DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IT-TNEDIJA TAL-KTIEB “PAULINE MALTA, THE FORMATION OF A NATION’S IDENTITY”, – BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĦAMIS 15 TA’ APRIL 2010

Sinjuri,

Qed infakkru l-elf, disa’ mija u ħamsin sena min-nawfraġju ta’ San Pawl. Dawn huma ġranet mill-isbaħ għal pajjiżna, ġranet li bis-saħħa tal-memorja, tar-ritratti u tal-attivitajiet li qed isiru se jħallu effett fuq pajjiżna u nittamaw u nixtiequ li l-messaġġ jasal għand il-familji kollha tagħna imma speċjalment għand it-tfal u għand iż-żgħażagħ tagħna. Qed nidħlu aktar fil-fond tal-kultura tagħna. Tal-identità tagħna. Ta’ dak li sawwar u għamel lil dan il-poplu.

Nixtiequ li jkunu dejjem aktar it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna li japprezzaw kulma qiegħed jiġri biex tintwera dejjem aktar ir-rabta naturali li hemm bejn il-valuri li jitwieldu mit-twemmin Kristjan tagħna u t-tradizzjoni familjari, soċjali u nazzjonali.

Il-festi li pajjiżna qiegħed iniedi biex ifakkar għeluq l-elf, disa’ mija u ħamsin sena min-nawfraġju ta’ San Pawl għandhom jassiguraw li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jifhmu li fir-rabta tagħna ma’ dan il-wirt kulturali, storiku u reliġjuż hemm il-kredenzjali l-iżjed importanti tagħna bħala nazzjon, bħala stat sovran, u llum ukoll bħala membru fl-Unjoni Ewropea.

Nixtiequ li dawn il-mumenti storiċi sbieħ, magħqudin maż-żjara tal-Papa Benedittu XVI fostna, ma jintesewx, anzi għall-kuntrarju jibqgħu bħala tifkira għażiża fil-memorja ta’ wlied pajjiżna. Għalhekk inħasset il-ħtieġa li jinħareġ dan il-ktieb u hawn nixtieq nirringrazzja b’mod speċjali lil Fondazzjoni Patri Martin Caruana li emmnet fil-bżonn ta’ din l-istedina biex jingħarfu dejjem aktar l-għeruq qodma ta’ pajjiżna, gżira b’kultura kbira u meraviljuża.

Kemm it-tifkira tal-elf, disa’ mija u ħamsin sena mill-wasla ta’ San Pawl f’Malta, ġrajja importanti u tant determinanti fil-proċess li wassal għall-formazzjoni tal-karattru ta’ pajjiżna, u kemm iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI fostna huma ġrajjiet li għandhom jibqgħu miftakra mill-ġenerazzjonijiet li telgħin u li għada għad iridu jkunu huma li jassiguraw li din il-katina storika antika ma tinqatax.

Irridu nkunu aħna, issa u hawn, li noħolqu l-mezzi li bihom nesponu lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna għall-okkażjoni sabiħa li qiegħda tistenniehom: li jkunu huma, b’ferħ u b’konvinzjoni, li jżommu sħiħ dan il-wirt, kulturali, reliġjuż u politiku fl-istess ħin, wirt li jurina kif matul madwar elfejn sena Malta kellha l-ħila straordinarja li tinbena f’nazzjon, f’dak kollu li hu mistenni minn pajjiż biex ikun tela’ t-tarġiet kollha tad-dinjità internazzjonali.

B’pubblikazzjoni bħal din irridu niftakru u nfakkru dan kollu għaliex nafu li ktieb bħal dan jista’ jmur ħafna u ħafna lil hinn minn dan iż-żmien partikulari u jasal f’idejn oħrajn li għandhom japprezzaw u janimaw bi spirtu ġdid lil din l-istorja sinjura ta’ pajjiżna. Fuq l-istorja rikka ta’ pajjiżna, qed nibnu l-ġejjieni ambizzjuż u eċċitanti ta’ pajjiżna.

L-awturi ta’ dan il-ktieb qed jipproponu vjaġġ storiku permezz ta’ pittura, skultura, u manuskritti li jgħinuna nkomplu niskopru kif iffurmat l-identità tagħna bħala nazzjon. Naraw kif il-kult Pawlin ġie iffurmat tul is-snin permezz ta’ diversi oġġetti kemm b’oriġini Kristjani u kemm pagani. Dawn flimkien mhux biss kienu fundamentali biex jixxerred dan il-kult Pawlin imma matul is-snin bdiet tiżdied l-influwenza tal-kult fuq l-identità Maltija. Dan l-istess kult Pawlin kiber ukoll barra minn xtutna u sawwar ukoll l-identità Kristjana tal-Mediterran. Hija għalhekk pubblikazzjoni li toffri vjaġġ. Vjaġġ storiku permezz tal-arti li matulu ngħarfu l-identità tagħna u kif din sawret lill-identità kollettiva.

Nawgura li din il-pubblikazzjoni tixtered u tkun apprezzata minn kulħadd. Nawgura li tiswa bħala tifkira kulturali u reliġjuża daqskemm ukoll bħala stedina ġentili miftuħa lil kulħadd biex kulħadd jaħdem ħalli jaċċerta li dak kollu li ommijietna u missirijietna ħadmu bla heda għalih mhux biss ma jintilifx, imma jgħaddi qawwi u sħiħ għand ta’ warajna. Din il-pubblikazzjoni għandha l-ħsieb li tkun punt ta’ riferiment għal dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu fuqhiex hi mibnija l-fiduċja sħiħa li għandhom, bħalma dejjem kellhom, il-Maltin fihom infushom. Irridu nimpenjaw ruħna biex dik il-fiduċja tikber, u l-lezzjonijiet tal-passat jiswew ħafna għal dan l-iskop.

F’isem il-poplu Malti nixtieq nuri l-apprezzament lejn Mons Ġwann Azzopoardi u Dr Thomas Freller għal dan ix-xogħol tagħhom, frott ir-riċerka u d-dedikazzjoni.

Nawgura li dan il-ktieb jgħin ħafna u jiswa biex ifakkar, iħeġġeġ u jimla l-qlub bil-fiduċja f’pajjiżna li bena dan il-wirt kulturali kollu li ssibu preżenti, ħaj, qed jiżviluppa u jidwi f’pajjiżna.

D.O.I. – 16.04.2010

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s