Wirja tal-Kotba u Illustrazzjonijiet ta’ Trevor Żahra

Nhar it-Tnejn li għadda, Christopher Bezzina, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, ix-Xogħol u l-Familja fetaħ wirja bix-xogħlijiet ta’ Trevor Żahra fil-Librerija Pubblika Ċentrali tal-Furjana. Din il-wirja qed issir wara ħidma bejn id-Dipartiment tal-Libreriji u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Fil-ftuħ tal-wirja, Ġorġ Mallia, il-President tal-kunsill, tkellem dwar il-kapaċitajiet ta’ Żahra fil-qasam tal-kitba u l-illustrazzjoni. Il-wirja se tkun miftuħa matul April kollu.

Trevor Żahra, twieled iż-Żejtun fis-16 ta’ Diċembru 1947; bin Walter u Ġuża nee Caruana. Trevor huwa t-tielet minn erba’ aħwa. Huwa studja fl-iskola sekondarja Teknika ta’ Raħal Ġdid u fil-Liċeo. Fl-1966 daħal jaħdem għal żmien qasir ma’ l-istazzjoni tat-TV lokali, bħala script writer. Kien ukoll jipproduċi programmi għat-tfal u jagħmel xogħol ta’ Presentation Officer. Fl-1967 daħal il-Kulleġġ ta’ l-Għalliema fejn wara kors ta’ sentejn beda jgħallem il-Malti u l-Arti fl-iskejjel sekondarji. Illum huwa jinsab irtirat wara karriera ta’ 33 sena.

Fl-1971 ippubblika l-ewwel ktieb tiegħu, Il-Pulena tad-Deheb. Dan il-ktieb kiseb suċċess immedjat u Żahra minnufih inxteħet fil-qasam tal-kitba għat-tfal b’impenn kbir. Iżda huwa qatt ma waqaf mill-kitba adulta. Fl-1972 ippubblika l-ġabra ta’ poeżiji Eden. Fl-1973 ippubblika l-ewwel rumanz tiegħu Is-Surmast, rumanz li għoxrin sena wara Żahra adattah għall-palk u ġie ppreżenta b’suċċċess kbir fit-Teatru Manoel għal sentejn wara xulxin. Fl-1974, ippubblika r-rumanz Taħt il-Weraq tal-Palm li kien rebaħ l-ewwel premju f’konkors imniedi mill-Klabb Kotba Maltin. Minn dak iż-żmien ‘l hawn Żahra baqa’ jippubblika simultanjament kemm kotba għat-tfal kif ukoll għall-kbar. Żahra ppubblika l-ewwel workbooks f’Malta għat-tfal għat-tagħlim tal-Malti. Il-kotba tiegħu, bejn kotba ċkejknin għat-tfal iż-żgħar, traduzzjonijiet kif ukoll letteratura għall-kbar, llum ilaħħqu ‘l fuq minn 100.

Żahra huwa rebbieħ ta’ bosta premjijiet letterarji prestiġjużi; biżżejjed insemmu li rebaħ il-Premju Letterarju mniedi mill-Gvern, għaxar darbiet. F’Diċembru 2004, l-Eċċ.T. il-President ta’ Malta iddekorah bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika bħala rikonoxximent għall-ħidma tiegħu b’riżq il-letteratura għat-tfal. F’Ottubru 2008, huwa rebaħ it-taqsima “Arti u Divertiment” tal-Johnnie Walker Man of the Year.
Żahra attenda wkoll diversi seminars barra minn Malta, fosthom fil-Fillandja, l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Greċja. Fil-Ġermanja huwa ta workshops lil grupp ta’ tfal Taljani, Ġermaniżi u Maltin dwar il-kitba kreattiva. Minbarra li huwa mpenjat bis-sħiħ bil-kotba tiegħu, Żahra huwa attiv sewwa fil-qasam kulturali, iżur ħafna skejjel fejn ikellem lit-tfal, lill-ġenerituri u l-għalliema dwar l-importanza tal-qari, u jmexxi korsijiet dwar is-sengħa tal-kitba.

Tirbaħ il-Premju Letterarju Jackson

Ftit tal-jiem ilu, tħabbar li Harryette Mullen rebħet ir-raba’ edizzjoni tal-Premju Jackson għall-poeżija organizzat mill-Poets & Writers Inc. Il-premju jfisser ħamsin elf dollaru. Il-ġurija ddeskriviet lil Mullen bħala talent eċċezzjonali li ħaqqu għarfien usa’.
Mullen li għandha 56 sena, hi l-awtriċi tal-ġabriet ta’ poeżiji Recyclopedia, Muse & Drudge u Sleeping With the Dictionary. Kritiċi letterarji jsostnu li l-poeżija soċjali tagħha kienet ta’ ispirazzjoni kontinwa għall-movimenti femministi u grupp attivi fil-qasam tad-drittijiet ċivili.


