u Robert Caruana Dingli. Dik il-ħabta t-tnejn kienu jgħallmu fl-Iskola tal-Arti.

Xi ħaġa oħra li tolqtok hi li apparti l-proża fittizja, inkluda wkoll il-proża mhux fittizja u dan juri kemm Vella kien jaf x’inhu jagħmel. Sa ta kas ukoll tad-daqs tat-tipa, li iktar mal-qarrejja jikbru, iktar tiċkien. Fl-istess ħin, beda jiżdied ukoll l-ammont ta’ kliem ta’ kull storja. Ma naqsitx ukoll il-preżenza tal-poeżija.

Dan il-proġett, tqabbdu jiktbu fih diversi mustaċċuni fil-qasam tal-kitba ta’ dik il-ħabta, bħal Temi Żammit, Anastasju Cuschieri, Ġorġ Pisani u Mary Meylak Uħud mix-xogħol tagħhom, ser ikollkhom l-opportunità li tisimgħuh illejla. Is-serje kienet lesta f’sentejn u ġiet ippubblikata għand l-Oxford University Press.

Grazzi lil George Peresso u lil Marlene Abela li l-lejla se jeħodna lura fiż-żmien biex nitpaxxew b’ dawn il-kitbiet. Grazzi wkoll lil Alex Vella Gregory li se jżewwaq din l-attività bin-noti mużikali tiegħu u fuq kollox grazzi lit-tifel jew lit-tifla ta’ ġo fikom li laqgħu l-istedina tagħna.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s