Mario Azzopardi b’Vena Skomda
minn Sergio Grech

Wara l-ktieb L-Aħħar Ġranet ta’ Ciorni (pubblikazzjoni Merlin LibraryLtd), Horizons qed jippubblikaw il-ġabra Skizzi tal-Karnival tal-poeta Mario Azzopardi. Il-ktieb hu magħmul minn diversi poesaġġi; sa ċertu punt stil ġdid fil-karriera kreattiva ta’ Azzopardi. Għalkemm hu minnu li fl-antoloġija Noti mis-Sanatorji tal-Mistiċi, ippubblikat mill-PIN, diġà niltaqgħu ma’ dan l-istil interessanti ta’ xogħol letterarju. Ix-xogħol li ta l-isem lil dik l-antoloġija hu eżempju wieħed ta’ dan li qed ngħid. L-isfond teatrali u t-teknika li joħloq il-karikatura tal-poter, żgur li kienu għodda importanti biex jitwieldu dawn l-iskizzi.

F’ Noti mis-Sanatorji tal-Mistiċi, Azzopardi kien ippreżenta dikjarazzjoni importanti fejn hu sostna li hu ma jġorrx tesseri u ma jqimx is-santi tal-ħnieżer beati. Ikkwalifika l-istrofi tiegħu bħala vrus “perikolużi jew xi ftit delużi.”

Inħoss li dawk il-versi jaqblu sew għall-din il-ġabra l-ġdida Skizzi tal-Karnival. Għal darba oħra, din hija ġabra li ma tagħmilx kompromessi u permezz tal-grottesk u tas-sitwazzjonijiet maħluqa, Azzopardi joħloq xenarju wara ieħor, fejn xejn mhu iktar ċert u assolut. Din mhix letteratura prevedibbli jew kummerċjali f’sens dejjaq. It-tessut, xi drabi, jaf jidher ambigwu jew goff jew forsi ardit imma bla dubju hu wieħed irfinut u mibni b’sengħa rari.

Fis-sitwazzjonijiet ippreżentati, f’din il-ġabra, hemm karikatura tal-kuntest lokali u internazzjonali. Hemm sitwazzjonijiet li diġà smajniehom imma li l-awtur jużahom bħala xenarju għall-iskizzi tiegħu. Bosta drabi, dawn l-iskizzi mhumiex salmi kumplimentużi. Għall-kuntrarju, joffru riflessjoni dwar id-dekadenza f’sens wiesgħa. Azzopardi jifli s-sinjali taż-żminijiet fejn l-inċertezza u l-faillment qed jilagħbu logħba ewlenija bil-bniedem jibqa’ jħares.

F’din l-antoloġija tixref l-immaġni ta’ Kristu li hu tema rikorrenti f’xogħol il-poeta. Per eżempju, f’ Noti mis-Sanatorji tal-Mistiċi, niltaqgħu mal-poeżija Redentur; aktarx wieħed mill-iktar testi b’saħħithom li pproduċa Azzopardi. F’monologu ma’ Kristu, Azzopardi kważi kważi jirribella kontra s-silenzju tal-Imgħallem Divin, li jaċċetta li dawk li jistqarru li jemmnu fih jibqgħu jużawh għall-interess tagħhom. Dik il-poeżija finalment iċċarrat velu ipokrita.

Urbania 2008, fost l-oħrajn, tissatirizza l-poplu Malti li jgħix b’dożi qawwija ta’ ipokrezija, fejn il-medja tiddomina ħajtu u l-aġenda tiegħu. Xi drabi, hija l-medja li tispira l-azzjonijiet il-kbar. F’ Timora Jackson trid tikteb lill-President Amerikan, il-poeta jitbekka bil-mod uniku tiegħu, l-imwiet għalxejn ta’ tant suldati fil-gwerer li ħajjithom litteralment ġiet offruta sagrifiċċju għall-poter.

L-inċident tas-serqa ta’ tarbija f’maxtura biswit il-pont li jagħti għal-lok ewlieni ta’ divertiment f’pajjiżna ukoll jispiċċa satirizzat f’din il-ġabra. Il-poeta jinqeda b’inċident pwerili, li kien irrappurtat minn diversi għejun ġurnalistiċi, biex itanbar il-messaġġ li s-sidien tal-medja għandhom l-aġendi tagħhom. L-istess kitba fiha wkoll riflessjoni interessanti: Kristu nnifsu għażel li jitlaq għax is-sens tal-Milied inqaleb ta’ taħt fuq.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s