Ir-Russja tipprojbixxi l-Mein Kampf

Ir-Russja ħabbret li poġġiet il-ktieb Mein Kamp ta’ Adolf Hitkler fuq il-lista ta’ kotba pprojbiti minħabba kontenut estrem. Il-ktieb imur lura għall-1925 u fih elementi awtobijografiċi tal-politiku Ġermaniż li biddel il-perkors tal-istorja fis-seklu għoxrin. Fil-ktieb imsemmi, l-awtur jesprimi diversi pożizzjonijiet kontra l-Lhud. Ta’ min iżid li qabel ittieħed dan il-pass, diġà kienet teżisti liġi li awtomatikament tipprojbixxi kotba miktuba mill- mexxejja tal-Partit Nażist Ġeramniż imm għal xi raġuni Mein Kampf ma kienx jaqa’ strettament f’din il-kategorija. Il-Ministeru tal-Ġustizzja Russu għandu lista ta’ kważi sitt mitt ktieb ipprojbit u din tidher b’mod regolari fis-sit tiegħu. Fil-lista nsibu diversi kotba Iżlamiċi, rivisti ppubblikati mill-Jehovah’s Witnesses, kif ukoll ktieb mill-istoriku Ingliż Hugh Trevor-Roper dwar Hitler.

Ktieb Ġdid għal Stephenie Meyer

Fil-5 ta’ Ġunju li ġej, l-awtriċi Stephenie Meyer mistennija tippubblika r-rumanz għall-adolexxenti The Short Second Life of Bree Tanner. Meyer, li għandha 36 sena, kisbet suċċess kbir bis-sensiela Twilight. Il-karattru li se jiddomina r-rumanz il-ġdid deher fir-rumanz Eclipse. Il-ktieb se joħġroġ kemm fl-Amerika kif ukoll l-Ingilterra. L-istorja mistennija tidher ukoll fuq il-websajt http://www.breetanner.com għal madwar xahar. Il-karattru ta’ Bree se jidher ukoll fil-film The Twilight Saga: Eclipse li fl-Amerika se joħroġ f’Ġunju li ġej. Skont boxofficemojo.com, il-film The Twilight Saga: New Moon daħħal iktar 700 miljun dollaru. Skont Little, Brown Book Group, il-kotba tagħha Twilight, New Moon u Eclipse biegħu mitt miljun kopja madwar id-dinja.

Ittra ta’ Salinger f’Wirja f’Boston

Din il-ġimgħa, il-Librerija John F. Kennedy, ta’ Boston, qed turi l-ittra li l-awtur J.D. Salinger bagħat lill-kittieb Ernest Hemingway fil-bidu tal-ħamsinijiet. Din l-ittra nkitbet fl-1951, meta l-awtur ta’ The Catcher in the Rye kien qed iservi fl-armata. L-ittra nkitbet qabel ma ġie mitbugħ il-ktieb imsemmi. Salinger iqabbel lilu nnifsu ma’ Holden Caulfield, il-protagonist tar-rumanz imsemmi li sa din il-ħabta kien deher f’xi novelli tiegħu. Salinger miet f’Jannar li għadda.

Lil Hemingway, Salinger jindirizzah bħala Poppa. Min-naħa tiegħu, jiffirma l-ittra Jerry. Salinger kien qed jikteb minn sptar minn Nuremburg fil-Ġermanja. Jistqarr li kien qed jikteb għax kellu xewqa li jitkellem ma’ xi ħadd f’sensieh. Jistqarr li f’moħħu kellu rumanz sensittiv ħafna. Aktarx kien qed jirreferi għal Catcher in the Rye. Mhux magħruf jekk Hemingway weġibx għall-ittra ta’ Salinger.

Barbara Streisand se tkun preżenti fil-BookExpo 2010

Ġie mħabbar li Barbara Streisand se tieħu sehem fil-konvenzjoni BookExpo li ħa tkun organizzata bejn il-25 u s-27 ta’ Mejju li ġej. Streisand mistennija titkellem dwar il-ktieb tagħha My Passion for Design. Il-konvenzjoni se ssir fil-Jacob K. Javits Center ta’ New York. Id-direttur tal-konvenzjoni Steven Rosato irrimarka li l-kantanta se tindirizza suġġett tabilħaqq importanti. Il-ktieb se ikun ippubblikat minn Viking fis-16 ta’ Novembru li ġej.

Ir-Reġistru tal-Kotba fis-Suq

Il-lista tar-Reġistru tal-Kotba Maltin fis-Suq, li tinsab fil-websajt tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb http://www.ktieb.org.mt, issa telgħet għall-kważi 2200 titlu. Ta’ min ifakkar li din l-għodda tagħti l-possibilità unika biex min jużaha jkun jaf x’kotba hawn fis-suq Malti. Wieħed jista’ jfittex b’isem l-awtur, bit-titlu tal-ktieb, bil-ġeneru u bl-età jekk ikun ktieb għat-tfal.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s