Patrick Sammut dwar zewg kotba ta’ Poeziji

Minkejja li l-ktieb tal-poeżija mhux daqstant maħbub mill-qarrej inġenerali, xorta waħda huma ħafna dawk il-poeti li b’kuraġġ kbir jagħmlu l-pass huma u jippubblikaw il-versi tagħhom kultant żmien.

Il-ktieb tal-poeżija mhuwiex minn tal-aħħar fuq l-ixkaffi kemm tal-ħwienet tal-kotba, kif ukoll fuq l-ixkaffi tad-djar tagħna. Li jonqos huwa li dawn il-kotba naqbduhom ftit iktar spiss f’idejna, inqallbu fil-paġni tagħhom u kultant żmien naqraw xi poeżija ’l hawn u ’l hinn.

U wara jkollna nammettu li mhu veru xejn li l-poeta huwa maqtugħ mid-dinja ta’ kuljum, li l-poeżija hija ħela ta’ żmien; imma għall-kuntrarju ma tittratta xejn ħlief dak li jiena u inti ngħaddu minnu, jew għaddejna minnu, jew għad irridu ngħaddu minnu.

Il-poeżija mhi xejn ħlief ħsiebi u ħsiebek waqt li konna qegħdin insuqu, jew nistrieħu, jew nibku jew nirrabjaw, jew naraw xi programm jew aħbar fuq it-televiżjoni, imqegħdin iswed fuq abjad, b’dik ix-xi ħaġa li tirrendiha speċjali, u tħalliha tidwi fik għal waqtiet twal.

Ktieb li ħareġ ftit ġimgħat ilu huwa Alla twajjeb dejjem (2009), ġabra ta’ poeżija tal-poeta Anton Buttigieg, miġburin u magħżulin minn Anselm Sciberras u bi studju introduttiv tal-Professur Oliver Friggieri.

Fid-Daħla għal dan il-ktieb, Anselm Sciberras jikteb hekk: “Anton Buttigieg kien ikellimni kuljum, l-istess kif għadu jagħmel illum, permezz tal-versi tiegħu. Il-poeżija mhix maħluqa biex tistudjaha bl-amment bħal pappagall, sempliċiment biex tgħaddi minn eżami. Qiegħda hemm biex tiggustaha u ttiegħem ħlewwietha, tifhimha bil-mod u tħossha tisserrep u titħallat mad-demm, huwa u jgħaddi sal-qalb ħa jġegħelha tħabbat.”

Aktar ’il quddiem jikteb hekk, “…għaraft li Buttigieg hu poeta għal kull żmien u għal kull post. Kitbietu jaqbżu l-fruntieri tal-art u l-fruntieri taż-żmien u jgħoddu dejjem. Jesprimu temi differenti iżda mingħajr firda bejniethom, anzi nħoss li f’kull tema ssib it-temi l-oħra jittawlu u jilagħbu.”

Fost it-temi li Buttigieg jittratta nsibu l-fidi, l-ambjent, it-tiġrib differenti tal-ħajja, kemm dak sabiħ, kif ukoll dan ikrah, u l-patrijottiżmu jew l-imħabba lejn art twelidu. Fost l-aspetti li l-Professur Friggieri jikteb dwarhom fl-istudju kritiku dettaljat tiegħu, insibu l-poetika, in-natura bħala reliġjon fi vrus Buttigieg, l-attività tal-ħlejjaq, l-importanza tal-metafora, il-kuntatt poeta-natura, l-awtobijografija, id-dinja tal-ħsejjes u l-għarfien tad-dinja politika.

Dawk li l-qarrej se jaqra f’Alla twajjeb dejjem huma poeżiji li Anselm Sciberras għażel mill-ġabriet poetiċi kollha tal-Poeta tan-Natura. Ta’ min jgħid ukoll li fil-ġejjieni l-kitbiet kollha ta’ Anton Buttigieg se jkunu aċċessibbli għal kulħadd fuq l-internet. Alla twajjeb dejjem huwa mżejjen ukoll b’għadd ta’ ritratti li juru lil Anton Buttigieg f’waqtiet differenti minn ħajtu.

