Studji Soċjoloġiċi dwar it-Tibdil fis-Soċjetà Maltija
minn Sergio Grech

Ftit tal-ġimgħat ilu, Agenda Publications tebgħu l-ktieb Social Transitions in Maltese Society editjat minn Josann Cutajar u George Cassar.

Dan il-ktieb għandu l-kontribut ta’ fost l-aqwa akkademiċi Maltin li ‘imponew’ fuqhom il-mandat li jistudjaw il-bidliet li seħħew f’dawn l-aħħar snin f’Malta. Malta hija stat żgħir, membru fl-Unjoni Ewropea ghal numru ta’ snin issa, u għalkemm hawn min isostni t-teorija li dan hu pajjiż statiku fejn ma jseħħ xejn, interessat biss fil-firdiet parrokjali, fil-verità madwarna qed iseħħu diversi bidliet. Xi drabi b’ritmu kajman u xi drabi iktar mgħaġġla li mhux inlaħħqu magħhom. Dawn il-bidliet qed imissu mas-setturi kollha tal-ħajja.

Dawn il-kontributuri ta’ dan il-ktieb, bl-istili differenti u partikulari tagħhom, jikkonfermaw li anki soċjetà żgħira bħal tagħna qed tgħaddi minn kapitli kostanti ta’ bidliet. Illum, biex nieħdu ftit eżempji, qed naraw forom differenti ta’ familja li sa ftit ilu ħadd ma kien joħlomhom għax il-mudell tradizzjonali fl-aħħar mill-aħħar kien jaqbel ukoll mal-mudell li kien kongruenti mat-twemmin reliġjuż tal-poplu li fih innifsu għaddej minn bidliet u trasformazzjoni wkoll. Madwarna qed naraw iż-żwiġijiet ifallu kuljum waqt li oħrajn qed jagħżlu li jgħixu flimkien mingħajr lanqas biss jinkwetaw li jifformolizzaw ir-rabta tagħhom imqar quddiem l-istat jekk ma jridux jiżżewġu bir-rit Nisrani. Qed naraw is-sekularizazzjoni tagħfas dirgħajha madwarna u t-twemmin li darba kien samm għal xi wħud sar ma jfisser xejn. Biżżejjed tħares lejn il-figuri ppubblikati tal-attendenzi tal-quddies ftit tal-ġimgħat ilu mid-Discern.

Dawn huma wħud mit-temi li nsibu f’dan il-volum interessanti li mingħajr l-iċken dubju joffri qari intelliġenti tas-soċjetà tagħna tal-lum. Kif jikkummenta fid-daħla tal-ktieb il-Professur Joseph Troisi, is-Soċjoloġija, għax dan il-ktieb hu eżerċizzju soċjoloġiku fl-aqwa tiegħu, toffrilna opportunità unika, jekk mhux rari, biex inħarsu lilhinn mill-esperjenza suġġettiva tagħna biex nifhmu kif in-nies f’diversi żoni tal-globu qed jgħixu.

L-istudjużi hawnhekk iqallbu ta’ taħt fuq l-ispirtu tax-xenografija Maltija. Min hi Malta? Malta hi relattivament nazzjon żgħir riżultat ta’ ħafna tbatija u kunflitti; xi drabi ma kinux żgħar u firduna fi tnejn biex nissellfu l-metafora tat-tribu kif imħaddma minn Oliver Friggieri fil-poeżija tiegħu.

Fid-DNA tagħna ta’ Maltin hemm mużajk sħiħ: id-diversi ħakmiet li ħakmu fuqna, il-kisbiet li kisbu l-politiċi tagħna fuq il-medda ta’ snin, il-kreattività artistika li ħakmet l-artisti tagħna minn żmien għall-ieħor, il-bini tal-imqades, l-ilsien mitħaddet fil-pjazza tar-raħal u fil-familji tagħna …. Dan kollu jagħmilna Maltin.

Fil-qasir ser nagħti ħarsa lejn uħud mill-istudji li ġew inklużi f’dan il-ktieb lussuż fil-kontenut. George Cassar, wieħed mill-edituri tal-ġabra, janalizza l-iżvilupp tal-edukazzjoni f’Malta li għandha l-għeruq fl-epoka Medjovali. Cassar jistħarreġ l-iktar żviluppi riċenti fil-qasam edukattiv u kollox hu mwieżen bl-istatistika li tagħmel xogħol iktar b’saħħtu u fin min ieħor. Mill-istudju joħroġ ċar li diversi studenti Maltin qed ikomplu jistudjaw wara l-fażi edukattiva obbligatorja. Cassar iwassal it-teżi li l-proċess edukattiv għandu jkun għall-ħajja u mhux marbut mal-fażi tal-istudju formali tal-klassijiet.

