Il-Mudell Edukattiv ta’ Lorenzo Milani
minn Sergio Grech

Grupp ta’ studjużi, mill-Fakulta tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, immexxija minn Carmel Borg u Peter Mayo qed jaħdem biex il-figura tal-qassis-edukatur Lorenzo Milani tkun apprezzata mill-pubbliku Malti. Huma qed jinsistu li l-argumenti ta’ Milani, fil-kamp edukattuv, għadhom validi għad-dinja tal-lum u jistgħu jħallu ħafna effett pożittiv fuq is-sistema edukattiva f’Malta.

Illum ser nikkonċentraw l-attenzjoni tagħna fuq il-ktieb Letter to a Teacher Lorenzo Milani’s Contribution to Crticial Citizenship li jifforma parti minn sensiela ta’ kotba li huma ppjanati li joħorġu fuq numru ta’ snin. Ix-xogħol fuq dan il-ktieb sar minn Carmel Borg, Mario Cardona u Sandro Caruana.

F’dan il-ktieb, niltaqgħu ma’ tmien studenti mill-istalla ta’ Milani fejn joħorġu t-twemmin tas-saċerdot Taljan fuq l-edukazzjoni. Qari ħafif tat-test juri li l-qassis ma kienx idur mal-lewża u kellu ideat peċiżi tat-tragwardi li xtaq jilħaq.

L-awturi ta’ dan il-ktieb kellhom sfida kbira mhux ħażin fejn tista’ tgħid mhux biss ħarġu bit-teoriji u l-ispjegazzjonijiet tagħhom dwar l-ittra, imma fil-ktieb għandna wkoll traduzzjoni intelliġenti tal-ittra nnifisha u analiżi dettaljata testwali, kważi kważi kelma kelma. Il-qarrej japprezza bla dubju d-diffikultà biex test jinqaleb minn lingwa għall-oħra u l-biża’ kontinwa li jkollu traduttur serju, li jitlef imqar kelma mill-oriġinal. Għax dik il-kelma taf tidher periferika, f’għajnejn ordinarji, imma għal traduttur taf taqleb ta’ taħt fuq il-kunċett kollu.

Milani kien qassis innovattiv. Ma kienx saċerdot tal-karriera għalkemm żgur li kellu kieku ried biex jilħaq fil-ġerarkija ekkleżjastika. Kif intqal iktar ’il fuq kelma ma kienx jomogħdha u kuntrarju għall-qassisin oħra ta’ żmienu, ma kienx jinnamra mal-fazzjonijiet politiċi. Għall-kuntrarju, huwa fetaħ l-attakki tiegħu fuq il-Komunisti, imma wkoll fuq id-Demokristjani. Interessanti wieħed jinnota li Milani, il-lum għadu figura popolari qalb l-istudjużi internazzjonali tal-edukazzjoni.

Il-viżjoni ta’ Milani fejn tidħol l-edukazzjoni kienet waħda dinamika. Ma kienx jemmen fis-suċċessi u fil-fallimenti. Għalih, kulħadd kellu potenzjal biex jimxi u jirmexxi. Ma kienx jiddejjaq ibatti r-ritmu tat-tagħlim, biex min għadu lura jimxi wkoll.

Iddefenda lill-foqra li kif jiġri dejjem, ħadd ma kien jinkwieta biex jedukahom u biex il-kawża tagħhom timxi ’il quddiem. Interessanti li Milani kien ġej minn sfond sinjur. Milani kien persważ li lill-foqra għandek tarmahom biex iwasslu l-vuċi tagħhom biex tinstema’ u biex jesprimu l-ħsibijiet tagħhom. Is-servizz kien joffrih mingħajr ħlas.

Fil-prologu tal-ktieb Domenico Simeone, jinsisti ġustament li dan it-test ta’ Milani għandu jarah kul min hu interessat fl-edukazzjoni. Ir-rivoluzzjoni ta’ Milani, tibda minn raħal żgħira mitluf fil-muntanja, f’Barbiana. Milani kien spiċċa f’dan ir-raħal, kważi deżert, bħala kastig imma, ta’ intelliġenti, il-kastig dawru f’missjoni fejn waqqaf skola radikali. L-iskola li sab kienet alluta: mingħajr l-għodda meħtieġa għajr mejda kbira. Min kull ktieb kellhom biss wieħed. Hu kien jemmen li l-iskola kellha l-missjoni li tibdel l-istudenti u tagħmilhom iktar umani. Min jgħallem irid jagħti każ tal-ħtiġijiet tal-istudenti. F’Barbiana jidher il-Kurċifiss imma wkoll Gandhi, Konfuċju u l-poeżija Kubana.

Għal Milani, kien importanti li l-istudenti jaħkmu l-lingwa nazzjonali u l-lingwi barranin. Kuntatt mal-barranin, kellu jgħin biex il-ħiliet fil-lingwi jitjiebu u jissaħħu. Il-mużika għalih kienet mezz importanti biex l-istudenti jaħkmu sew ilsna barranija. Kien jara li l-istudenti jisimgħu programmi radjofoniċi b’lingwi barranin. Milani kien jagħti wkoll importanza lill-qari u biex juri l-importanza tal-qari kienu jsiru sessjonijiet ta’ qari kollettiv. Kien jemmen ukoll fil-bżonn tal-kitba tajba nieqsa mill-għeltijiet. Kien perważ li ma tistax taħkem id-dinja mingħajr ma taħkem il-kelma.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-istudent għandu jinbidel u jikber tant li hu jgħaddi lill-istess għalliem tiegħu. Finalment, Milani kien jemmen li l-ġenituri kellhom irwol ewlieni f’dan il-konfront biex is-sistema teduka lil uliedhom.

Letter to a Teacher għandu jinqara minn kulħadd.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s