Poeżija ta’ Anton Buttigieg:

ILJIELI F’RUMA

Niftakar xitwa f’Ruma
meta Inti kont l-isptar b’marda qalila:
ljieli ta’ xita ttektek fuq il-weraq,
ljieli ta’ dmugħ itektek ġewwa qalbi;
filgħodu l-weraq jisbaħ aktar aħdar,
filgħodu qalbi tisbaħ aktar niexfa.

* * *

It-tieni ktieb li ġie f’idejja huwa The Essential Achille Mizzi (2009), ippubblikat mill-Grafika Loġika, u editjat minn Toni Cortis. Dan il-ktieb bilingwi jiġbor fih 47 poeżija tal-poeta Achille Mizzi, magħżulin minn matul il-karriera poetika sħiħa tiegħu, u maqlubin b’sengħa liema bħalha għall-Ingliż mill-eks-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Rev. Peter Serracino Inglott. The Essential Achille Mizzi għandu Daħla kritika bl-Ingliż mill-istess Serracino Inglott, fejn fost l-oħrajn ifakkar li Achille Mizzi kien pijunier f’dik li ssejħet il-poeżija l-ġdida ta’ wara l-kisba tal-Indipendenza fl-1964.

Min hu midħla tal-poeżija ta’ Mizzi jaf li mhix poeżija faċli, imma fuq in-naħa l-oħra hija eżempju ħaj ta’ kitba mibnija b’sengħa kbira, kitba li titfa’ importanza kbira fuq id-dimensjoni udittiva, mela ewlieni huwa l-mod kif tinstema’.

Din ta’ Mizzi hija poeżija deskrittiva, profonda, iddoqq għall-widna, ekwilibrata fl-għażla u fl-użu tal-kelma ta’ nisel kemm Semitiku u kemm Romanz, u mgħobbija b’tifsiriet li jġagħlu lill-qarrej jirreaġixxi bla ma jrid u b’xi mod jew ieħor.

Mizzi juża kliem sempliċi marbut mad-dinja naturali (jispikka spiss il-baħar), imma juża wkoll kliem ieħor meħud direttament mid-dinja tax-xjenza, jew dik tal-mitoloġija jew tal-Bibbja. Jikteb dwar l-imħabba, il-fidi, it-twelid u l-mewt, imma fuq kollox dwar is-sens li l-bniedem li jaħseb, iħoss quddiem dak kollu li hemm madwaru, l-aktar meta jifhem li taħt dik il-qoxra li tidher sempliċi u kwotidjana, hemm misteri kbar moħbijin, daqskemm taħt l-art hemm xmajjar tal-lava jbaqbqu, lesti jiżbruffaw b’qawwa u jitilgħu fil-wiċċ.

Dik ta’ Mizzi hija wkoll tiftixa insistenti, u anki ħarsa min-naħa tal-bniedem ċkejken quddiem il-kobor u s-sbuħija bla tmiem tal-ħolqien.

Parti mis-sabiħ ta’ dan il-ktieb huwa wkoll meta l-qarrej, wara li jaqra l-verżjoni oriġinali bil-Malti, jgħaddi biex jaqra l-verżjoni tradotta għall-Ingliż minn Serracino Inglott. Wieħed jistaqsi jekk dan kienx biss eżerċizzju fit-traduzzjoni, jew jekk hemmx ukoll fil-verżjoni tradotta doża qawwija ta’ kreattività.

Li hu żgur huwa li Mizzi, Serracino Inglott u Toni Cortis ħadmu flimkien biex ħareġ prodott estetiku prim bħal dan.

Poeżija ta’ Achille Mizzi:

DJAMANTI

B’liema trapan nista’ nberren
id-djamanti
biex minnhom nisraq
il-fjamma tad-dawl titliegħeb…
biex nippenetra l-ġunġliena ġewwiena
tal-brillanti
jiddu ġol-ilma ġieri
ta’ ħbub għajnejk?

Maqluba għall-Ingliż minn Peter Serracino Inglott:

DIAMONDS

With what drill can I perforate
diamonds to purloin
the flame of the playful light…
to penetrate
the inner core
of the jewels
in the scintillating water…
the pupils of your eyes?

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s