Carmen Sammut tikteb dwar l-impatt tal-media fis-soċjetà tagħna li hi tikklassifikaha fi tlieta: il-media tal-istituzzjonijiet tal-partiti u l-Knisja, dik kummerċjali u dik li marbuta li tagħti servizz pubbliku bħal TVM. Malta għandha xenarju differenti mill-kumplament tal-pajjiżi għax il-protagonisti tal-media Maltija mhumiex biss l-istat jew l-element kummerċjali imma wkoll il-Knisja u l-partiti politiċi li jafu biżżejjed x’arma b’saħħitha għandhom f’idejhom. Sammut tikkonkludi li l-media lokali hi ddominata miż-żewġ naħat.

Mark Montebello jikteb dwar ir-reliġjon f’Malta u l-bidliet li għaddejja minnhom ir-reliġjon illum. L-awtur jinħass deluż mit-tmexxija tal-Knisja l-lum għax skont hu mhux jippreżentaw ir-rilevanza tat-tagħlim tal-istituzzjoni. Jirreferi wkoll għall-inkwiet politiku-reliġjuż tas-sittinijiet li issa għadda min fuqu ħamsin sena. Montebello jqis li dan inkwiet kien fattur importanti biex ġab il-bidla fil-mod ta’ kif il-poplu jħares lejn ir-reliġjon. Jispjega li l-Perit Mintoff, ir-reliġjon ma kinitx importanti wisq per se imma l-politiku xellugi kien iktar interessat mis-saħħa u l-influewenza li kellha l-Knisja. Il-patri Dumnikan jemmen ukoll li l-kuntatti mat-turiżmu matul is-snin għenu biex jibdlu l-perspettiva tal-Maltin fejn tidħol ir-reliġjon. Montebello jemmen li llum qed ngħixu f;soċjetà individwalista fejn l-individwu qed jagħżel it-twemmin li hu jħoss li hu tajjeb għalih u jarmi l-kumplament.

Studju ieħor interessanti huwa dak ta’ Jacquline Azzopardi u Sandra Scickluna fejn qed tkun studjata l-ġustizzja vis-a-vis il-kriminali. Donnu li dan is-suġġett ma tantx jiġi studjat mil-lenti Soċjoloġika. Biex inkun ġusti tajjeb jingħadd li Eddie Attard ma jonqosx li jirreġitra l-istorja tal-korp tal-pulizija Malti u l-qrati tagħna minn żmien għal żmien imma tajjeb niddistingwu li s-Soċjoloġija u l-Istorja għalkemm hemm fihom farka qrubija żgur li huma dixxiplini differenti minn xulxin. L-awturi joffru qabel xejn il-perspettiva storika tas-sistema tal-ġustizzja f’Malta u jispjegaw li kull ħakkiem li kellna fl-istorja tagħna ħalla l-influwenza tiegħu fuq din il-materja. Jitkellmu wkoll dwar il-pulizija li bħala korp twieled f’Lulju 1814. L-istudjużi jiġbdu l-attenzjoni li Malta qabel is-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam kellha tibdel il-liġijiet tagħha. Huma jsostnu li hemm bżonn riformi fl-istrutturi tal-korp u jsejħu għall-qrati iktar effiċjenti u jemmnu li hemm bżonn iktar riżorsi għall-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Mal-awturi li semmejt, jinqagħdu magħhom Angela Abela, Noel Agius, Michael Briguglio, Miriam Cassar, JosAnn Cutajar, Marvin Formosa, Angela Degura, Charles Savona-Ventura, Mario Vella, Valerie Visanich u Anna Zammit.

Ikun ħasra jekk dan il-ktieb isib biss udjenza intelletwali. Hu tajjeb għall-istudent tas-Soċjoloġija daqs kemm hu validu għal dawk kollha li qed jippruvaw jifhmu t-tessut ta’ pajjiżna. Il-ktieb, għalkemm hu akkademiku, jiftiehem minn firxa wiesgħa ħafna. Hu utli għall-politiċi tagħna li sa ċertu punt għandhom sehem ewlieni fid-destin ta’ din l-art biex jifhmu s-sinjali taż-żmien ħalli jiggarantixxu livel għoli ta’ għajxien għall-poplu Malti li dejjem iddistingwa ruħu bħala poplu ħawtiel. Il-ktieb jikkonferma l-bżonn urġenti li l-akkademiċi ma jastjenux mir-rwol tagħhom li jitkellmu u jagħtu sehemhom fis-soċjetà.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s